Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Proġetti Marittimi

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10459 li ngħatat fil-4 ta' Lulju 2023 rigward Proġetti Marittimi ġewwa Għawdex mill-Ministeru tiegħu, ċjoè minn Infrastructure Malta, fejn kien ġie mwieġeb li 'l-kuntratt tax-xogħol fuq l-iskall tal-Qbajjar li hu stmat li jiswa madwar kwart ta’ miljun ewro issa huwa aġġudikat, bix-xogħol mistenni jibda wara s-sajf. Dawn wara li l-Aġenzija Infrastructure Malta għaddiet minn proċess biex ġabet il-permessi neċċessarji biex jitwettaq dan ix-xogħol. Ix-xogħol preparatorju għax-xogħlijiet f’Ħondoq u d-Dwejra għaddej ġmielu, bl-Aġenzija mistennija toħroġ is-sejħa għall-offerti ta’ dawn ix-xogħlijiet fix-xhur li ġejjin, b’investiment li jilħaq kważi nofs miljun ewro', jista’ l-Ministru jgħid liema minn dawn il-proġetti msemmija, beda x-xogħol fuqhom, meta nbeda, kemm minnhom tlestew u meta tlestew u kemm ġew jiswew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li fuq l-iskallijjiet tal-Qbajjar u Ħondoq għaddej il-proċess biex jinġiebu l-clearances neċessarji mill-BCA biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol. Mhux pjanat li isir xogħol fiż-żona tad-Dwejra fiż-żmien immedjat.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16496 u jgħid meta l-aħħar li ġew impjegati ħaddiema tal-kuntrattur fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, kemm hu n-numru ta' dawn il-ħaddiema u x’tip ta' xogħol qed jagħmlu dawn il-ħaddiema? Kemm minnhom huma barranin u kemm minnhom huma ta' ċittadinanza Maltija? Jista’ jgħid ukoll mit-8 ta' Marzu 2013, kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda tal-kuntrattur biex jaħdmu ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, maqsuma xahar b'xahar? Kemm hu n-numru totali ta' ħaddiema tal-kuntrattur li fil-preżent qed jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u x'tip ta’ xogħlijiet qed jagħmlu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-aħħar persuna impjegata hi Clerk u d-data tal-impjieg hi t-8 ta’ Novembru 2024. Dan kien replacement. Ninsab infurmat li t-tagħrif l-ieħor mitlub għadu qed jinġabar.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a. kemm hu n-numru ta' ħaddiema li huma impjegati direttament mal-kumpanija Gozo Channel u f'liema grad huma impjegati u kemm ilhom impjegati; b. kemm hu n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija tramite kuntratti/direct orders mogħtija lill-kumpaniji privati biex jipprovdu servizz ta' ħaddiema u f'liema oqsma jaħdmu dawn il-ħaddiema; u ċ. liema huma l-kumpaniji li għandhom kuntratt/direct order biex joffru s-servizz ta' ħaddiema, kif ingħataw dan il-kuntratt/direct order u kemm tħallset kull kumpanija matul is-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni rikjesta.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Proġett ta’ retro fitting

Question

Fid-dawl tal-proġett ta' retro fitting li qed isir fil-bini tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li l-lifts għadhom ma sarux? Jista’ jgħid ukoll meta se jsiru dawn il-lifts?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żewġ lifts diġà ġew installati. Sussegwentament beda wkoll il-proċess ta’ ċertifikazzjoni.

Il-Fontana — Triq tal-Għajn - Bini ta’ triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbena mill-ġdid Triq tal-Għajn fil-Fontana bejn Pjazza Santu Wistin u l-Knisja Parrokkjali peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li din issir fis-sena 2025? Jekk le, jista' jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' din it-triq? Jekk iva, min għamilhom dawn ir-rapporti u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista jgħid ukoll jekk it-tender ġietx abbozzata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender qed tiġi abbozzata u mistennija toħroġ fis-sena 2025.

Gozo Channel — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda mal-Gozo Channel jew kumpaniji sussidjarji tagħha minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f’liema gradi ġew impjegati dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid ukoll jekk dawn ġewx impjegati wara sejħa pubblika u f'kull każ jista’ jqiegħed kopja tas-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ impjegati ġodda mal-kumpanija Gozo Channel – mill-perjodu imsemmi fil-mistoqsija tal-Intepellant - huma kif indikat f’din it-tabella; Personal Assistant to the Chairman 1 Chief Officer 3 Terminal Co-Ordinator 11

SPD3/2024/068 — TENDER FOR THE MANAGEMENT (SERVICE OF HERITAGE SITE ATTENDANTS) OF CULTURAL HERITAGE SITES ADMINISTERED BY THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING – Sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għala s-sejħa ‘SPD3/2024/068 - TENDER FOR THE MANAGEMENT (SERVICE OF HERITAGE SITE ATTENDANTS) OF CULTURAL HERITAGE SITES ADMINISTERED BY THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING’ ġiet ikkanċellata? Jista’ jgħid ukoll kemm ilu jiġi offrut dan is-servizz, min fil-preżent u f'dawn l-aħħar ġimgħat/xhur/snin kien qed joffri dan is-servizz; kemm tħallas ta' dan is-servizz; għal kemm żmien baqagħlu joffri dan is-servizz u kemm ser jitħallas?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġiet ikkanċellata peress li ma tressqu l-ebda offerti li rriżulta li huma konformi amministrattivament, teknikament jew finanzjarjament mat-termini u kundizzjonijiet ippubblikati ma’ din is-sejħa. Is-servizz ilu jiġi offrut mis-sena 2021 minn tal-Fuklar Group. Ta’ dan is-servizz - sal-jum li qed titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari - tħallas €882,648.15. Bħalissa tal-Fuklar Group marbutin b’kuntratt ta’ sitt (6) xhur li beda mis-16 ta’ Awwissu 2024 u li jeskadi fil-15 ta’ Frar 2025, u minn issa sa dakinhar se jitħallas €72,765.34. Dan il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ sakemm tintrebaħ it-tender li għadha kemm ħarġet - SPD3/2024/097 - Tender for the Management (service of Heritage Site Attendants) of Cultural Heritage Sites administered by the Ministy for Gozo and Planning. Dan il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ sakemm jitlesta l-proċess u jiġi ikkunttrattat is-sevizz wara proċess ta’ sejħa pubblika (tender).

Ir-Rabat/Sannat — Triq Sannat - Bini mill-ġdid tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir ix-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq Sannat - it-triq li tgħaqqad ir-Rabat ma’ Ta' Sannat f'Għawdex - peress li din il-parti tat-triq baqgħet ma saritx u fl-aħħar snin kien hemm wegħdiet kontinwi li daqt issir? Jista' jgħid ukoll meta hu maħsub li jibda x-xogħol u meta hu maħsub li jkun lest?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’din it-Triq mistennija jibdew fis-sena 2025.

Persuni li ma jirċevux pensjoni sħiħa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15746, 18010 u 22133 u jgħid kemm hemm pensjonanti li ma jirċevux il-pensjoni sħiħa minħabba li kellhom nuqqas ta’ ħlas ta' kontribuzzjonijiet soċjali (bolol)? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jinġabar.

Deputat Avukat Ġenerali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-post ta' Deputat Avukat Ġenerali hux mimli u qed jiffunzjona ai termini tal-Artiklu 4 tal-Ordinanza dwar l-Avukat Ġenerali, Kap 90 tal-Liġijiet ta' Malta? Jekk iva, min qed jokkupa dan il-post u meta nħatar? Jekk le, meta hu mistenni li jimtela dan il-post?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kariga ta’ Deputat Avukat Ġenerali tinstab battala u hu mistenni li s-sejħa pubblika għall-mili ta’ dan il-post għandha toħroġ fil-ġimghat li ġejjin.

Ġbir ta’ depositi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Qrati ta' Malta u Għawdex humiex liċenzjati sabiex jiġbru depositi ta' persuni naturali u legali u jżommuhom skont kif jitlob l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju, Kap 371 tal-Liġijiet ta' Malta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta ma hux applikabbli għall-Qrati tal-Ġustizzja u kwindi ma teħtieġ ebda liċenzja għar-raġuni mitluba. B’referenza għad-definizzjoni ta’ depożitu fl-istess Att, il-Qrati ma tiġborx flus minn persuni naturali u legali bil-wegħda li dawn jingħataw lilhom lura fuq talba tagħhom, bl-imgħax jew mingħajru. Il-Qrati tal-Ġustizzja ma jagħtux servizzi finanzjarji, kif irid jirregola l-istess Kap. 371 fl-Artikolu 2A. Il-flejjes li jirċievu l-Qrati tal-Ġustizzja jikkonsistu jew f’miżati, jew depożiti li jsiru taħt l-Awtorita` ta’ Qorti, preċiżament sabiex wara l-ġudizzju tal-Qrati, min għandu dritt għalihom jeħodhom skond is-Sentenza. Għalhekk huwa opportun li jiġi preċiżat li ordnijiet ta’ depożitu ta’ persuni naturali u legali jsiru mill-Qrati u mhux mill-amministrazzjoni tal-Qrati.

Side letters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21600, fejn intqal li ma jistax jaqsam il-pagamenti f’pagamenti separati, jista' l-Ministru jgħid f'kull każ kemm kien il-pagamenti qabel u wara kull side letter li ġiet approvata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

CT4002/2024 — Contract Agreement for the Leasing of Twenty-Two (22) Accommodation Units for Gozo General Hospital – Sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġunijiet f'dawn l-aħħar ġranet inħasset il-ħtieġa li toħroġ is-sejħa ‘CT4002/2024 - Contract Agreement for the Leasing of Twenty-Two (22) Accommodation Units for Gozo General Hospital’? Jista’ jgħid ukoll minn min ser jiġu użati dawn it-22 Units tal-akkomodazzjoni? Jista’ jgħid fil-preżent u f'dawn l-aħħar xhur u snin minn min kien qed jiġi offrut dan is-servizz u meta kienu ħarġu s-sejħiet pubbliċi biex jiġi offrut dan is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-sejħa li ħarġet riċenti hija meħtieġa għall-kontinwazzjoni tas-servizz li bħalissa qiegħed jingħata diġa li d-dettalji dwar l-użu ta’ dawn il-units diġa ngħatat fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19277.

ECO Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22145 fl-intier tagħha u jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex id-diviżjoni/sezzjoni tal-Cleansing f'dawn l-aħħar ġimgħat m’għadhiex tifforma parti mid-Direttorat tal-ECO Gozo? Jista’ jgħid ukoll x'responsabbiltajiet ġodda ngħataw lid-Direttorat tal-ECO Gozo issa li d-diviżjoni/sezzjoni tal-Cleansing m’għadhiex parti minnha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta twaqqaf, id-Direttorat EcoGozo kellu biss responsabbilità ta’ dan id-direttorat. Aktar tard, żdiedu miegħu t-taqsimiet tal-Animal Welfare u l-Cleansing. Issa nħasset il-ħtieġa li l-Public Cleansing jingħaqad mad-Direttorat tal-Manutenzjoni, bil-għan li jkun hemm aktar kordinament bejn dawn iż-żewġ sezzjonijiet.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Bordijiet u Kumitati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva? F’kull każ, jista’ jagħti l-ismijiet tal-persuni li jiffurmaw dawn il-bordijiet u/jew kumitati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

PA07491/16 — Sptar Ġenerali ta’ Għawdex - Master plan

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22443 dwar il-Master Plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn ġie mwieġeb li “bħalissa għaddejjin bil-pjanijiet għall-ewwel fażi li tinkludi l-istudji ġeoloġiċi li huma kruċjali għall-bini tal-isptar il-ġdid”, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se toħroġ sejħa pubblika għal-istudji ġeoloġiċi, u jekk iva, meta hu maħsub li toħroġ din is-sejħa u kemm hi stmata li se tkun tiswa? Peress li f'dawn l-aħħar għaxar snin kienu saru diversi studji ġeoloġiċi, jista’ jgħid jekk dawn humiex se jiġu użati għall-bini ta' sptar ġdid ġewwa Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kuntratt għall-istudji ġeoloġiċi ġie iffirmat u qed jsiru il-preparamenti meħtiega biex ix-xogħol ta’ tħaffir jibda fil-jiem li ġejjijn. Il-kuntratt ġie mogħti bi proċess ristrett direttament ma’ kuntratturi kompetenti lokali għal valur ta €95,920. Dawn l-istudji huma meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni neċċesarja biex fuq dawn ir-riżultati jsir id-disinn tal-bini tal-isptar u l-binjiet anċillari oħra. Ninsab infurmat illi sa issa l-Gvern mgħandux aċċess għall-studji preċedenti.

Rabat, Għawdex — Triq Ġorġ Pisani - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nbdew ix-xogħlijiet fi Triq Ġorġ Pisani fir-Rabat, Għawdex u meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jitlesta x-xogħol fuq din l-imsemmija triq u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq Triq Ġorg Pisani bdew fis-sena 2024. Ix-xogħol fi Triq Ġorg Pisani huwa parti minn xogħlijiet li jinkludu Triq Patri Ġianċintu Camenzuli, Triq il-Kapuċċini u Triq Marsalforn.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Ħaddiema seconded

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni li talbu li jiġu seconded? Jista’ għal kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema jgħid kemm ilhom seconded, xi grad huma, u kemm minnhom huma Għawdxin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Xagħra, Għawdex — Triq Għajn Ħosna - Traffic calming measures

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru xi tip ta’ traffic calming measures fi Triq Għajn Ħosna fix-Xagħra, Għawdex u jekk iva, fiex ser ikunu jikkonsistu, minħabba n-numru ta' inċidenti li qed ikun hemm f'din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li bħalissa qed issiru l-pjanijiet għal-traffic calming measures sabiex jigu sottomessi għal-approvazzjoni ta’ Transport Malta.

Gozo Sports Awards — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa totali biex ittellgħet is-serata tal-Gozo Sports Awards 2024? Jista' jagħti rendikont kif kienet maqsuma din l-ispiża u kull ħlas li sar kienx wara tender, direct order jew sejħa għall-kwotazzjonijet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont totali tal-ispiża hija ta’ €70,775.05.