Jista’ l-Ministru jagħti l-istatus attwali ta’ kull appell li hemm pendenti għas-smigħ kemm quddiem (1) il-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll quddiem (2) il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (ġurisdizzjoni kostituzzjonali) fir-rigward ta’ kawżi kostituzzjonali fejn qed tiġi kontestata l-legalità kostituzzjonali tal-poteri tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) skont il-Kap 330 biex din timponi penalitajiet finanzjarji?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma hemm ebda appell pendenti f’dan ir-rigward kontra l-Awtorità quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jew il-Prim Awla’ tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali).
Ħatra tal-Kumitat dwar Deċiżjonijiet tal-Infurzar — Status
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11098, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istatus attwali dwar il-ħatra tal-Kumitat dwar Deċiżjonijiet tal-Infurzar skont l-art. 11 tal-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, Kap. 330, dan ukoll fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tat-18 ta’ Novembru 2024 fl-ismijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament:
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MFSA, sal-ġurnata tal-lum, għadha ma waqfitx l-Enforcement Decisions Committee.
Madankollu, wara id-deċizjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tat-18 ta’ Novembru 2024 kontra l-FIAU u l-Avukat ta’ l-Istat, l-MFSA qiegħda tikkonsidra kif ser timxi dwar l-Enforcement Decisions Committee, fid-dawl ta’ dawn id-deċizjonijiet riċenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3541, 3817 u 15892 u jgħid mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum kemm-il triq saret mill-Ministeru tiegħu, lokalità b'lokalità? Jista' jgħid f'kull każ jekk ix-xogħol hux lest jew jekk għadu mhux lest x'fadal isir? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża totali jew l-ispiża s’issa fuq l-istess, triq bi triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Proġetti u inizjattivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti u inizjattivi saru fuq Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u fiex kienu jikkonsistu mill-Ministeru tiegħu ġewwa Għawdex matul is-sena 2023 u s-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti u inizjattivi fuq Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali hemm ippjanati li jsiru għas-sena 2025 u fiex jikkonsistu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-Direttorat EkoGħawdex qiegħda ssir ħidma ta’ riċerka fuq l-effiċjenza fl-użu tal-ilma għall-irrigazzjoni. Dan qed isir permezz tal-proġett MED-WET li hu ffinanzjat mill-PRIMA. Matul l-2024 u l-2025, l-istess direttorat qed imexxi wkoll il-proġett tal-LIFE RBMP fejn ser ikun riċerkat l-effett tal-ilma tan-‘New Water’ fuq il-prodotti agrikoli meta mqabbla mal-ilma tax-xita. Għal dan il-għan ser tkun qed tintuża s-serra li nbniet taħt il-proġett tal-MED-WET.
Apparti minn hekk, id-direttorat għall-Affarijiet Rurali sottometta żewġ applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanjar biex isir upgrading fil-Cold Stores u upgrading fil-Biċċerija. L-upgrading fil-Cold Stores jinkludi l-introduzzjoni ta’ freezers ġodda, filwaqt li fil-biċċerija ser isir titjib fiż-żona tal-Animal by Products.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Membri ta’ Entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15937 u jagħti lista tal-kumitati, bordijiet, kummissjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar? Għal kull każ, jista' jgħid min hu ċ-Chairperson u min huma l-membri ta' kull entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid ukoll min kien iċ-Chairperson u l-membri tal-istess entitajiet sa qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Bereġ tas-Saħħa f'Għawdex li fil-mument qegħdin jiffunzjonaw? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jerġgħu jinfetħu Bereġ tas-Saħħa oħrajn ġewwa Għawdex matul is-sena 2025?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpelant li, l-irwol il-ġdid tal-Kliniċi tal-Komunità jmur ferm lil hinn mill-funzjoni li kellhom il-bereġ sa ftit żmien ilu.
Il-Kliniċi tal-Kommunità saru kliniċi moderni f’dik li hija dehra u mgħammra bl-aħjar apparat mediku biex jiġi offrut servizz ta’ kura primarja multidixxiplinaru tal-ogħla livell. Il-Kliniċi tal-Kommunità huma ukoll imqabbda mas-sistema tal-electronic patient recrod biex l-istorja medika tal-pazjent tkun aċċessibbli f’ħin reali minn kullimkien fil-Primary HealthCare.
L-għan prinċipali hu lis-servizzi tal-kura primarja jersqu aktar qrib il-post tar-residenza tal-pazjenti u l-post tax-xogħol tagħhom. Għaldaqtant, il-Kliniċi tal-Kommunità jinfetħu f’postijiet strateġiċi.
Filwaqt liċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Victoria jkopri l-Għawdex kollu, bħalissa hemm il-Klinika tal-Kommunità fix-Xewkija li tkopri l-lokalitajiet tan-naħa tal-Grigal, il-Klinika tal-Kommunità tal-Għarb li tkopri dawk tan-naħa tal-Majjistral, u l-Klinika tal-Kommunità tal-Qala li tkopri dawk tan-naħa tax-Xlokk.
Munxar — Area Ta’ Rinota u Sannat - Triq il-Paranji - Toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb biex it-toroq fl-area Ta' Rinota ġewwa l-Munxar u Triq il-Paranji fis-Sannat Għawdex isiru matul is-sena 2025, peress li f'dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fihom u dawn it-toroq għadhom qatt ma saru u jaqgħu taħt ir-responsabiltà diretta tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru kontinwament jikkonsulta mal-Kunsilli Lokali dwar il-ħtiġijiet tar-raħal.
Għawdex — Proġetti ta’ parks, spazji miftuħa u afforestazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jelenka lista ta' proġetti għal parks, spazji miftuħa, afforestazzjoni u oħrajn simili li diġà bdew u mistennija li jkunu lesti sal-aħħar tal-2024 u jinkludi n-natura u deskrizzjoni qasira tal-proġett, meta beda, kemm kien il-baġit oriġinali u kemm hi mistennija li tkun in-nefqa totali wara li jkun lest il-proġett? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti ta' parks, spazji miftuħa, afforestazzjoni u oħrajn simili hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2025 u jinkludi n-natura u deskrizzjoni qasira tal-proġett, meta beda, kemm kien il-baġit oriġinali u kemm hi mistennija li tkun in-nefqa totali wara li jkun lest il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar permezz tad-direttorat EkoGħawdex għadu kif wasal fi ftehim għal-fondi għal xogħlijiet ġewwa Ulysses Grove. Is-sejħa għall-offerti hija lesta u mistennija tintbgħat lid-dipartiment tal-kuntratti fi ftit jiem oħra. Dan ser ikun park bi spazji miftuħa sabiex jitgawda mill-familji Għawdxin u Maltin u li qiegħed fil-periferija tal-belt Victoria.
Barra minn hekk, l-istess Ministeru jinsab ukoll fil-proċess li joħroġ tender għal ġnien dementia friendly fil-periferija tal-Kerċem. Dan il-ġnien se jkun immirat għal nies li jbatu mid-dementia u għalhekk se jkollu numru ta’ karatteristiċi li jgħinu fl-interazzjoni sensorjali.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il Sectorial Agreement għal ħaddiema tas-servizz ġew iffirmati matul is-sena 2024, maqsuma xahar b'xahar u għal liema kategorija ta' ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm oħrajn li huma maħsuba li jiġu ffirmati minn issa sal-aħħar tas-sena 2024?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li matul din is-sena ġew iffirmati 15-il ftehim settorjali li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-impjegati fis-Servizz Pubbliku f’kategoriji differenti. Infurmat ukoll li fil-preżent hemm 2 ftehimiet li qegħdin jiġu diskussi u li jinsabu fi stadju matur.
Postijiet żgħar/monumenti storiċi/sqaqien — Skema ta’ restawr
Question
B'referenza għall-iskema ta’ restawr ta’ postijiet żgħar/monumenti storiċi/sqaqien f'Malta għal din is-sena, li ġiet ippubblikata f’Marzu 2024, jista' l-Ministru jgħid:
i. kemm-il darba ħarġet tali skema matul l-aħħar għaxar snin u jindika s-snin meta ħarġet?
ii. kemm kien l-ammont ivvutat għal din l-iskema, maqsuma sena b'sena?
iii. kemm attwalment intefqu flus fi proġetti f'din l-iskema, maqsuma sena b'sena?
Jista jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-iskema ta’ din is-sena, minn min saru l-applikazzjonijiet, għalxiex saru, kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom ġew irrifjutati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Binjiet mikrija mingħand il-privat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm binjiet mikrija mingħand il-privat mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid ukoll f'kull każ għal liema skop inkrew dawn il-binjiet, kemm ilhom mikrija u meta tintemm il-kirja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Kura titkompla fi sptarijiet oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pazjent daħal fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex imma l-kura tiegħu kellha f'xi ħin titkompla fl-Isptar Mater Dei jew f'xi sptar ieħor pubbliku f'Malta matul is-sena 2024, u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar snin, ġewwa l-Isptar Ġenerali t’Għawdex ittieħdu diversi inizjattivi, fosthom fil-kirurġija innovattiva, kardjoloġija u newroloġija. Dan kollu sabiex aktar Għawdxin ikunu jistgħu jieħdu l-kura kollha tagħhom ġewwa l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Isptar Mater Dei jibqa’ l-lok ta’ super-speċjalizzazzjoni għall-kura terzjarja, permezz ta’ proċeduri tal-ERCP u EUS; servizzi avvanzati fil-kardjoloġija u anġjografiċi; operazzjonijiet tal-kardjo-vaskulari; servizzi avvanzati ta’ pedjatrija; kirurġija avvanzata fl-esofagu u fil-frixa; eċċ.
Kif dejjem jisħaq il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, iċ-ċentru ta’ super-specjalizzazzjoni jibqa’ l-Isptar Mater Dei u dan sabiex l-kura tibqa’ tal-ogħla kwalità minħabba konċentrazzjoni ta’ esperjenza (high intensity case-load volume).
Għal dik li hi informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru, din qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Bini ta’ toroq jew biex jiġi rranġat l-asfaltar u/jew servizzi — Tenders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mit-tenders li nħarġu u ġew awarded biex toroq jinbnew mill-ġdid jew jiġi rranġat l-asfaltar u/jew is-servizzi tat-triq, minn Jannar 2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, f’kemm minn dawn inqabeż id-deadline stipulat sakemm tlestew u ġew iffinalizzati x-xogħlijiet, u f’kull każ jgħid b’kemm inqabeż?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Electric Buses tal-Malta Public Transport fil-preżent ġewwa Għawdex li jintużaw għas-servizz tal-linja ġewwa Għawdex?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent is-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda ġewwa Għawdex qiegħed jiġi servut permezz ta’ karozzi tal-linja diesel mgħammra b’magni Euro VI u allura jniġġsu anqas. Hemm ukoll sitt Electric Buses li qegħdin joperaw fuq is-servizz tal-Park and Ride li jopera bejn ix-Xewkija u l-Port ta’ l-Mġarr.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Proġetti ambjentali
Question
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16489 dwar xi proġetti ambjentali hemm ippjanati li jsiru ġewwa Għawdex mill-Ministeru matul is-sena 2024, fiex jikkonsistu u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża fejn kien ġie imwieġeb li ' li min-naħa tad-direttorat EkoGħawdex se jkunu qed jinbnew tliet toroq rurali; Triq Ta’ Spiteri, Triq ta’ Għajn Abdul ma’ Triq ta’ Wied Juno u kif ukoll Triq Klula bi spiża stmata ta’ mhux inqas minn Ewro 1,973,281.64 ko-finanzjati minn fondi Ewropej. Se jinbnew ukoll il-ħitan tas-sejjieħ fi Triq San Niklaw bi spiża stmata ta’ Ewro 196,565.04 ko-finanzjata minn fondi Ewopej', jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-proġetti msemmija nbeda x-xogħol fuqhom, meta nbeda u meta se jitlesta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħiet għall-offerti ġew preparati u qegħdin jiġu ivettjati mis-sezzjoni tax-xiri pubbliku tal-Ministeru. Is-sejħiet mistennija jkunu ppublikati fi ftit ġimgħat oħra.
Spatar Ġenerali ta’ Għawdex — Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għas-sejħa li ħarġet fix-xhur li għaddew biex jiddaħħlu persuni fil-grad ta' 'Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1 at the Gozo General Hospital'? Jista’ jgħid ukoll kemm iddaħħlu ħaddiema f'dan il-grad sa issa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li għas-sejħa ta’ “Emergency Ambulance Responder Trainee/ Emergency Ambulance Responder 1” applikaw 34 persuna. Sa issa f’dan il-grad iddaħlu 20 ħaddiem.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet f'Marsalforn, Għawdex hijiex tajba sabiex tintuża? Jista' jgħid ukoll jekk sarx awditjar ta' din il-playing field u jekk iva, jista’ r-rapport jiġi ppubblikat?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk baqax toroq f'Għawdex li jridu jsiru mill-ġdid? Jekk iva, kemm baqa' u f’liema raħal jinsabu? Jista’ jagħti l-isem tat-triq, kif ukoll kemm huwa stmat li se jiswew ix-xogħlijet pendenti fuq dawn it-toroq u meta hu maħsub li jsiru u jitlestew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn żmien għal żmien il-Ministeru jevalwa kemm il-kundizzjoni tat-toroq kif ukoll l-iżvilupp li jkun għaddej fil-lokalijiet. Ix-xogħlijiet isiru skont it-tali esiġenzi.
In-Nadur, Għawdex — Triq ir-Rabat - Retaining wall
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15940, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni fuq ir-retaining wall tal-konkos li hemm fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur, liema ħajt jidher li jista' jċedi? Jista' jgħid ukoll jekk min għamel din l-ispezzjoni, ikkonfermax li ma hemm l-ebda periklu? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar spezzjoni li saret fuq ir-retaining wall tal-konkos kien fis-sena 2024 minn Perit tal-Gvern u bħalissa qed issir spezzjoni min Perit speċjalizzat fl-istrutturi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku ġewwa Għawdex li fihom kien hemm persuni li sofrew ġrieħi matul is-sena 2024 u jaqsam din l-informazzjoni lokalità lokalità?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li ġraw f’Għawdex u li fihom kien hemm persuni li sofrew ġrieħi matul is-sena 2024, kien kif jidher fit-tabella hawn taħt, maqsuma skond il-lokalita.
Lokalità f’ Għawdex
Numru ta’ persuni li sofrew ġrieħi
Inċidenti li kienu fatali
Żebbug
6
1
Victoria
32
Xewkija
23
Għajnsielem
13
Munxar
3
Xagħra
8
Qala
7
Nadur
10
Kerċem
2
Sannat
4
Għarb
4
San Lawrenz
1
Għasri
2
Fontana
1
Total
116
1