Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn ħames xhur u għadu ma nbeda ebda xogħol relatat mas-sejħa WSC/T/110/2023 - Works – Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Water Services Corporation - Consolidation Of Existing Network For Improved Water Supply In Xagħra? Tista’ tgħid meta ser jinbeda (xahar u sena) u jitlesta dan ix-xogħol? Tista’ tgħid għal kemm flus kienet ġiet awarded din is-sejħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma assigurat ruħha li kull proċess amministrattiv ikun ġie attwat. Is-sejħa għall-offerti indikata ġiet mirbuħa għal €169,284 u x-xogħlijiet marbuta magħha hu ppjanat li jinbdew f’Jannar li ġej u jieħdu madwar tnax-il ġimgħa biex jitlestew. Dan kemm-il dabra ma jinqalgħux ċirkostanzi li l-Korporazzjoni ma jkollhiex kontroll fuqhom, bħal fil-każ ta’ sejbiet arkeoloġiċi jew fatturi oħrajn waqt l-eżitu tax-xogħlijiet.
Skema għal xogħlijiet fit-toroq relatati mal-infrastruttura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li nħarġet skema għall-kunsilli lokali ġewwa Għawdex biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħlijiet ta' toroq relatati mal-Infrastruttura tagħhom ġewwa l-irħula ta' Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li biex il-Ministeru jiżgura li qed jindirizza l-esiġenzi li dejjem jinbidlu tal-Kunsilli Lokali l-Ministeru jilqa b’mod kontinwu rikjesti mill-Kunsilli Lokali rispettivi bil-Ministeru jagħżel li jindirizza x-xogħlijiet skont il-prijoritajiet u l-urġenza. Il-Ministeru jagħżel li jew jalloka l-fondi lil Kunsill biex iwettaq ix-xogħlijiet jew tali xogħlijiet isiru b’intervent dirett mill-Ministeru.
Tista’ l-Ministru tgħid għala nħasset il-ħtieġa li toħroġ is-sejħa 'WSC/T/120/2024 - Works – Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Wsc - Tender For Water And New Water Works At Għajnsielem, Xewkija And Nadur, Gozo'? Tista’ tgħid ukoll jekk minn fejn ser jgħaddu dawn it-trinek hux ħa tinbena t-triq kollha mill-ġdid jew inkella jiġu asfaltati jew mogħtija l-konkos it-trinek biss? X'hemm mitlub li għandu jsir fis-sejħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti indikata nħarġet primarjament biex jinbidel il-mejn ewlieni li jwassal il-provvista tal-ilma tax-xorb lejn erba’ rħula - ix-Xagħra, Nadur, il-Qala u Għajnsielem. Dan it-titjib fl-infarstruttura se jwassal għal kwalità ta’ ilma aħjar kif ukoll pressa iktar b’saħħita. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħasbet biex dan il-proġett jinkorpora wkoll mejn tan-New Water tul l-istess rotta. Partijiet sostanzjali minn din ir-rotta u fejn hemm il-ħtieġa se jiġu asfaltati.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex se tkun tikkonsisti l-espansjoni/tkabbir li hemm ippjanat li jsir ġewwa l-Impjant tad-drenaġġ f'Tal-Fessej ġewwa Għawdex u b'kemm se titkabbar il-kapaċità ta’ dan l-impjant? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-permess jew tracking number? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan il-proġett u kemm minnu hu maħsub li se jkun iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Tista’ tgħid ukoll meta hu maħsub li jinħarġu t-tenders għax-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett qiegħed fi stadju ta’ pjanar u l-estensjoni tal-impjant se ssir biex il-kapaċità preżenti tat-trattament tad-drenaġġ tiżdied għal madwar 12,000 metru kubu kuljum, kif ukoll iżżid il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ New Water. Bħalissa għaddej il-proċess biex jiġi finalizzat id-disinn inizjali u l-abbozzar tas-sejħa għall-offerti li flimkien mal-istima tal-investiment għandhom jitlestew fl-ewwel kwart tas-sena 2025. Fl-istess żmien ukoll, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed tissottometti l-applikazzjoni għall-kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea (Programm 2021-2027).
Sena 2024 — Għawdex u Kemmuna – Proġetti ta’ Project Green
Question
Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti saru minn Project Green ġewwa Għawdex u Kemmuna matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm intefqu flus fuq kull proġett? Tista’ tgħid ukoll xi proġetti ġodda hemm ippjanati li jsiru u meta f’Għawdex u Kemmuna minn Project Green u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża fuq kull proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green qed tħejji biex matul is-sena li ġejja tibda twettaq żewġ proġetti f’Għawdex, li għalihom diġà nħarġu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar, wieħed f'Għajnsielem u l-ieħor fix-Xewkija.
Ir-Rainwater Harvesting Park f’Għajnsielem, b’investiment ta’ madwar €1,050,000, se jkun qed joffri spazju multifunzjonali b’diversi attrazzjonijiet fosthom tagħmir tal-logħob għat-tfal, anfiteatru u ċentru edukattiv. Filwaqt li fil-każ tal-ECO Garden fix-Xewkija, li għalih se jsir investiment ta’ madwar €470,000, l-aġenzija se tagħti prijorità lill-enerġija rinnovabbli biex il-ġnien ikun awtosuffiċjenti. Hawnhekk ukoll se jkun hemm tagħmir tal-logħob għat-tfal u se jinbena ġibjun biex l-ilma li jinħażen fih jintuża għat-tisqija.
Barra minn hekk, b’kollaborazzjoni mad-Direttorat ecoGozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Project Green ser tkun qed twettaq proġett ta’ riabilitazzjoni f’Wied tal-Grixti, liema wied jagħmel parti mill-catchment area ta’ Wied il-Lunzjata.
Ambjent Malta kompliet għaddejja bil-ħidma tagħha f’Kemmuna fejn saru interventi ta’ manutenzzjoni fuq interventi li saru fil-bajja ta’ Santa Marija, fejn ġie rranġat il-cording li kien qed idawwar l-għaram tar-ramel. Tkompliet ukoll il-manutenzjoni fuq il-ħitan tas-sejjieħ li jwasslu minn Santa Marija għal Tal-Ful, kif ukoll b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) issokta l-programm ta’ interventi għat-tneħħija ta’ speċi invażivi li hemm fuq il-gżira.
Il-Qala Għawdex – Żona tal-Kunċizzjoni – Sub station
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex tinbena substation ġdida ġewwa l-żona tal-Kunċizzjoni fil-Qala Għawdex? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan ta’ fejn hi ppjanata li ssir din is-substation?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li għaddej il-proċess biex jiġi identifikat sit tal-gvern li mbagħad jgħaddi għand l-Enemalta biex issir is-substation.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ngħataw in-Nazzjonalità Maltija mill-2013 sal-2024, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi kienu dawn l-individwi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16498 fejn ġie mwieġeb li “s'issa m'hemmx proċess ta' esproprjazzjoni”, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid għaliex din it-triq għadha bis-sinjali tad-dead end f'kull tarf tagħha u x’inhi r-raġuni li din it-triq qed tkun ostakolata mill-aċċess liberu għall-pubbliku? Jista' jgħid ukoll f'liema stadju wasal il-proċess biex din it-triq tiġi miftuħa u tkun tista' tiġi surfaced?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandna, hemm kawża l-Qorti fuq din il-parti tat-triq.
Ir-Rabat Għawdex – Triq ta’ Wara s-Sur – traffic calming measures u zebra crossing
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20984 jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru xi tip ta’ traffic calming measures fi Triq ta' Wara s-Sur, ir-Rabat Għawdex u jekk iva, fiex ser ikunu jikkonsistu, peress li qed ikun hemm sewqan eċċessiv f'din l-imsemmija triq? Jista’ jgħid għala tul it-triq kollha mhux se jkun hemm zebra crossings ħlief għal-waħda fit-trejqa l-ġdida f'din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-Triq ta' Wara s-Sur fir-Rabat Għawdex hemm limitu ta’ veloċita’ ta’ 40km fis-siegħa. Bil-għan li tkun ikkontrollata l-velocita’ eċċessiva se jsiru sinjali tat-toroq. Dawn jinkludu kemm traffic signs kif ukoll road markings, biex jindikaw lis-sewwieqa l-limiti ta’ veloċita’ stabbiliti. L-istess triq tinsab fil-biċċa l-kbira tagħha f’żona rurali, bir-raba’ fuq kull naħa. Għaldaqstant din il-parti tat-triq minn fejn jgħaddi volum relativament baxx kemm tat-traffiku tal-vetturi kif ukoll dak pedonali - b’velocita’ limitata għal 40km fis-siegħa - tqieset bħala low risk. Għal din ir-raġuni ma ġewx ipproġettati zebra crossings, oltre minn dik li hemm fit-trejqa msemmija u meqjusa bħala urban transition zone.
Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq is-Sagħtrija - Downlighters
Question
B'referenza għal xogħlijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Istrateġija u s-Sapport tal-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022 sabiex saret it-trinka biex ikun jista’ jiġi mgħoddi cable tal-elettriku fil-parti tat-telgħa ta' Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-downlighters f'din l-imsemmija triq bdewx jinxtegħlu u jekk iva meta bdew jinxtegħlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-downlighters għadhom ma bdewx jixgħelu peress li x-xogħol għadu għaddej.
Jista’ l-Prim Ministru jispjega għalfejn fil-każ tal-għażla ta’ CEOs tar-regolaturi qed jiġu segwiti proċeduri differenti, fejn f’xi istanzi ssir sejħa pubblika bħalma ġara fil-każ tal-għażla ta’ CEO tal-Malta Gaming Authority (MGA), filwaqt li f’istanzi oħra ma jkun hemm l-ebda proċess għal sejħa pubblika u l-persuna tkun tintgħażel mill-Gvern bħalma ġara reċentement fl-għażla tas-CEO ta’ Transport Malta (TM)? Jista’ jara li f’kull istanza l-għażla ssir b’mod uniformi tramite proċess trasparenti wara sejħa pubblika abbażi ta’ normi ċari?
Response (ABELA, ROBERT)
Bħal ma dejjem seħħ, l-għażla ta’ CEOs ssir skont in-neċessità tal-entità kkonċernata.
Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji – Appelli minn deċiżjonijiet meħuda mill-MFSA
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru appelli mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) fir-rigward ta’ impożizzjoni ta’ xi penali amministrattiva jew sanzjoni oħra quddiem it-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-appelli:
(i) ġew deċiżi b’mod finali mit-Tribunal mingħajr ma sar appell ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Appell?
(ii) ġew deċiżi b’mod finali mit-Tribunal u sussegwentement ġew appellati quddiem il-Qorti tal-Appell u għadhom pendenti quddiem l-istess Qorti?
(iii) ġew deċiżi b’mod finali mit-Tribunal u sussegwentement ġew appellati quddiem il-Qorti tal-Appell u finalment deċiżi mill-istess Qorti tal-Appell?
(iv) huma pendenti għax hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qrati Kostituzzjonali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16285 fejn ġie mwieġeb li “il-Ministeru qed jaħdem fuq sejħa għall-offerti biex l-equipment ta’ dan il-ġnien jinbidel u jsir skont l-istandards li jirregolaw il-playing fields”, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid jekk il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet f'Marsalforn, Għawdex hijiex tajba sabiex tintuża? Jista' jgħid ukoll jekk sarx awditjar ta' din il-playing field u jekk iva, jista’ r-rapport jiġi ppubblikat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti qed tiġi ivettjata u se tkun pubblikata fil-bidu tas-sena 2025.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23245 dwar is-Sectorial Agreements għal ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li ġew iffirmati matul is-sena 2024 fl-intier tagħha, u jgħid għal liema kategorija ta' ħaddiema ġew iffirmati dawn il-15-il ftehim settorjali u f'liema xahar ġew iffirmati? Jista’ jgħid ukoll liema huma t-tnejn l-oħrajn li huma maħsuba li jiġu ffirmati u li jinsabu fi stadju matur?
Response (ABELA, ROBERT)
Matul din is-sena ġew iffirmati 17-il ftehim settorjali li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-impjegati fis-Servizz Pubbliku f’Kategoriji differenti. Diskussjonijiet li jinsabu fi stadju matur li dalwaqt se jiġi ffirmat huwa tal-Veterinary Class. Huwa mifhum li aktar minn 1,747 ħaddiem ibbenifika minn dawn l-ftehim.
Peress li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23245 kont weġibt li kienu 15, minn dakinhar 'l hawn ġew ffirmati tnejn oħra: wieħed li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Ispiżjara mas-Servizz Pubbliku u l-ieħor tal-Precintcs Class.
Category
Month
1
Psychology Class
Feb-24
2
Managerial Stream and other Qualified Personnel - Department of Contracts
Apr-24
3
Health Care Class
May-24
4
General Service
May-24
5
Tradesperson and Technician Class
May-24
6
Industrials and Supervisory Grades
May-24
7
Environment Officer / Inspectorate / Public Cleansing Class
May-24
8
Managerial Stream and other Qualified Personnel
May-24
9
Education Class
Jul-24
10
Officers within the Benefit Compliance Unit
Jul-24
11
Surveillance / Security Services within the Public Service
Oct-24
12
Police Patrol and Community Support Officers
Oct-24
13
Field Officers within the Electoral Office
Oct-24
14
Messengerial Class
Oct-24
15
First Contact Operators within the Emergency Control Rooms
Nov-24
16
Pharmacists within the Public Service
Dec-24
17
Precintcs Class
Dec-24
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Bordijiet u kumitati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u f’kull każ, jagħti l-ismijiet tal-persuni li jiffurmaw dawn il-bordijiet u/jew kumitati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17561 u ċjoè: B'referenza għall-finanzjament li madwar erba’ snin ilu l-Ministeru ta lill-Kunsill Lokali tax-Xagħra għall-bini mill-ġdid tal-aħħar parti ta' Triq Marsalforn, jista’ l-Ministru jgħid x'fadal isir f'din it-triq u meta hu ppjanat (xahar u sena) li tingħata l-aħħar kisja asphalt f'din il-parti tat-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li biex jitlesta il-proġett tal-bini mill-ġdid tal-aħħar parti ta’ Triq Marsalforn fadal biss l-aħħar kisja asfalt u xi xogħlijiet żgħar oħra. Dan il-proġett huwa ppjanat li jkun finalizzat sa nofs is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inkjesta Maġisterjali dwar allegazzjonijiet li ħarġu f'Lulju 2017 fejn saħansitra għal xi żmien kienu ġew sospiżi xi ħaddiema mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet oħra fil-bini ta' toroq f'Għawdex ġewx konklużi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Inkjesti Maġisterjali huma fin-natura tagħhom kunfidenzjali u għalhekk il-mistoqsija ma tistax tiġi mwieġba.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma n-normi fil-liġi li jirregolaw l-appelli minn deċiżjonijiet tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) fir-rigward ta’ penalitajiet amministrattivi li huma inqas minn 5,000 euro?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi persuna suġġetta, li tiġi imposta fuqha multa amministrativa li tkun ta’ inqas minn 5,000 euro, għandha r-rimedju fil-liġi li bih tista’ titlob stħarriġ ġudizzjarju ta’ azzjoni amministrattiva, hekk kif premess permezz tal-Artikolu 469A tal-Kodiċi tal-Organizazzjoni u l-Proċeduri Ċivili.
Dan l-Artikolu jipprovdi rimedju sabiex il-Qrati tal-ġustizzja ċivili ikunu jistgħu jistħarrġu l-validità ta’ xi egħmil amministrattiv magħmul minn kull Awtorità Pubblika stabblita hawn Malta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22884 mogħtija fis-7 ta' Novembru 2024, u fid-dawl tas-sentenzi finali tal-Qorti Kostituzzjonali mogħtija fit-18 ta' Novembru 2024 fl-ismijiet:
i. XNT LIMITED (C52182) vs IL-KORP GHALL-ANALIZI TA' INFORMAZZJONI FINANZJARJA ET; u
ii. PHOENIX PAYMENTS LIMITED vs IL-KORP GHALL-ANALIZI TA' INFORMAZZJONI FINANZJARJA ET
jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx l-intenzjoni li jittieħdu xi miżuri biex jiġu indirizzati l-punti sollevati f'dawn il-proċeduri u jekk hemm, jelabora dwar dawn il-miżuri? Jekk mhux ser jittieħdu miżuri, jista’ allura jgħid għalfejn?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jeżamina l-punti sollevati fis-sentenzi li ngħataw mill-Qorti Kostituzzjonali. F’dawn is-sentenzi ġie ddikjarat li li l-liġi li tirregola lill-FIAU u l-proċessi ta’ infurzar tal-istess awtorità la jiksru l-Kostituzzjoni ta’ Malta u lanqas il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Hekk kif tintemm din l-evalwazzjoni, u jekk ikun hemm il-ħtieġa, il-Gvern se jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji kif spjegat fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 22884.
Jista’ l-Ministru jagħti l-istatus attwali ta’ kull appell li hemm pendenti għas-smigħ kemm quddiem (1) il-Qorti Kostituzzjonali kif Ukoll quddiem (2) il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġuriżdizzjoni Kostituzzjonali) fir-rigward ta’ kawżi kostituzzjonali fejn qed tiġi kontestata l-legalità kostituzzjonali tal-poteri tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) skont il-Kap 373 biex din timponi penalitajiet finanzjarji?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.