Legislature:
Category:
Reset
Active:

Utenti tas-servizzi bankarji — Ilmenti dwar ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru lmenti ma’ entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn utenti tas-servizzi bankarji dwar ħlasijiet ossia charges irrespettivament tal-mod kif deskritti imposti mill-banek, mill-bidu tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ f’kull istanza jagħti fil-qosor x’kienet in-natura tal-ilment u x’kien l-eżitu finali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

Heritage Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fi ħdan il-Heritage Malta kemm hemm: · Model makers; · Restawraturi ta’ għamara antika; · Restawraturi ta’ pitturi; · Restawraturi ta’ armi antiki, kemm armi tan-nar kif ukoll armi oħra bħal xwabel, eċċ? F’kull każ, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex assenjati ma’ xi mużew partikolari u jekk iva, liema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta timpjega model maker wieħed li hu bbażat il-Mużew Marittimu, iżda li jieħu ħsieb xogħol ta’ mudelli fil-mużewijiet kollha skont il-bżonn. Bħalissa l-aġenzija ma għandha l-ebda restawratur tal-għamara, filwaqt li għandha tnax-il restawratur tal-pitturi u sitt restawraturi tal-armi. Dawn huma kollha bbażati fil-laboratorji tar-restawr ta’ Bighi iżda jmorru f’mużewijiet u siti skond il-bżonnijiet ta’ proġetti partikolari kif ikun meħtieġ, ħlief wieħed li huwa wkoll kuratur tal-Armerija tal-Palazz u allura bbażat hemmhekk.

Għażla ta’ CEOs

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23659, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija magħmula u preċiżament jispjega b’mod ċar għalfejn f’xi istanzi l-għażla tas-CEO ta’ awtorità pubblika ssir biss wara sejħa pubblika waqt li f’istanzi oħra s-CEO jkun hand-picked mingħajr l-ebda sejħa pubblika?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn jinħatru skont ir-regoli jew l-liġi applikabli.

FIAU — Pubbliċità fuq il-website

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’normi jew guidelines issegwi l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) fir-rigward ta’ pubbliċità fuq il-website tagħha: i. meta tkun qed tinvestiga allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet jew deċiżjonijiet li qed tinforza fejn allura tkun qed tqis l-impożizzjoni ta’ xi penali amministrattiva; u ii. meta tieħu deċiżjoni finali fejn tiġi imposta penali amministrattiva?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korp ma jippublika l-ebda informazzjoni fuq il-website tiegħu, meta jkun qed jagħmel analizi supervizorja, biex jara jekk hemmx konformita’ o meno mal-liġijiet u l-obbligi kollha relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terrorizmu. Minn naħa l-oħra, fejn jikkonċerna informazzjoni relatata mat-tieni punt tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għall-Artikolu 13C tal-Att Kontra Money Laundering (Kap 373 tal-Liġijiet ta’ Malta), u għad-dokument pubbliku bl-isem ‘Publication of AML/CFT Administrative Penalties and Measures Policies and Procedures’, liema Artikolu u dokument jirregolaw meta u kif il-Korp għandu jippublika informazzjoni fuq il-website tiegħu.

MFSA — Pubbliċità fuq il-website

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’normi jew guidelines issegwi l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) fir-rigward ta’ pubbliċità fuq il-website tagħha: i. meta tkun qed tinvestiga allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet jew deċiżjonijiet li qed tinforza fejn allura tkun qed tqis l-impożizzjoni ta’ xi penali amministrattiva; u ii. meta tieħu deċiżjoni finali fejn tiġi imposta penali amministrattiva?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-investigazzjonijiet illi l-MFSA tkun qiegħda tagħmel huma kunfidenzjali u l-ebda informazzjoni ma tiġi ppubblikata fuq il-website tagħha sakemm l-MFSA ma tiħux deċiżjoni finali fejn tiġi imposta xi miżura amministrattiva. F’każ illi l-MFSA tieħu deċizjoni finali fejn tiġi imposta penali amministrattiva, l-MFSA tippubblika avviż fuq il-website tagħha li, ġeneralment, ikun jinkludi dettalji dwar l-entita’/persuna fuq min tkun ħarġet tali deċiżjoni, l-ammont ta’ penali amministrattiva imposta jew it-tip ta' miżura amministrattiva imposta u dettal dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi illi ġew miksura. L-MFSA għandha l-poter illi toħroġ avviżi b’mod anonimu meta l-kriterji msemmija fil- Publication Policy tal- MFSA jiġu sodisfatti.

MCA — Membri tal-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) ? Jista’ fir-rigward ta’ kull membru jgħid: i. Meta ġie appuntat fil-ħatra? ii. Għal kemm żmien hi l-ħatra? iii. Jekk din hijiex l-ewwel ħatra fuq dan il-Bord?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

FIAU — Penalitajiet amministrattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24047, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn kontestazzjoni ta’ penali ta’ inqas minn €5,000 a tenur tal-artikolu 469A tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, Kap. 12, hi meqjusa suffiċjenti meta tali possibbiltà ta’ kontestazzjoni mhix ekwivalenti għal dritt ta’ appell fuq punt ta’ liġi jew ta’ fatt quddiem il-Qorti, dritt ta’ appell li hu provdut fir-rigward ta’ istanzi oħra fejn regolaturi oħra jimponu penalitajiet simili?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hekk kif diġa’ spjegat, l-artikolu 469A tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12), huwa rimedju ġudizzjarju li jagħti lil entitajiet legali u persuni d-dritt li jirrikorru għand il-Qrati tal-ġustizzja ta’ kompetenza ċivili sabiex jistħarrġu l-validita’ ta xi egħmil amministrattiv jew li jiddikjaraw dak l-egħmil null, invalid jew mingħajr effett fil-kazijiet hekk stipulati fi-liġi. Dan id-dritt ġie kemm il-darba interpretat u mħaddem mill-qrati nostrana fejn ġie stabblilit illi din hija azzjoni ta’ natura sussidjarja, jiġifieri mogħtija lill-persuna fin-nuqqas ta’ xi azzjoni jew rimedju ieħor disponibbli f’xi liġi oħra sabiex jindirizza l-ilment tiegħu. Allura jiġi spjegat illi dan r-rimedju proprju ddaħħal fil-liġi sabiex il-leġislatur jaċċerta li kulħadd għandu jkollu rimedju suffiċjenti u effettiv.

MFSA — L.S. 330.17 - Penali amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il penali amministrattiva ġiet imposta mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) a tenur tal-L.S. 330.17? F’kull każ, jista’ jgħid kemm kien l-ammont tal-penali u jekk kienx hemm kontestazzjoni? Jekk iva, x’inhu l-istatus attwali tal-proċeduri ta’ kontestazzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) tikkonferma illi, sal-ġurnata tal-lum, l-ebda penali amministrattiva ma ġiet imposta a tenur tal-L.S. 330.17.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Membri ta’ Entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15937 u 23280 u jagħti lista tal-kumitati, bordijiet, kummissjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar? Għal kull każ, jista’ jgħid min hu ċ-Chairperson u min huma l-membri ta' kull entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll min kien iċ-Chairperson u l-membri tal-istess entitajiet sa qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlmanetari 10699 u filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi informazzjoni addizzjonali ta’ bordijiet ġodda li ġew fir-responsabiltà tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

MGP eQ 103/2024 — QUOTATION FOR THE PROVISION OF ENVIRONMENTALLY FRIENDLY TRANSPORT SERVICE WITH DRIVER FOR WHEELCHAIR USERS AND OTHER CLIENTS AT SANTA MARTA DAY CENTRE WITHIN THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa 'MGP eQ 103/2024 - QUOTATION FOR THE PROVISION OF ENVIRONMENTALLY FRIENDLY TRANSPORT SERVICE WITH DRIVER FOR WHEELCHAIR USERS AND OTHER CLIENTS AT SANTA MARTA DAY CENTRE WITHIN THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING'? Jista’ jgħid min kien qed joffri dan is-servizz f'dawn l-aħħar ġimgħat u xhur? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru għal Għawdex permezz tax-xufiera u tal-vannijiet tiegħu huwiex ser jibqa’ joffri dan is-servizz, u jekk le, għaliex mhux ser jibqa’ joffri s-servizz bix-xufiera u l-vannijiet tal-Ministeru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar qiegħed u ser jkompli jipprovdi s-servizz tat-transport lil klijenti kollha taċ-Ċentru Santa Marta permezz tal-vannijiet u xufiera tal-Ministeru. Inħass il-bżonn li tinħareġ sejħa għall-offerti għal meta waħda mill-vannijiet ma’ tkunx disponibbli għal raġunijiet tekniċi u ta’ manutenzjoni. Għalhekk is-sejħa għall-offerti tispeċifika li l-użu ta’ dan is-servizz mhux se jkun kontinwu iżda skont il-ħtieġa tal-Ministeru. B’hekk niżguraw li s-servizz għall-klijenti kollha fiċ-Ċentru Santa Marta jkun kontinwu hekk kif mistħoqq.

PMC For Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta' Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22148 dwar l-aħħar żviluppi dwar il-'Preliminary Market Consultation' li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - 'PMC For Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex' li għalqet fit-30 ta' Settembru 2024 fejn ġie imwieġeb ‘li kien hemm sottomissjoni waħda fil-Preliminary Market Consultation dwar il-Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex’, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi? Peress li intqal li kien hemm sottomissjoni waħda, jista’ jgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li jingħalaq dan il-proċess? Jista’ jgħid ukoll meta (xahar u sena) hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ta’ min jinnota li l-għan tal-Konsultazzjoni Preliminari tas-Suq (PMC) li ħarget is-sena li għaddiet kien li tinġabar iżjed informazzjoni dwar l-fattibilitÀ tal-proġett propost. Issa li ngħalaq dan l-istadju, l-GRDA ressqet 'Outline Development Application' mal-Awtorità tal-Ippjanar. Aktar tard din is-sena huwa mistenni li tinħareġ offerta miftuħa għall-konċessjoni.

Ta' Sannat — Triq it-Tabib Anton Tabone u Triq ta' Sannat - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 20405 u 23038 tal-Leġiżlatura XIII li ngħataw fit-28 ta' April 2021 u fl-1 ta' Diċembru 2021 rispettivament, rigward Triq it-Tabib Anton Tabone (imsejħa wkoll bħala ‘l-Qasam’) li twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat, fejn kien ġie mwieġeb li x-xogħol fuq din l-imsemmija triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin, wara li titlesta t-Triq ta’ Sannat, u peress li Triq Sannat ilha diversi xhur lesta u miftuħa għat-traffiku, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn għaddew iktar minn sentejn u nofs u għadu ma nbediex u ma tlestiex ix-xogħol? Peress li din il-parti tat-triq tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna u kull darba li tagħmel ix-xita qed tegħreq u jkun hemm periklu kbir, jista’ jgħid meta ser jibda x-xogħol (xahar u sena) biex tinbena mill-ġdid din il-parti tat-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li il-bini mill-ġdid tat-Triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

In-Nadur (Għawdex) — Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18689 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13127, fejn ġie mwieġeb li ' Il-Ministeru talab lill-periti nkarigati sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena jippreżentaw il-pjanti preliminari ħalli wara l-analiżi nkunu nistgħu noħorġu t-tender għax-xogħlijiet tat-tali triq', jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-pjanti preliminari ġewx ippreżentati u saritx l-analiżi? Jista’ jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala, fin-Nadur? Jista' jgħid jekk ħarġux xi tenders oħra u liema minnhom ġew awarded? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-vot għax-xogħol fuq dawn it-toroq għas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti SPD3/2022/006 – Tender for the provision of consultancy and construction management services for the reconstruction of several arterial roads between the boundaries of Nadur and Qala. Din is-sejħa għall-offerti ġiet awarded fit-8 ta’ Mejju 2023. It-Tender għax-xogħlijiet bħalissa qed tiġi vvetjata.

MFSA — Multi - Kawżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-istatus attwali ta’ kull kawża li hemm pendenti għas-smigħ kemm quddiem (i) il-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll quddiem (ii) il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (ġurisdizzjoni kostituzzjonali) fir-rigward ta’ kawżi fejn qed tiġi kkontestata l-legalità kostituzzjonali tal-poteri tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) biex din timponi multi jew bans?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

SPD3/2024/058 — TENDER FOR THE RESURFACING OF TRIQ SAN PUPULJU, XEWKIJA, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar is-sejħa 'SPD3/2024/058 - TENDER FOR THE RESURFACING OF TRIQ SAN PUPULJU, XEWKIJA, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE' li għalqet fil-21 ta' Ġunju 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk din it-tender ġietx awarded u meta hu maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol marbut ma’ din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tender għadu fi stadju ta’ aġġudikazzjoni.

Tal-Pietà — Dar Fatima - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta' Dar Fatima ġewwa l-lokalità tal-Pietà? Jista’ jgħid kemm intefqu flus sa issa u fuq xiex intefqu? Jista’ jgħid ukoll x'fadal isir u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlesta dan il-proġett u kemm ser jiġi jiswa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saru diversi spezzjonijiet, is-saqaf ta’ Dar Fatima nstab li huwa fi stat ħażin u f’kundizzjoni perikoluża. Għalhekk il-Ministeru kien jeħtieġ li joħroġ tender ġdida sabiex dan is-saqaf jitranġa. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar iddeċieda li huwa fl-aħjar interess jiġi terminat il-ftehim tal-kirja tal-fond Dar Fatima u l-kanċellazzjoni ta’ kuntratti u proċessi ta’ xiri pubbliku miftuħ biex isiru x-xogħlijiet. Għaldaqstant il-Ministeru mhux ser jipproċedi bl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura.

Ir-Rabat, Għawdex — Victoria Parks - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett ta’ Victoria Parks fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid x'inhu jsir fuq dan il-proġett fil-preżent, x'inhu l-irwol u x'ser ikun l-irwol ta' Project Green fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti ‘SPD3/2024/055 – Tender for the provision of technical consultancy and architectural services for the establishment of the Victoria Parks, Victoria, Gozo.’

Kunsilli Lokali Għawdxin — Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skema għall-Kunsilli Lokali Għawdxin ħarġet matul is-sena 2024 mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll: a. Kemm kien l-ammont allokat għal kull skema? b. Kemm applikaw kunsilli lokali għal kull skema? ċ. Liema kienu l-kunsilli lokali li ħadu għajnuna minn kull skema u liema kienu dawk il-kunsilli li applikaw u ma ħadux għajnuna f’kull skema? d. Kemm kien l-ammont totali li ngħata lil kull kunsill lokali f’kull skema u għal liema proġetti jew inizjattivi? e. Kemm hu l-ammont li sal-lum tħallas lil kull kunsill lokali f’kull każ u f’kull skema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2024 id-direttorat EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ippubblika skema li kienet miftuħa għall-Kunsilli Lokali Għawdxin biss biex isir r-restawr u l-preservazzjoni ta' monumenti, niċeċ u strutturi oħra ta’ sinifikat storiku jew artistiku u/jew tisbiħ u riġenerazzjoni ta’ sqaqien eżistenti fil-l-lokalità tagħhom. Din l-iskema kellha allokati €500,000 f’fondi. Il-proċess ta’ evalwazzjoni huwa kwazi komplut u l-kunsilli lokali mistennija jircievu l-eżitu tal-proċess fil-ġimgħat li ġejjin. Barra minn hekk għalkemm mhijiex skema mmirata speċifikament għall-Kunsilli Lokali Għawdxin, tajjeb insemmi li matul is-sena, diversi Kunsilli Lokali japplikaw u jibbenifikaw ukoll mill-iskema li tinħareġ mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali f’Għawdex, il-Gozo Cultural Events Fund Scheme.

Għawdex — Tibdil tal-mains ta’ drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm u fejn inbidlu mains ta’ drenaġġ u ilma ġewwa Għawdex minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma raħal b'raħal u tgħid liema minnhom kienu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u minn liema programm kienu ffinanzjati jew li kienu ffinanzjati mil-Green Bonds tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mil-baġit tal-WSC u kemm kienet l-ispiża? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża globali lokalità b’lokalità u triq b’triq u xi pjanijiet hemm għall-bdil ta’ mains tad-drenaġġ u tal-ilma raħal b’raħal u triq b’triq ġewwa Għawdex sal-aħħar tas-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll liema minnhom ser ikunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u minn liema programm ser ikunu ffinanzjati u liema minnhom ser ikunu ffinanzjati mill-Green Bonds tal-WSC jew mil-baġit tal-WSC u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex — Karigi battala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm karigi battala ta' DGs, Diretturi, u Assistenti Diretturi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u ta’ xiex inhuma? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom battala u meta hu maħsub li jiġu mimlija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.