Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Bini ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24134 u ċjoè: Fid-dawl li t-toroq kollha ġewwa Għawdex jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-valur tal-kuntratti ta’ bini ta’ toroq li kellhom l-offerta milqugħa għal kull sena fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024, kemm minnhom saru u kemm minnhom għadhom ma sarux? Jista’ jgħid ukoll għaliex għadhom ma sarux u meta hu maħsub li ser isiru (xahar u sena)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24138.

Heritage Malta — Restawr ta’ għamara antika

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24527, jista’ l-Ministru jgħid fil-każ tar-restawr ta’ għamara antika fi ħdan il-Heritage Malta, min qed jagħmel dan ix-xogħol u x’kienet in-nefqa f’dan ir-rigward mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li mill-2020 ’l hawn, xogħol ta’ restawr fuq għamara sar billi tqabbdu terzi persuni ikkwalifikati li jagħmlu dan ix-xogħol, jew direttament jew inkella bħala parti minn kuntratt ta’ xogħol ta’ proġett ikbar, bħal pereżempju l-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-Palazz tal-Gran Mastru, fejn ġew irrestawrati għadd kbir ta’ vetrini u bankijiet. Sena Min Nefqa € 2020 James Saliba c. 10,561 2021 De Valier c. 79,330 2022 De Valier c. 80,628 2023 Atelier del Restauro, De Valier c. 90,009 2024 De Valier c. 85,000

Heritage Malta — Assistenza minn NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk attwalment hawnx NGOs li bil-ħidma tagħhom jassistu lill-Heritage Malta fir-rigward ta’ xi mużew partikolari li tmexxi l-istess Heritage Malta u jekk hemm, liema huma?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm NGO wahda li qed tgħin lil Heritage Malta direttament fit-tmexxija ta’ sit partikolari. Din hija Friends of Villa Frere li tassisti fl-amministrazzjoni ta’ Villa Frere.

Heritage Malta — Aċċess b’xejn fil-mużewijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk attwalment hemmx xi ġranet partikolari fejn il-pubbliku jista’ jaċċessa b’xejn il-mużewijiet immexxija mill-Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

F’dawn l-aħħar snin, Heritage Malta nediet diversi skemi li joffru lill-pubbliku l-opportunità li jżur is-siti u l-mużewijiet mingħajr ħlas matul is-sena kollha. Fost dawn l-iskemi, nistgħu nsemmu: o Il-Passaport tal-Istudenti, li jippermetti lill-istudenti sa 16-il sena jżuru s-siti fil-ħin liberu tagħhom, akkumpanjati minn żewġ adulti. o Il-Passaport tal-Anzjani, li jagħti d-dritt lill-anzjani, flimkien ma’ żewġ adoloxxenti, biex iżuru l-mużewijiet mingħajr ħlas fil-ħin liberu tagħhom. o Il-ftehim li jippermetti lill-istudenti tal-Post-Secondary u l-Università jżuru s-siti mmexxija mill-aġenzija mingħajr ħlas. Barra minn hekk, matul is-sena, l-aġenzija torganizza diversi attivitajiet fi ħdan il-mużewijiet u s-siti tagħha, fejn il-pubbliku jista’ jidħol mingħajr ħlas. Fost dawn l-attivitajiet, nistgħu nsemmu l-Open Days, Notte Bianca u Lejl Imkebbes, fejn is-siti ta’ Heritage Malta jkunu miftuħin b’xejn matul dawn l-attivitajiet’ kulturali. Ta’ min jinnota wkoll li l-aġenzija toffri servizz ta’ gwida b’xejn lil gruppi ta’ skejjel matul is-sena kollha.

Ix-Xewkija — Ċentru tal-Università - estensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'hemm ippjanat li jsir fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija matul is-sena 2025? Jista’ jgħid kemm hemm maħsub li jintefqu flus għal din l-estensjoni għas-sena 2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Apparti li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20402, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi li jiġu mgħoddija lill-Università ta’ Malta, jiġu amministrati minnhom stess.

Kunsill Lokali tal-Qala — Triq l-Imġarr - zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala għadha ma saritx zebra crossing quddiem l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Qala fi Triq l-Imġarr, mill-Kunsill Lokali tal-Qala? Jista' jgħid f'liema xahar tas-sena 2025 hu maħsub li ssir din iż-zebra crossing?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li, minkejja li l-Kunsill Lokali tal-Qala għandu l-approvazzjoni ta’ Transport Malta f’idejh għal zebra crossing fi Triq l-Imġarr, kien hemm oġġezzjoni minn resident li jgħix fil-propjetà fejn kienet ser issir iz-zebra crossing. B’riżultat ta’ dan, il-Kunsill issottometta applikazzjoni ġdida lil Transport Malta biex jagħmel ċaqliq fil-post taz-zebra crossing sabiex jindirizza l-ilment ta' dan ir-resident. Il-Kunsill ircieva l-approvazzjoni mingħand Transport Malta fl-ahhar jiem u x-xoghol fuq iż-zebra crossing beda.

Ix-Xewkija – Inċidenti

Question

Fid-dawl tal-inċidenti, anke serji, li seħħew f’dawn l-aħħar xhur u ġimgħat fil-junction bejn Triq il-Madonna tar-Rummiena ma’ Triq Ta' Ħamet u Triq ir-Rabat, fix-Xewkija, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu sabiex tiġi indirizzata din il-problema?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn riċerka li saret fid-database tal-inċidenti li seħħew fit-toroq fix-Xewkija matul l-aħħar tliet snin, liema database hija provduta lil Transport Malta mill-Pulizija, irriżulta li kien hemm biss żewġ kollużjonijiet fejn għal kull inċident kien hemm persuna waħda bi ġrieħi ħfief. Minn tali informazzjoni jidher li ma hemmx xi trend jew pattern speċifiku ta’ tip partikolari ta’ kollużjoni li tista’ tqajjem tħassib partikolari.

Ix-Xewkija – Triq Ta’ Ħamet – Zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew aktar minn sentejn u fi Triq Ta' Ħamet, fix-Xewkija, (it-triq prinċipali ħdejn il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu) għadha ma saritx zebra crossing kif kien hemm qabel ma din it-triq ġiet asfaltata? Fid-dawl li dan in-nuqqas serju issa ilu diversi xhur u hemm periklu kbir għal min irid jaqsam f'din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid min min-naħa tal-Ministeru se jerfa’ r-responsabbiltà jekk iseħħ inċident?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed f’taħditiet ma’ Transport Malta fuq din iż-zebra crossing. Dawn it-taħditiet waslu fl-aħħar. Hekk kif jinħareġ il-permess jinbeda x-xogħol fuq iż-zebra crossing.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq Wied Sara – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12697, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu ffinalizzati x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, fir-Rabat Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq? Jista' jgħid ukoll jekk ingħatawx fondi għal dan ix-xogħol lill-Kunsill Lokali u jekk iva, għal kemm jammontaw dawn il-fondi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għasri, li għalissa mhux possibbli li tingħata data tat-tlestija. Il-Kunsill irċieva l-ammont ta’ € €354,827 bħala l-ewwel parti tal-finanzjament.

Ir-Rabat, Għawdex u l-Għasri – Triq Wied Sara – Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, bejn ir-Rabat u l-Għasri, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Għasri ħareġ it-tender; ‘Tender for resurfacing of Triq Wied Sara with asphalt’ nhar l-24 ta’ Marzu 2020. Il-proċess tat-tender ingħalaq nhar it-8 ta’ Mejju 2020. Din it-tender ġie awarded - nhar it-30 ta’ Lulju 2020 - lil Road Structures Ltd għal ammont ta’ Euro 808,820 (excl VAT). Il-Ministeru għadda lill-Kunsill l-ammont ta’ Euro 354,827.00 bħala l-ewwel parti tal-finanzjament.

Ministeru għal Għawdex — Karigi battala

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24148, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, u jgħid fil-preżent kemm hemm karigi battala ta' DGs, Diretturi, u Assistenti Diretturi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u ta’ xiex inhuma? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom battala u meta hu maħsub li jiġu mimlija? Jista' jghid wkoll hemmx il-ħsieb li fil-preżent u fil-futur qarib jinħolqu karigi ġodda ta' DGs, Diretturi jew Assistenti Diretturi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Sejħa għall-offerti SPD3/2024/055

Question

Jista’ l-Ministeru jaġġorna lill-Kamra dwar is-sejħa li nħarġet għall-offerti ‘SPD3/2024/055 – Tender for the provision of technical consultancy and architectural services for the establishment of the Victoria Parks, Victoria, Gozo’? Jista jgħid fiex wasal il-proċess għal din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess qiegħed fi stadju ta’ Appell.

Għawdex – Ta’ Ċenċ – tindif ta’ ġibjuni

Question

B'referenza għall-ġibjuni tal-ilma li hemm ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid meta ġew imnaddfa l-aħħar minn ġewwa dawn il-ġibjuni? Tista’ tgħid ukoll meta saret l-aħħar manutenzjoni fuqhom? Fiex kienet tikkonsisti din il-manutenzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, permezz ta’ dan il-proġett estensiv, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħasbet biex, apparti li titjieb il-kwalità tal-ilma f’Għawdex u tiżdied ukoll il-provvista, id-domanda tal-ilma għall-gżira kollha tkun tista’ tiġi milqugħa permezz ta’ wieħed mill-ġibjuni, sakemm tkun qed issir manutenzjoni fuq il-ġibjun l-ieħor. Filwaqt li l-manutenzjoni fuq il-ġibjuni ssir b’mod regolari, issa għall-ewwel darba l-manutenzjoni, kif ukoll it-tindif, se jkunu jistgħu jsiru b’mod individwali. Permezz ta’ dan is-setup ta’ network ġdid, il-Korporazzjoni se jkollha l-flessibbiltà li ddawwar l-ilma u s-sorsi minn ġibjun għal ieħor mingħajr ebda interruzzjoni u b’hekk tassigura servizz aħjar u kontinwu.

Birkirkara – Proġett ta’ Villa Lauri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta’ Villa Lauri ġewwa Birkirkara? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq din il-binja biex tibda tintuża u għal liema skop ħa tintuża? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-baġit għal kull waħda minn dawn is-snin 2019, 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024, kemm intefqu minnhom u kemm hemm fondi allokati għas-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm hi stmata li se tkun l-ispiża globali fuq din il-binja biex tibda tintuża u jekk din il-binja hijiex proprjetà tal-Gvern jew mikrija? Jekk hija mikrija, jista’ jgħid kemm tħallset kera fis-sena u lil min, fl-aħħar sitt snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Villa Lauri se tintuża bħala akkomodazzjoni għall-istudenti u qraba ta’ pazjenti li jkunu rikoverati fl-isptarijiet f’Malta. Villa Lauri hija mistennija li tilqa l-ewwel residenti fl-aħħar kwart ta’ din is-sena, wara li x-xogħol strutturali tlesta, ġie installat il-lift, ġew installati l-kċejjen u laundry, u tlesta wkoll ix-xogħol tal-M&Es. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitlubin mill-interpellant. Interpellant.

Għarb Għawdex – Triq Albert W. Ketelby – culverts tal-ilma u bini ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tinbena mill-ġdid u jsiru l-culverts tal-ilma fi Triq Albert W. Ketelby, fl-Għarb Għawdex, mill-Kunsill Lokali tal-Għarb?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb li wara li jitlestew xogħlijiet li qed isiru preżentement fi triq oħra ġewwa l-lokalità, jibdew ix-xogħlijiet meħtieġa fi Triq Albert W. Ketelby. Ix-xogħlijiet huma previsti li jitlestew sa l-aħħar tas-sena 2025.

Kunsill Lokali Ta' Sannat — Sejħa għax-Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda u jitlesta (xahar u sena) x-xogħol kollu kemm hu relatat mas-sejħa 'WORKS – ROADWORKS IN TA’ SANNAT, IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER CFT CA UNIQUE ID: SNTLC/07/2023' li nħarġet mill-Kunsilli Lokali Sannat? Jista’ jgħid liema toroq saru sa issa u tlesta ix-xoghol kollu u liema toroq baqolom issir ix-xoghol fuqom u f'liema xahar ta' din is-sena hu maħsub li jsir ix-xogħol fuqhom u jitlesta kompletament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li x-xogħolijiet fi Triq Dun Lazzru Camilleri, Triq Xagħman u Triq Paranji bdew f’2024 u għandhom jitlestew sa Ġunju 2025. Hekk kif jitlestew jibda x-xogħol fuq iż-żewġ toroq l-oħra li jgħamlu parti mit-Tender, iġifieri Triq Seguna u Triq Zabetta. Id-dettalji huma miġbura fit-tabella hawn taħt. 'WORKS – ROADWORKS IN TA’ SANNAT, IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER CFT CA UNIQUE ID: SNTLC/07/2023' Meta beda Dettalji Meta jintemm 1 Triq Dun Lazzru Camilleri April 2024 Qed isiru xogħlijiet ta’ servizzi mhux parti mit-tender tal-Kunsill imma xogħol ta’ entitajiet oħra. Meta dan ix-xogħol ikun tlesta, ikun jista’ jinbeda x-xoghol tal-asfaltar li huwa t-tender speċifika ta’ din il-PQ maħruġa mill-Kunsill Ta’ Sannat. Previżjoni - Ġunju 2025 2 Triq Xaghman April 2024 Qed isiru xogħlijiet ta’ servizzi mhux parti mit-tender tal-Kunsill imma xogħol ta’ entitajiet oħra. Meta dan ix-xogħol ikun tlesta, ikun jista’ jinbeda x-xoghol tal-asfaltar li huwa t-tender speċifika ta’ din il-PQ maħruġa mill-Kunsill Ta’ Sannat. Ġunju 2025 3 Triq Paranji April 2024 Tlesta x-xogħol tas-servizzi u l-ewwel kisja ta’ asfaltar saret f’Diċembru 2024. Previżjoni - Ġunju 2025 4 Triq Seguna Triq Seguna għadu ma bediex x-xogħol għax iridu jitlestew is-servizzi. Malli dawn jitlestew jibdew ix-xogħlijiet tal-asfaltar. Previżjoni - Diċembru 2025 5 Triq Zabetta Għandhom jibdew x-xogħlijiet f’din it-triq appena jitlestew t-toroq l-oħra li huma mibdija.

Ċentru tal-Università — Xewkija – xogħlijiet fuq l-estensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija Għawdex sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex intefqu? Jista’ jgħid ukoll x'hemm ippjanat li jsir fuq din l-estensjoni matul din is-sena u kemm hu l-baġit allokat għal din l-estensjoni għal-2024?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20402.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Ħaddiema seconded

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni li talbu li jiġu seconded? Jista’ għal kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema jgħid kemm ilhom seconded, xi grad huma, u kemm minnhom huma Għawdxin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 7 impjegati, 1 minnhom hu Għawdxi, li ġew seconded skont it-tabella t’hawn taħt; Grad Data ta’ sekondar Clerical Assistant April 2019 Clerical Assistant Ottubru 2019 Manager I Ottubru 2023 Administrator Awwissu 2020 Receptionist / Messenger Mejju 2017 Secretary Mejju 2016 Coordinator Settembru 2016

Nadur/Xewkija — Triq Ta' Xħajma - Vetturi li jridu jidħlu u joħorgu mill-Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex jitneħħa l-periklu serju meta vetturi jidħlu u joħorġu mill-Park and Ride għal Triq Ta' Xħajma fil-limiti tan-Nadur/Xewkija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru mexa ma’ pjan temporanju tal-immaniġġjar tat-traffiku hekk kif maħruġ mill-Awtorità tat-Transport.