Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kemmuna — Sejħa għal operaturi ta’ gabbani tal-ikel u xorb

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa qabel is-sajf 2025 biex jintgħażlu operatur/i għall-gabbani tal-ikel u xorb u prodotti oħra f’Kemmuna?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25762.

CfT: SPD3/2024/113 Sejħa għal servizzi ta’ sigurtà fil-Mitħna tax-XEWKIJA Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa u għaliex inħasset il-ħtieġa li toħroġ 'CfT: SPD3/2024/113 - Framework Contract For The Provision of Security Services with Crowd Control Duties at The Xewkija Windmill, Xewkija, Gozo'? Jista’ jgħid ukoll: i. kemm hu l-valur u għal kemm hu l-perjodu ta' żmien ta' din is-sejħa; ii. kemm-il siegħa ta' servizz hemm ippjanat li jingħataw permezz ta’ din is-sejħa; iii. min kien/kienu qed jipprovdi/u dan is-servizz li hemm mitlub f'din is-sejħa f'dawn l-aħħar xhur u snin; iv. kemm tħallas/tħallsu għal dan is-servizz; v. meta kienet l-aħħar li ħarġet is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tender ħareġ għall-ewwel darba, bid-dettalji kollha jinstabu fid-dokumenti ppubblikati.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Għajnuniet lill-istituzzjonijiet tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25753 u jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja f'Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu, jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ras Ħanżir — Proġett ta’ moll ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25751 u jgħid kemm ilu li nbeda x-xogħol fuq il-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea ta' moll ġdid u xogħol ieħor ġewwa Ras Ħanżir u għaliex il-kuntrattur li kien qed jagħmel ix-xogħol twaqqaf issa? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħlijiet saru s’issa u kemm ġew jiswew, x’xogħlijiet fadal isiru u kemm hu stmat li se jiġu jiswew? Jista’ jgħid meta hu maħsub li t-tender biex isiru l-kumplament tax-xogħlijiet terġa’ toħroġ mill-ġdid? Jista’ jgħid ukoll meta dan il-proġett ser jitlesta kollu kemm hu u jekk humiex ser jintilfu xi fondi mill-EU? MEYR

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-proġett ta’ Ras Ħanżir beda fis-7 ta’ Diċembru 2022. Il-kuntratt tax-xogħol twaqqaf minħabba l-fatt li l-progress tax-xogħol ma’ kienx sodisfaċenti u kien hemm numru ta’ deadlines li ma kienux qed jintlaħqu mill-kuntrattu li waqggħu l-implimentazzjoni tal-proġett lura. Għalhekk, għal fini ta’ governanza tajba, u proprju biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm periklu ta’ telf ta’ fondi ewropej, ittieħdet id-deċiżjoni li jitwaqqaf u jiġi ppublikat tender ġdid biex jitkompla x-xogħol minn kuntrattur/i differenti. Ix-xogħol li laħaq sar kien primarjament jikkonisti fi’ twaqqiegħ ta’ strutturi eżistenti u skavar, parti mir-reklamazzjoni tal-art u soil improvement ta' parti mill-pedamenti. Bħalissa Infrastructure Malta qiegħdha fil-proċess li twettaq l-obbligi tagħha marbuta mat-terminazzjoni, li jinkludi kalkoli u ċertifikazzjoni tal-valur tax-xogħol li sar. B’mod generali fadal li jsir il-kumplament tax-xogħol fuq il-pedamenti (soil improvement), bini tal-moll, tkomplija tar-reklamazzjoni tal-art, konsolidazzjoni, trienek u servizzi, paviment u binjiet. L-aġenzija qiegħdha taħdem fuq is-sejħa għall-offerti ġdida. Il-kuntratt ġie tterminat issa proprju biex ikun hemm biżżejjed żmien sabiex isir il-proċess tas-sejħa l-ġdida u x-xogħol mingħajr xkiel għal dawk li huma fondi ewropej li ġew allokati għal dan il-proġett.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu f’Malta fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid ukoll: i. xi gradi huma dawn il-ħaddiema Għawdxin; ii. f’liema direttorat jaħdmu; iii. x'tip ta' xogħol jagħmlu; iv. kemm-il sena ilhom jaħdmu mal-Ministeru tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta fil-Ministeru u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa ta’ 561.

Persuni li servew bħala ġurati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2024: i. Kemm kien il-persentaġġ ta’ rġiel u ta’ nisa li servew bħala ġurati? ii. Kemm kien il-persentaġġ ta’ ġurati li l-età tagħhom kienet ’il fuq minn sittin sena? iii. Kemm saru talbiet biex persuna tiġi eżentata milli sservi bħala ġurat b’mod permanenti u jekk saru tali talbiet kemm minnhom ġew milqugħa?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li: i. l-persentaġġ ta’ rġiel u ta’ nisa li servew bħala ġurat matul is-sena 2024 kien ta’ 53.3% nisa u 46.7% rġiel. ii. l-persentaġġ ta’ ġurati li l-eta’ tagħhom kienet ‘il fuq minn sittin sena kien ta’ 13.3%. iii. matul is-sena 2024 saru tmintax (18)-il talba sabiex ġurat jiġi eżentat b’mod permanenti. Erbatax (14)-il talba minnhom ġiet milqugħa u erbgħa (4) talbiet oħra ġew miċħuda.

Għawdex — Second class water għall-bdiewa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18191 li ngħatat fit-23 ta’ April 2024, dwar is-sistema l-ġdida tan-new water fejn kien intqal li: “L-installazzjoni tal-pedestalli u smart dispensers f’Għawdex hi ppjanata li tkun kompluta fil-ġimgħat li ġejjin. Bħalissa qed isir ukoll it-tqegħid tal-fibre optic cable taħt l-art li jifforma parti integrali minn dan il-proġett. Huwa mmirat li s-sistema l-ġdida tan-new water f’Għawdex għandha tibda tiġi ttestjata u kummissjonata fit-tielet kwart ta’ din is-sena.”, tista’ l-Ministru tgħid meta hu ppjanat (xahar u sena) li jibda jintuża mill-bdiewa ta’ nħawi differenti f’Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sistema tan-New Water f’Għawdex, li se tkun qed titħaddem b’teknoloġija ġdida, mistennija tkun qed topera lejn nofs din is-sena. Fil-frattemp, il-bdiewa qegħdin jagħmlu użu mis-sistema eżistenti għat-tisqija tar-raba’ tagħhom.

Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva — Rikorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rikorsi quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva b’mod elettroniku a tenur tar-Regolamenti dwar il-Preżentata ta’ Atti permezz ta’ Mekkaniżmu Elettroniku fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, L.S. 490.05 mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ rikorsi li ġew preżentati quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva b’mod elettroniku kienu fl-ammont kif indikat fit-tabella ta’ hawn taħt:- Sena Qrati ta’ Malta Qrati ta’ Għawdex 2015 - - 2016 - - 2017 - - 2018 - - 2019 - - 2020 - - 2021 1 - 2022 1 - 2023 2 - 2024 - - sas-6 ta’ Marzu 2025 2 - Total 6 0

Ordni ta’ Tneħħija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Ordni ta’ Tneħħija ngħataw s’issa mill-Qrati a tenur tar-Regolament 4 tar-Regolamenti dwar l-Indirizzar tad-Disseminazzjoni ta’ Kontenut Terroristiku Online, L.S. 9.30?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-Qrati ta’ Malta u mill-Qrati ta’ Għawdex ma ingħatat l-ebda Ordni ta’ Tneħħija a tenur tar-Regolament 4 tar-Regolamenti dwar l-Indirizzar tad-Disseminazzjoni ta’ Kontenut Terroristiku Online, L.S. 9.30

FIAU — Penalitajiet amministrattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25664, jista’ l-Ministru jgħid jekk iqisx li xorta waħda hemm bżonn ta’ intervent leġislattiv wara li ssir konsultazzjoni pubblika wiesa’ tenut kont tal-fatt li hu evidenti li m’hemmx qbil unanimu fost il-membri tal-ġudikatura fir-rigward tal-validità kostituzzjonali tal-poteri li skont l-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, Kap. 330 għandha l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) biex timponi penalitajiet amministrattivi, dan meta wieħed iqis li almenu ħames Imħallfin differenti taw sentenzi fl-ismijiet: i. Phoenix Payments Ltd versus il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja et per A. Demicoli deċiża fit-30 ta’ Marzu 2023; ii. Insignia Cards Limited versus il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja et per L. Mintoff deċiża fl-24 ta’ Mejju 2023; iii. Lombard Bank Malta plc versus il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja et per G. Mercieca deċiża fil-5 ta’ Ġunju 2023; iv. XNT Ltd versus il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja et per J. Vella Cuschieri deċiża fit-13 ta’ Lulju 2023; v. Dr. Roderick Caruana versus il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja et per T. Abela deċiża fit-28 ta’ Settembru 2023 kif ukoll Truevo Payments Ltd versus il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja et, u Vivareo Ltd versus il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja et (per T. Abela) deċiża fis-27 ta’ Ġunju 2024, fejn fis-sustanza sabu li l-poteri tal-FIAU skont il-Kap 330 kienu bi ksur tal-Kostituzzjoni, u fejn allura mhux esklussiv li fil-futur anke l-istess Qorti Kostituzzjonali possibbilment diversament komposta wkoll tasal għall-istess konklużjoni? Tenut kont ta’ din ir-realtà, ma jqisx il-Ministru li hemm ħtieġa serja li jkun hemm intervent leġislattiv biex tiġi indirizzata darba għal dejjem din l-inċertezza qawwija dwar ir-rwol u l-poteri tal-FIAU?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diga’ ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25664, sentenzi mill-Prim’Awla, Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), dejjem jistgħu jiġu appellati mill-partijiet fil-kawża. Di fatti, is-sentenzi hawn fuq suċċitati f’din il-mistoqsija kollha ġew appellati quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, kemm mill-Korp u anke l-Avukat tal-Istat. Għalkemm il-maġġoranza tal-imsemmija kawżi għadhom sub-judice, tnejn minnhom, ċjoè Pheonix Payments Ltd vs. FIAU et. u XNT Ltd vs. FIAU et., ġew deċiżi mill-Qorti Kostituzzjonali. F’dawn id-deċiżjonijiet il-Qorti Kostituzzjonali, li hija l-ogħla qorti tal-Pajjiż, qalbet dak li kien deċiż mill-Prim’Awla, Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) u konsistentiment pronunzjat li l-poteri tal-FIAU hekk kif mogħnija permezz tal-Kap. 373, i.e., il-kapitolu tal-liġi li jirregola u jagħti l-poteri lill Korp, ma jiksrux il-Kostituzzjoni. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, sal-ġurnata ta' din it-tweġiba, ma jirriżulta li hemm l-ebda inċertezza dwar l-irwol u l-poteri tal-FIAU.

Rikorsi — Kontenut illegali ta’ natura kriminali -Ordni ta’ tneħħija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rikors sar mill-Pulizija għal ħruġ ta’ ordni ta’ tneħħija ta’ kontenut illegali ta’ natura kriminali kontra fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ f’kull każ jgħid a tenur ta’ liema liġijiet saru dawn ir-rikorsi u kemm minnhom ġew milqugħa mill-Qrati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bejn is-sena 2024 u it-tlieta ta’ Marzu 2025 il-Pulizija għamlet 13 -il talba lil service providers fis-sena 2024 u 4 talbiet matul is-sena 2025 li jinvolvu skemi frewdelenti. Fl-istess perjodu ma għamlitx rikorsi għal ħruġ ta’ ordni ta’ tneħħija ta’ kontenut illegali ta’ natura kriminali kontra fornituri ta’ servizzi ta’ hosting.

Artijiet jew proprjetà tal-Gvern devoluti lill-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm artijiet jew proprjetà tal-Gvern devoluti lil kull Kunsill Lokali f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawn il-proprjetajiet devoluti u kemm kienet il-kirja mħallsa għal kull proprjetà fl-aħħar tas-sena 2023?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tindika l-ammont ta’ devoluzzjonjiet lil kull Kunsill. Ngħarraf ukoll li kull kirja ġdida u kull meta tiġġedded kirja qed ikunu emendati sabiex ma’ jkunux iktar minn € 500 kull sit.

Il-Kulleġġ ta' Għawdex — Xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru, liema xogħlijiet ġew imħallsa mill-fondi tal-iskejjel rispettivi li jagħmlu parti mill-Kulleġġ ta' Għawdex mill-perjodu Jannar 2023 sa Diċembru 2025? Jista’ jelenka kull biċċa xogħol li saret (għal kull skola), meta saret, kemm swiet u jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet sarux b’tender jew b’direct order?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — Belt Victoria - Triq Enrico Mizzi - xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20887 tat-Tlettax-il Leġiżlatura, fir-rigward tax-xogħlijiet li saru matul ix-xahar ta' Lulju 2020 mill-Ministeru għal Għawdex fuq parti minn Triq Enrico Mizzi ġewwa l-Belt Victoria, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa dan ix-xogħol u jgħid min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Kemmuna — Kiri ta’ deckchairs u umbrelel

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa biex jintgħażlu operatur/i għall-kiri tad-deckchairs u umbrelel ġewwa Kemmuna qabel is-sajf 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ppubblika l-kuntratti tal-operaturi eżistenti, bħala l-ewwel pass ta’ dan il-proċess. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien ma’ awtoritajiet oħra, bdiet ukoll tevalwa l-kriterji meħtieġa għal sejħiet futuri, għas-sena 2026, bil-għan li jintlaħaq aktar bilanċ sostenibbli fl-użu ta' deckchairs u umbrelel, kif ukoll fl-operaturi ta' gabbani tal-ikel, xorb u prodotti oħra.

Għawdex – Cables tad-dawl taħt l-art

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mit-30 Kilometru li ntqal li tpoġġew cables tad-dawl taħt l-art, kemm tpoġġew ġewwa Għawdex s’issa u fejn tpoġġew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Bħala parti mill-impenn kontinwu biex inkomplu naġġornaw u ntejbu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, Enemalta qed tissokta bl-investiment f’dak li huwa tqegħid ta’ aktar cables ġodda taħt l-art biex ittejjeb il-kapaċità u l-affidabbiltà tal-provvista fuq skala nazzjonali. Dan l-isforz huwa parti minn viżjoni usa’ biex il-pajjiż ikun imħejji aħjar għal sfidi futuri fil-qasam tal-enerġija. Matul l-2024 tpoġġew madwar 6.5 kilometri ta’ cables ġodda f’Għawdex, waqt li din is-sena Enemalta diġà poġġiet madwar 1.5 kilometri oħra ta’ cables li komplew jikkonsolidaw link bejn Marsalforn u r-Rabat. Huwa ppjanat li sa tmiem is-sena b’kollox ikunu tpoġġew 10 kilometri oħra ta’ cables ġodda fil-gżira Għawdxija.

Ix-Xewkija, Għawdex — Triq Ta’ Ġokk - Playing field

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat (xahar u sena) li tiġi rranġata u ssir il-manutenzjoni meħtieġa inkluż il-ġnien li hemm fil-playing field ġewwa Triq Ta' Ġokk fix-Xewkija, Għawdex li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill Lokali, peress li din il-playing field u open space jinsabu fi stat ħażin għal min jiffrekwentahom? Jista’ jgħid jekk preżentement din il-playing field hijiex safe u hijiex iċċertifikata li hija safe? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb jew possibbiltà li dan l-ispazju jitkabbar? Jista’ jgħid ukoll jekk tħejjewx is-sejħiet għal offerti u jekk ġewx ippubblikati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li huwa pjanat li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinnovar tas-sit imsemmi jitlesta sa’ Frar 2026 u s-sejħiet għall-offerti għax-xogħolijiet relatati jinsabu fi stadju avvanzat. Il-ħsieb huwa li l-faċilità tokkupa l-ispazju preżenti.

Penali Amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-terminoloġija ‘penali amministrattiva’ (bl-Ingliż ‘administrative penalty’) hix dik korretta meta ssir referenza għal xi sanzjoni finanzjarja ta’ natura amministrattiva jew ċivili? Jekk din hi korretta, jista’ jgħid x’passi qed jittieħdu biex f’kull istanza fejn hi applikabbli kemm fil-liġi kif ukoll fis-sentenzi tal-Qrati, tiġi użata t-terminoloġija korretta u jiġu eliminati istanzi fejn pereżempju: issir referenza għal multa amministrattiva eċċ. meta r-referenza tkun għal sanzjoni finanzjarja ta’ natura amministrattiva?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Bħalma jiġri f’diversi pajjiżi u Stati Membri oħra, il-leġislatur ta’ kull ġurisdizzjoni għandu d-diskrezzjoni li jabbina terminoloġija ma’ kwalunkwe tip ta’ miżura u għaldaqstant it-terminoloġija użata qatt ma tista’ tissejjaħ li hi skorretta anke meta jkun hemm differenzi fit-terminoloġiji użati bejn Stati Membru u ieħor. Huwa tajjeb li wieħed jifhem li t-terminoloġija użata fil-liġi hija sempliċement nomenklatura. Għaldaqstant, ma hemm bzonn li jittieħdu ebda passi kif imsemmija fil-mistoqsija.

Għajnsielem — Żona Tal-Fessej- Sit għal-rimi ta’ demel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hi l-kapaċità ta’ demel li l-impjant ta’ Tal-Fessej ġewwa Għawdex jiflaħ kuljum? Tista’ tgħid ukoll jekk dan huwiex biżżejjed għal Għawdex kollu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha l-kapaċità li titratta d-demel kollu li jidħol ġewwa l-imsemmi impjant.

Sena 2024 — Xogħlijiet fuq bini ta’ toroq f’Għawdex - Ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-kuntratturi differenti fuq bini ta’ toroq ġewwa Għawdex matul is-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fis-sena 2024 il-Ministeru nefaq €8,520,497.29.