Legislature:
Category:
Reset
Active:

Victoria, Għawdex – Triq Enrico Mizzi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25761 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20887 tat-Tlettax-il Leġiżlatura, fir-rigward tax-xogħlijiet li saru matul ix-xahar ta’ Lulju 2020 mill-Ministeru għal Għawdex fuq parti minn Triq Enrico Mizzi ġewwa l-Belt Victoria, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa dan ix-xogħol u jgħid min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Perit inkarigat huwa Perit tal-Ministeru. It-testijiet li kien hemm bżonn saru kollha. Ix-xogħlijiet ġew jiswew Ewro 143,900 (excl VAT).

Konsultazzjoni tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha (Direttiva NIS2) — Konsultazzjoni pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi rispons għall-konsultazzjoni pubblika intitolata ‘Konsultazzjoni tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar miżuri għal-livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha (Direttiva NIS2)’ li ġiet ippublikata fis-6 ta’ Settembru 2024? Jekk kien hemm, jista’ jgħid minn min u x’kienu l-konklużjonijiet wara li saret din il-konsultazzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-risposta hi fl-affermattiv u tali rispons ikun dejjem ippubblikat fuq is-sit elettroniku li jintuża għall-konsultazzjoni pubblika. Qed inpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra għall-benefiċċju tal-Onorevoli Interpellant.

Abbozz ta' Att dwar l-Attivitajiet Spazjali — Konsultazzjoni pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi rispons għall-konsultazzjoni pubblika intitolata ‘Abbozz ta' Att dwar l-Attivitajiet Spazjali’ li ġiet ippubblikata fis-27 ta’ Novembru 2024? Jekk kien hemm, jista’ jgħid minn min u x’kienu l-konklużjonijiet wara li saret din il-konsultazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Rikorsi — Kontenut illegali ta’ natura kriminali -Ordni ta’ tneħħija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26056, f’kull każ fejn inħarget ordni ta’ tneħħija, jista’ l-Ministru jgħid a tenur ta’ liema dispożizzjoni tal-liġi inħarġet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-każi fejn inħarget ordni ta’ tneħħija, il-Pulizija mxiet fuq il-provedimenti tal-artiklu 16 tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 t’Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u cioe’ l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Tali azzjoni tittieħed bħala miżura preventiva biex jitnaqqsu r-riskji.

PMC For Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-preliminary market consultation li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – ‘PMC For Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex’? Fiex wasal il-proċess biex tinħareġ offerta miftuħa għall-konċessjoni u kemm hu maħsub li se jkun it-tul tal-konċessjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 22148.

Ix-Xewkija – Proġett ta’ mmodernizzar tal-Heliport, tal-Helipad u tar-Runway

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-proġett tal-immodernizzar tal-faċilitajiet tal-Heliport kif ukoll il-Helipad u r-Runway fix-Xewkija u fiex waslu t-tħejjijiet biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol meħtieġ? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar u sena hu maħsub li jinbdew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġu finalizzati t-technical specifications u l-BOQ’s sabiex tkun tista toħroġ is-sejħa għall-offerti.

Awtorità tat-Trasport – Safety audits ta’ proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti ġewwa Għawdex u Malta li għalihom saret talba lill-Awtorità tat-Trasport għal safety audit sal-aħħar ta’ Frar 2025? F’liema minn dawn saru rakkomandazzjonijiet għat-titjib neċessarju, liema minnhom twettqu u liema minnhom għadhom ma twettqux?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Manutenzjoni tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huwiex responsabbli mill-manutenzjoni tat-toroq kollha ġewwa Għawdex u jekk iva, kemm ilu responsabbli?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huwa responsabbli mill-manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji.

Servizzi tat-Telecare on the Move, Telecare, Home Help — Anzjani Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna anzjani llum li qed jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare on the Move, mis-servizz tat-Telecare u mis-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) ġewwa Ghawdex? Jista' jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal kull wieħed minn dawn is-servizzi f’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li hemm 401 Anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare ġewwa Għawdex, u hemm 18-il applikazzjoni pendenti għal-dan is-servizz li qed jistennew l-installazzjoni min-naħa tal-fornitur tas-servizz tat-Telecare. Dwar it-Telecare on the Move hemm 10 Anzjani li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz ġewwa Għawdex u hemm 3 applikazzjonijiet li qed jistennew l-installazzjoni min-naħa tal-fornitur tas-servizz tat-Telecare on the Move. Għar-rigward tas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) ġewwa Għawdex, irreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Ħaddiema ‘part-time’

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu u fis-Segretarjat tiegħu li jaħdmu 'part-time' u x'inhu l-grad tagħhom? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta’ xogħol jagħmlu, kemm ilhom jaħdmu part-time u kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

CT2019/2025 — 'FRAMEWORK AGREEMENT (WITH MANUAL CALL-OFFS/JOB ORDERS) FOR THE PROVISION OF LONG-TERM CARE BEDS IN GOZO FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING WITH REDUCED ENVIRONMENTAL IMPACTS'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa: CT2019/2025 - 'Framework Agreement (With Manual Call-Offs/Job Orders) for the Provision of Long-Term Care Beds in Gozo for the Ministry for Gozo and Planning with Reduced Environmental Impacts' u għaliex inħasset il-ħtieġa li toħroġ din is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll: i. kemm hu l-valur u għal kemm hu; ii. il-perjodu ta’ żmien ta’ din is-sejħa; iii. min kien/kienu qed jipprovdi/u dan is-servizz li hemm mitlub f'din is-sejħa f'dawn l-aħħar xhur u snin ġewwa Għawdex; iv. kemm tħallas għal dan is-servizz; v. meta kienet l-aħħar li ħarġet din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa CT2019/2025 tikkonċerna Ftehim Qafas għall-Provvista ta' Sodod għal Kura fit-Tul f'Għawdex. Il-ħtieġa għal din is-sejħa oriġinat mill-impenn tal-Gvern li jespandi u jtejjeb is-servizzi tal-kura fit-tul għaċ-ċittadini Għawdxin. Dan huwa servizz addizzjonali li jirrispondi għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tas-soċjetà tagħna, b'attenzjoni speċjali għall-kwalità tal-kura u l-kontinwità tas-servizz. Il-Gvern huwa impenjat li mhux biss iżid l-għadd ta' sodod disponibbli, iżda wkoll li jtejjeb b'mod sinifikanti l-kwalità tas-servizz offrut lill-persuni li jeħtieġu kura fit-tul. Fir-rigward tad-dettalji speċifiċi, il-valur u l-perjodu taż-żmien huma kif ippubblikat fit-tender.

Għawdex — Skejjel tal-Gvern fil-livell primarju u kindergarten - Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal li bħalissa qed jattendu l-iskejjel tal-Gvern fil-livell primarju u kindergarten f’Għawdex maqsuma skola skola u kemm minnhom huma barranin? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ tfal li bdew jattendu f’dawn l-iskejjel, fl-aħħar intake ta’ din is-sena u kemm minnhom huma barranin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel tal-Kindergarten u primarji t’Għawdex hemm total ta’ 1,915-il student.

Sit tal-Gvern ‘Konsultazzjoni Pubblika’ — Proposti ta’ liġijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk proposti ta’ liġijiet ġodda li qed isiru fuq is-sit tal-Gvern intitolata ‘Konsultazzjoni Pubblika’ humiex qed jiġu vetted mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat qabel ma jiġu ppubblikati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Għawdex — Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Labourers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25135 u jgħid kemm daħlu labourers mal-Ministeru tiegħu f'Għawdex mill-1 ta’ Ġunju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid mil-liema lokalitajiet f'Għawdex kienu dawn il-persuni li ġew ingaġġati u f'kull każ kemm kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol ma’ JobsPlus? Jista' jgħid f'kull ingaġġ li sar, meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati, kemm damu miftuħa u x'tip ta' kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika? Kemm applikaw u kemm intgħażlu għal kull sejħa? Jista' jgħid ukoll, każ b'każ, x'tip ta' xogħol qed jagħmlu dawk li ġew ingaġġati u jekk intbagħtux jagħmlu xi korsijiet? Jekk iva, x'korsijiet kienu? Jista’ jgħid ukoll fejn qed jaħdmu fil-preżent u l-ħinijiet tax-xogħol li qed jaħdmu dawn il-ħaddiema? Hemm il-ħsieb li jiġu ngaġġati iżjed labourers matul is-sena 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25747.

Għawdxin — Għajnuna fil-kontijiet tal-elettriku u tal-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25746 u jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni/familji f’Għawdex li: i. qed jirċievu għajnuna biex iħallsu parti mill-kont tal-konsum tal-elettriku u tal-ilma; ii. qed jingħataw għajnuna biex iħallsu parti mill-kirja tas servizz tad-dawl u tal-ilma; jew iii. qed jingħataw għajnuna miż-żewġ skemi flimkien? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni raħal b'raħal?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif tidher hawn taħt: i. l-ammonti li qed jirċievu għajnuna biex iħallsu parti mill-kont tal-konsum tal-elettriku u tal-ilma huwa ta’ 1,036 ii. l-ammonti li qed jingħataw għajnuna biex iħallsu parti mill-kirja tas servizz tad-dawl u tal-ilma huwa ta’ 762 iii. l-ammonti li qed jingħataw għajnuna miż-żewġ skemi flimkien huwa ta’ 762

Servizz ta’ ġbir u t-trasportazzjoni ta’ frott u ħaxix — Kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-kuntrattur li kien qed jagħti s-servizz tal-ġbir u t-trasportazzjoni ta’ frott u ħaxix minn Għawdex għall-Pitkalija ta’ Malta, għall-Malta Food Agency qabel ħarġet is-sejħa pubblika u li ġiet awarded ftit tal-ġimgħat ilu? Jista’ jgħid ukoll minn fejn kien qed jingħata s-servizz, kemm dam jingħata s-servizz qabel ħarġet is-sejħa pubblika u kemm ġie jiswa dan is-servizz?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur li kien qed jagħti s-servizz tal-ġbir u t-trasportazzjoni ta’ frott u ħaxix minn Għawdex għall-Pitkalija ta’ Malta immexxija mill-Malta Food Agency, kien is-Sur Ino Mario Abela, b’tali servizz jingħata minn ġewwa x-Xewkija Għawdex. Is-servizz dam għaddej għal disa’ xhur.

Kunsilli Lokali Għawdxin — Talbiet għal xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tabelli li ngħataw fit-tweġibiet tal-mistoqsija parlamentari 25012 u 25447, jista’ l-Ministru jgħid min approva t-talbiet għal xogħlijiet għat-tliet snin indikati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li dawn it-talbiet qed jiġu approvati mid-Diretattorat għal Manutenzjoni u l-Indafa Pubblika.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Ħaddiema 'l fuq minn 65 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li għandhom 'il fuq minn 65 sena, li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, inkluż fis-Segretarjat tiegħu? Jekk hemm, jista' jgħid: a. kemm huwa n-numru ta’ dawn il-ħaddiema; b. xi gradi u skala huma dawn il-ħaddiema; c. f’liema direttorat jaħdmu; d. x'tip ta' xogħol jagħmlu; e. jekk hemmx tal-kuntrattur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma l-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 21451. Qed naġġorna l-ħaddiema tal-Gozo Channel Operations Ltd fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Ħaddiema Għawdxin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25749, tista’ l-Ministru tgħid mit-98 ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta fil-Ministeru tagħha u fl-entitajiet li jaqgħu taħtha: i. xi gradi huma dawn il-ħaddiema Għawdxin; ii. f’liema direttorat jaħdmu; iii. x'tip ta' xogħol jagħmlu; iv. kemm-il sena ilhom jaħdmu mal-Ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ħaddiema li qed issir referenza għalihom hemm 28 minnhom fis-Servizz Pubbliku u 70 mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Sejħa għal Direttur Ġenerali (Major Projects)

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex is-sejħa ta’ Direttur Ġenerali (Major Projects) mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ma reġgħetx ħarġet? Jista’ jikkonferma li din is-sejħa mħux se terġa’ toħroġ?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.