Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kemmuna — Sejħa għal operaturi tal-Watersports

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa qabel is-sajf 2025 biex jintgħażlu operatur/i tal-Watersports ġewwa Kemmuna?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-Concession Agreements qed jiġu proċessati bil-għan li jkunu rilaxxati fil-jiem li ġejjin.

Għawdex — Ħaddiema fi gradi industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema fi gradi industrijali eskluż labourers mal-Ministeru tiegħu f'Għawdex mill-1 ta’ Ġunju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll: i. mil-liema lokalitajiet f'Għawdex kienu dawn il-persuni li ġew ingaġġati; ii. f'kull ingaġġ li sar, meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati, kemm damu miftuħa u x'tip ta' kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika; iii. kemm applikaw u kemm intgħażlu għal kull sejħa; iv. x'tip ta' xogħol qed jagħmlu dawk li ġew ingaġġati każ b'każ, jekk intbagħtux jagħmlu xi korsijiet u jekk iva, x'korsijiet kienu; v. fejn qed jaħdmu fil-preżent u l-ħinijiet tax-xogħol li qed jaħdmu dawn il-ħaddiema; u vi. jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ingaġġati iżjed labourers matul is-sena 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Ġunju 2024 sal-lum, ġew ingaġġati 17-il ħaddiem li ġejjin minn dawn il-lokalitajiet f’Għawdex: il-Belt Victoria, Nadur, Ta’ Sannat, Għarb, ix-Xagħra, Kerċem, iż-Żebbuġ u x-Xewkija. Is-sejħiet kollha ħarġu matul l-2024. Ir-rekwiżi tal-eleġibilità kienu mniżżla fis-sejħiet. Fosthom kien hemm li jkunu kapaċi jikkomunikaw bil-Malti u bl-Ingliż. Fil-każ tas-sejħa għal Tradesperson, kien meħtieġ li l-persuna jkollha esperjenza ppruvata fis-sengħa tal-mastrudaxxa u l-għamara. Ninsab infurmat li kollha attendew kors organizzat mill-IPS. Wieħed attenda kors ta’ Jobsplus dwar tqegħid tal-madum u tal-bricks u ħaddiem ieħor li attenda kors tal-Jobsplus fuq kif iħaddem fork lifter u ieħor dwar is-sengħa ta’ mastrudaxxa. Ninsab infurmat li huwa mistenna li jkun hemm aktar sejħiet sabiex jissaħħaħ it-tim tal-maintenance.

Xagħra — Triq Ta’ Stellini - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar ix-xogħlijiet fi-Triq Ta' Stellini fix-Xagħra u kemm ilu li nbeda x-xogħol f'din it-triq? Jista’ jgħid ukoll meta ser titlesta minn kollox din it-triq u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin.

Paga medja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-paga medja f'Malta f'għeluq is-sena 2021, 2022, 2023 u 2024 u kemm kienet il-paga medja għal dawk li jaħdmu f'Għawdex f'għeluq is-sena 2021, 2022, 2023 u 2024?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ix-Xewkija, Għawdex — Nies li żaru l-Mitħna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li żaru l-Mitħna fix-Xewkija, Għawdex minn meta nfetħet din il-Mitħna, maqsuma xahar b'xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tkopri l-attendenza mid-29 ta’ Jannar 2022 sa meta qiegħda tiġi mwieġba t-tweġiba parlamentari.

Kerċem — Triq Għajn Abdul, Triq Wied Junu u Triq ta’ Spiteri - Sejħa għall-proġett ta' bini ta' toroq

Question

B'referenza għas-sejħa li ħarġet ftit tal-ġimgħat ilu għall-proġett ta' bini ta' tliet toroq f'Kerċem, Triq Għajn Abdul, Triq Wied Junu u Triq ta’ Spiteri ffinanzjati mil-Unjoni Ewropea, fejn intqal li 'dan l-investiment strateġiku se jtejjeb l-aċċessibilità u s-sigurtà f’Kerċem, b’diversi benefiċċji, fosthom, tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku fiċ-ċentru tar-raħal u titjib fis-sigurtà fit-toroq u tnaqqis fl-inċidenti', jista’ l-Ministru jgħid fil-konkret b'liema mod/i ser titnaqqas l-konġestjoni tat-traffiku fiċ-ċentru tar-raħal ta' Kerċem?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li jipprovdi toroq imtejjba u alternattivi mal-inħawi ta’ barra l-qalba tar-raħal ta’ Kerċem, b’tali mod li l-vetturi, speċjalment dawk tal-bdiewa u vetturi kbar, ikollhom aċċess dirett u aktar sigur lejn l-għelieqi u żoni oħra mingħajr ma jkun hemm bżonn jgħaddu mill-pjazza u t-toroq ċentrali. Dan ifisser li jonqos il-volum tat-traffiku fil-qalba tar-raħal, u b’hekk titnaqqas il-konġestjoni u anke r-riskju ta’ inċidenti. B’mod konkret, l-aċċess ġdid u r-rotot alternattivi jrendu inqas ħtieġa għall-vetturi li jidħlu u joħorġu miċ-ċentru ta’ Kerċem, u b’hekk inaqqsu l-akkumulazzjoni ta’ traffiku u joħolqu ambjent aktar sigur u ħieles mill-istorbju għar-residenti tal-lokalità. Il-Ministeru huwa infurmat li l-Kunsill Lokali bhalissa għaddej bi pjan ta’ kif l-ahjar ikun immanigjat t traffiku fil-konfini tiegħu.

Ix-Xewkija — Trailer Park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nbdew, fiex waslu u meta huma maħsuba li jingħalqu d-diskussjonijiet bejn INDIS u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, sabiex isir investiment fuq proġett ġdid fis-sit industrijali fix-Xewkija li jikkonsisti f’kostruzzjoni ta’ Trailer Park, kif ukoll infrastruttura u faċilitajiet ġodda fil-madwar? Jista’ jgħid ukoll kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ix-Xewkija, Għawdex — Żona Industrijali - Xogħlijiet infrastrutturali u bini ta' toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' tisbiħ, xogħlijiet infrastrutturali u bini ta' toroq mill-ġdid saru ġewwa ż-Żona Industrijali fix-Xewkija, Għawdex matul is-snin 2023 u 2024? Fiex kienu jikkonsistu u kemm intefqu flus? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' tisbiħ, xogħlijiet infrastrutturali u bini ta' toroq mill-ġdid hemm ippjanati li jsiru ġewwa din iż-Żona Industrijali matul is-sena 2025? Fiex ser ikunu jikkonsistu u kemm huma stmati li ser jiġu jiswew?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li biex iz-żona Industrijali tax-Xewkija tingħata l-attenzjoni mistħoqqa, fis-sena 2025 l- INDIS daħlet f’arranġament mal-Ministeru ta’ Għawdex (SLA) fejn dawn se jkunu qedgħin jieħdu ħsieb ix- xogħolijiet u l-infrastruttura kif ukoll is-tisbieħ f’din iz-żona Industrijali. Il-pjan għal-din is-sena ser jinkludi irranġġar ta’ toroq, pavimentar, bini ta’ ħitan, tibdil u irranġar ta’ dawl, kif uoll sinjali ġodda tat-toroq.

Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23837 dwar x’għamel il-Ministeru sa issa dwar Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni, peress li f’dawn l-aħħar xhur f'parti minn din it-triq, proprju fil-kantuniera qrib id-daħla tax-Shooting Range, it-triq ċediet u sfrondat, fejn ġie mwieġeb li 'l-Ministeru jikkonferma li saru l-interventi meħtieġa biex din it-triq tista tkompli tintuża', jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn l-interventi, min għamilhom, min kienu l-persuni tekniċi min-naħa tal-Ministeru nkarigati minn dawn ix-xogħlijiet u kemm ġew jiswew? Jista’ jgħid ukoll jekk fil-preżent hemmx periklu għall-persuni u għall-vetturi li jgħaddu minn din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li Perit tal-Ministeru żar is-sit sabiex isir ix-xogħol neċessarju.

Ix-Xewkija, Għawdex — Triq Ta’ Ġokk - Playing field

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25764 dwar manutenzjoni, inkluż tal-ġnien li hemm fil-playing field, fi Triq Ta’ Ġokk, fix-Xewkija Għawdex, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill Lokali, peress li kien ġie mwieġeb li huwa mistenni li “x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinnovar tas-sit imsemmi jitlesta sa Frar 2026 u s-sejħiet għall-offerti għax-xogħlijiet relatati jinsabu fi stadju avvanzat”, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan ta’ fejn se jsir ix-xogħol ta’ manutenzjoni u rinnovar ta’ dan il-ġnien u l-playing field?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan mitluba.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26154 fl-intier tagħha u b’referenza għal dawn il-561 ħaddiem Għawdxi li qed jaħdmu Malta fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, jista’ jgħid: i. xi gradi huma dawn il-ħaddiema Għawdxin; ii. f’liema direttorat jaħdmu; iii. x’tip ta’ xogħol jagħmlu; u iv. kemm-il sena ilhom jaħdmu mal-Ministeru tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali informazzjoni hi ta’ natura privata u sensittiva u għalhekk mhux ser tiġi ppubblikata.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu f’Malta fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid ukoll: i. xi gradi huma dawn il-ħaddiema Għawdxin; ii. f’liema sezzjoni jaħdmu u fejn; iii. x’tip ta’ xogħol jagħmlu; u iv. kemm-il sena ilhom jaħdmu mal-Ministeru tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Għajnuniet lill-istituzzjonijiet tal-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25753 u 26152 u jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja f’Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu, jew xi waħda mill-entitajiet li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Sejħa għal Direttur Ġenerali (Major Projects)

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26149, li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru, u jgħid għaliex is-sejħa ta’ Direttur Ġenerali (Major Projects) mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ma reġgħetx ħarġet? Jista’ jikkonferma li din is-sejħa mhux se terġa’ toħroġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandix xi nżid mat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 25142.

MCCAA – kariga ta’ Chief Executive Officer

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid minn fejn mill-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap 510, tirriżulta l-kariga ta’ Chief Executive Officer tal-MCCAA u wkoll il-funzjonijiet tal-istess uffiċjal?

Response (ABELA, ROBERT)

Bħalissa ċ-Chairperson għadha qed taqdi l-funzjonijiet tagħha li joħorġu mill-liġi. Fl-istess waqt il-liġi ma twaqqfekx milli tappunta persuni oħra f’irwoli maniġerjali.

Il-Fontana, Għawdex – Triq Mons. Mikiel F. Buttigieg — Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8739 li ngħatat fl-24 ta’ Mejju 2023 dwar meta se jsir ix-xogħol fi Triq Mons. Mikiel F. Buttigieg, fil-Fontana Għawdex, peress li parti sostanzjali minn din it-triq għadha sal-lum bla wiċċ, u peress li kien ġie mwieġeb “li l-Ministeru qed jistenna d-deċiżjoni tal-PCRB fuq sejħa għall-offerti għal xogħlijiet fuq toroq biex ikun jista’ jkompli x-xogħlijiet fuq din it-triq kif ukoll spjegat fil-mistoqsija parlamentari numru 8732”, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar se jitkompla u meta se titlesta minn kollox din it-triq? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jsiru fix-xhur li ġejjin.

Għawdex – Tindif ta’ widien

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5759, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-widien li kienu ssemmew minnu f’din l-istess tweġiba humiex kollha fis-sejħa li ħareġ reċentement il-Ministeru tiegħu biex jiġu mnaddfa widien u jsir xogħol ieħor fuqhom? Jekk le, jista’ jgħid għaliex ma ġewx inklużi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din is-sejħa ser isir it-tindif ta’ dawn il-widien: · Wied il-Kbir, Wied il-Kbir, San Lawrenz, Gozo; · Wied il-Kbir, Triq ta Spiteri, San Lawrenz, Gozo; · Wied ta Mġarr ix-Xini; · Wied tal-Imġarr; · Wied l-Infern; L-istima għat-tindif tal-bqija tal-widien kienet teċċedi l-allokazzjoni ta’ fondi Ewropej. Il-Ministeru qed jesplora sejħiet għall-applikazzjonijiet għal fondi oħra biex jitnaddfu l-bqija.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Proġett ta’ retrofitting

Question

Fid-dawl tal-proġett ta’ retrofitting li qed isir fil-bini tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift ġdid sar sa issa u kemm minnhom bdew jintużaw mill-ħaddiema u mill-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent ġew installati żewġ liftijiet ġodda. B’hekk issa il-Ministeru għandu żewġ liftijiet li jistgħu jintużaw mill-ħaddiema u pubbliku. Intant qed jiġu manifatturati żewġ liftijiet oħra li ser jiġu installati fiż-żmien li ġej.

Water Services Corporation – Xogħlijiet fi Triq Xandriku u Triq San Duminku f’Għawdex

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fi Triq Xandriku, fin-Nadur, u fi Triq San Duminku, fir-Rabat Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-bankini ta’ dawn l-imsemmija toroq humiex se jinbidlu u jsiru mill-ġdid?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se twettaq xogħlijiet fuq il-bankini ta’ Triq San Duminku f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.

Il-Kulleġġ ta’ Għawdex — Xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25760, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u jelenka x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru, liema xogħlijiet ġew imħallsa mill-fondi tal-iskejjel rispettivi li jagħmlu parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex mill-perjodu Jannar 2023 sa Diċembru 2025? Jista’ jelenka kull biċċa xogħol li saret (għal kull skola), meta saret, kemm swiet u jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet sarux b’tender jew b’direct order?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.