Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żebbuġ u ta’ Kerċem — Skejjel primarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għall-iskejjel primarji taż-Żebbuġ u ta’ Kerċem? Jekk hemm, xogħlijiet ippjanati, jista’ jgħid x’tip ta’ xogħlijiet huma, fiex jikkonsistu, meta se jinbdew u meta se jitlestew? Jista’ jgħid ukoll kemm-il laqgħa saret mal-kapijiet ta’ dawn l-iskejjel u mal-Kunsill Skolastiku fl-aħħar sentejn u xi rwol għandha l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm proġetti ta' rinnovazzjoni sħiħa għall-Iskejjel Primarji taż-Żebbuġ u ta’ Kerċem, li jinkludu xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi (M & E) kif ukoll civil works. Saru laqgħat mal-kapijiet taż-żewġ skejjel, kif ukoll mal-uffiċju tal-Prinċipal tal-Kulleġġ t’Għawdex, tal-fejn ġew diskussi l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u dan ir-rispons ġie riferut lura lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS), li hija responsabbli, b'kollaborazzjoni mal-MGP, għall-ħruġ tas-sejħiet għall-offerti. Is-sejħa għall-offerti fuq ix-xogħlijiet fl-Iskola Primarja tal-Kerċem ħarġet fl-20 ta’ Novembru li għadda u ġiet awarded. Dawn ix-xogħlijiet huma mistennija li jibdew fis-sajf. Is-sejħa għall-offerti għall-Iskola Primarja taż-Żebbuġ ħarġet għall-ewwel darba fl-fil-31 ta’ Lulju 2024, liema proċess ġie kkanċellat peress li l-ebda offerta ma laħqet il-kriterji amministrattivi, u /jew tekniċi u/jew finanzjarji mitluba fis-sejħa. Inħarġet għat-tieni darba fit-13 ta' Marzu 2025, u għalqet fit-2 ta' April 2025; bħalissa tinsab fil-proċess ta' aġġudikazzjoni.

Kemmuna — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika f’Kemmuna fiż-żmien li ġej? Jista’ jgħid ukoll liema entità jew awtorità se taħdem, meta ser jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tħejji l-aġġornament tal-Objettivi u l-Miżuri ta’ Konservazzjoni għas-sit Natura 2000 ta’ Kemmuna, biex dawn jirriflettu l-kundizzjonijiet ekoloġiċi attwali u l-prijoritajiet ta’ management. Dan qed isir b’rabta mad-Direttiva tal-Ħabitats u jinkludi kordinazzjoni bejn l-Awtorità u l-entitajiet relevanti, u jinvolvi wkoll konsultazzjoni pubblika li mistennija ssir fl-2026. Barra minn hekk, l-ERA qed taħdem fuq interventi speċifiċi ta’ restawr tal-bjar li hemm fil-Qala ta’ Santa Marija, li hija żona sensittiva għall-biodiversità, u qed tieħu ħsieb ukoll l-aspett loġistiku relatat max-xogħlijiet fiż-żona Tal-Ful. Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, l-ERA bdiet tieħu ħsieb ukoll il-latrina pubblika li tinsab f’din l-istess żona billi qed tipprovdi servizz ta’ attendant li jieħu ħsieb dawn il-faċilitajiet. B’mod kordinat mal-prioritajiet stabbiliti mill-ERA, f’Kemmuna qed tintervjeni wkoll Ambjent Malta fejn din tiffoka l-aktar fuq ir-restawr naturali. Dan huwa xogħol li jeħtieġ li jkun sostnut fuq medda ta’ snin u jinkludi fost l-oħrajn it-tneħħija ta’ arbli li ma jintużawx, it-tħawwil ta’ diversi siġar u arbuxelli, l-installazzjoni ta' sistema ta' irrigazzjoni li tinkludi wkoll tankijiet għall-ħażna l-ilma, il-bini u t-tiswija tal-ħitan tas-sejjieħ, l-installazzjoni u l-manteniment ta’ lqugħ tal-injam, it-tneħħija ta’ speċi aljeni u invażivi, kif ukoll tindif ġenerali. Matul is-sena d-dieħla, f’Kemmuna se tkun qed tintervjeni wkoll il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li se tkun qed tibdel il-ġibjun fuq l-art.

Il-Qala — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika fil-Qala fiż-żmien li ġej? Liema entità jew awtorità se taħdem, meta ser jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta? Tista’ tgħid ukoll jekk it-triq kollha hijiex ser tinbena u tingħata l-asfalt jekk kemm-il darba din tintmess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Qala, Enemalta se tkun qed tikkummissjona substation ġdida fi Triq Wied Simar. Bħalissa għaddejjin il-preparamenti bil-mira li dawn ix-xogħlijiet jibdew f’Ottubru u jkunu lesti sal-aħħar ta’ Novembru. Wara jingħata l-asfalt skont il-permessi u l-kundizzjonijiet ta’ Transport Malta.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Xogħlijiet strutturali infrastrutturali u ta’ tisbiħ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tax-xogħlijiet strutturali, infrastrutturali u ta’ tisbiħ li saru fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u meta saru dawn ix-xogħlijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-lum, ġew imwettqa numru ta’ interventi infrastrutturali u tekniċi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bl-għan li jiġu modernizzati il-faċilitajiet tal-isptar, titjieb il-kwalità tal-kura lill-pazjenti u tiżdied l-effiċjenza operattiva. Il-lista qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Iskola tal-Vajrinġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal xiex qed tintuża fil-preżent il-parti tal-Iskola tal-Vajrinġa li kienet tintuża bħala skola u x’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru tiegħu rigward din il-binja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li hu maħsub li parti minn din l-iskola ser tintuża mill-Malta Trust Foundation biex jingħata servizz ta’ Terapija permezz tal-Mużika u l-Arti lill-persuni b’diżabilità li jgħixu f’Għawdex. Dan is-servizz huwa estensjoni tas-servizzi mogħtija ġewwa Villa Bianca f’Malta. Fil-preżent, parti mill-Iskola tal-Vajrinġa qed tintuża bħala uffiċini mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali.

CT2051/2023 — TENDER FOR THE EXTERNAL PAVING WORKS AT THE MINISTRY FOR GOZO ADMINISTRATION CENTRE IN VICTORIA, GOZO

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar is-sejħa “CT2051/2023 - Tender for the External Paving Works at the Ministry for Gozo Administration Centre in Victoria, Gozo”? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew ix-xogħlijiet relatati ma’ din is-sejħa u meta (xahar u sena) ser ikunu lesti l-affarijiet kollha mitluba minn din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq din it-tender għadu ma bediex.

CT2172/2024 — Design and Build Tender for the Demolition, Excavation, Shoring of External Facades and Restoration, Construction, Finishes, MandE's and Landscaping Works using Environmentally Friendly Products for the Maria Regina College Naxxar Primary School

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar is-sejħa “CT2172/2024 - Design and Build Tender for the Demolition, Excavation, Shoring of External Facades and Restoration, Construction, Finishes, MandEs and Landscaping Works using Environmentally Friendly Products for the Maria Regina College Naxxar Primary School”? Meta (xahar u sena) huma ppjanati li jibdew ix-xogħlijiet relatati ma’ din is-sejħa? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar relatat ma’ din is-sejħa u jgħid meta ġiet approvata din l-applikazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-iskola primarja l-ġdida tan-Naxxar huma mistennija li jibdew wara li jkun iffirmat il-kuntratt mal-kuntrattur li ntagħżel mill-proċess ta’ sejħa pubblika għall-offerti. Il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għandu referenza PA/10373/17 u ingħata f’Mejju 2021. Fil-frattemp, l-FTS issottomettiet applikazzjoni oħra b’xi tibdiliet strutturali fuq ġewwa, u li waslet fl-assessjar finali mill-Awtorità, b’referenza PA/317/24.

CT2135/2024 — TENDER FOR THE REMOVAL OF TOP-SOIL, ROCK EXCAVATION, ROCK FACE STABILISATION WORKS AND CONSTRUCTION OF RETAINING WALL USING ENVIRONMENTALLY FRIENDLY METHODS TO ENABLE THE CONSTRUCTION OF THE MELLIEHA CHILDCARE CENTRE AND PRIMARY SCHOOL EXTENSION

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa “CT2135/2024 - Tender for the Removal of Top-Soil, Rock Excavation, Rock Face Stabilisation Works and Construction of Retaining Wall Using Environmentally Friendly Methods to Enable the Construction of the Mellieha Childcare Centre and Primary School Extension”? Jista’ jgħid ukoll meta ħarġet din is-sejħa u meta ġiet awarded? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar relatat ma’ din is-sejħa u jgħid ukoll meta nħareġ dan il-permess u jgħid min hu l-perit inkarigat min dan il-permess?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa tikkonsisti fit-tneħħija tal-ħamrija, l-iskavar tal-blat, xogħlijiet ta’ stabbilizzazzjoni tal-wiċċ tal-blat, u kostruzzjoni ta’ ħajt ta’ sostenn f’art biswit l-Iskola Primarja tal-Mellieħa u li fuqha se tinbena parti mill-iskola primarja l-ġdida. Din is-sejħa kienet ippubblikata f’Mejju 2024 u l-proċess intemm f’Jannar 2025. Il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għandu referenza PA/2255/18 u ngħata f’Lulju 2022. Il-Kuntratt ġie awarded lid-ditta Mifsud Schembri.

SPD3/2022/065 — CONSTRUCTION, FINISHING WORKS AND COMMISSIONING OF AN E-TICKETING PROJECT AT CIRKEWWA AND MGARR PASSENGER FERRY TERMINALS

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar is-sejħa “SPD3/2022/065 - Construction, Finishing Works and Commissioning of an E-Ticketing Project at Cirkewwa and Mgarr Passenger Ferry Terminals”? Jista’ jgħid ukoll meta ser ikunu lesti l-affarijiet kollha mitluba minn din is-sejħa u meta (xahar u sena) ser tibda topera s-sistema ta’ e-ticketing?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet kollha bħalissa għadhom għaddejjin. Huwa ppjanat li x-xogħlijiet kollha ikunu lesti fix-xhur li ġejjin.

Sejħa għal Vapur ROPAX

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27160 dwar fiex waslet is-sejħa għall-vapur ROPAX (ref. CT2379/2024) li għalqet fit-2 ta’ April 2025, fejn ġie mwieġeb ‘li ma kien hemm l-ebda interess f’din is-sejħa’, jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) ser terġa’ toħroġ din is-sejħa u jekk humiex ser jinbidlu xi rekwiżiti fis-sejħa l-ġdida?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel se terġa' toħroġ sejħa ġdida fil-ġimgħat li ġejjin. Infurmat li l-Gozochannel ħadet nota tal-kritika u qed jiġu kkunsidrati xi bidliet fir-rekwiżiti tas-sejħa l-ġdida.

SPD3/2025/020 — FRAMEWORK AGREEMENT FOR THE PROVISION OF PROFESSIONAL SERVICES OF WARRANTED ARCHITECTS (PERITI) TO THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex tikkonsisti s-sejħa ‘SPD3/2025/020 - Framework Agreement for the Provision of Professional Services of Warranted Architects (Periti) to the Ministry for Gozo and Planning’ u jgħid kemm hi stmata din is-sejħa u kemm hu l-perjodu ta’ żmien ta’ din is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll meta kien l-aħħar li l-Ministeru tiegħu ħareġ din is-sejħa, kemm kienet ġiet awarded u għal kemm kien iż-żmien għal din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija sejħa biex jigu ingaggati numru (pool) ta’ Periti għall-forniment ta' servizzi professjonali ta' perizja għall-ġestjoni ta’ proġetti kif indikat mill-Awtorità Kontraenti li jinkludi, iżda mhux limitat għal: · Preparazzjoni u s-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet għall-permessi lill-Awtorità tal-Ippjanar · Kumpilazzjoni tal-Bill of Quantities u l-abbozzar ta' Speċifikazzjonijiet Tekniċi · Ġestjoni komprensiva tal-proġetti (inkluż il-forniment ta' Bill of Quantities li jirrappreżenta xogħlijiet imkejla, take-offs, tpinġijiet aġġornati u provvista ta' ritratti ddatati kemm f'format diġitali kif ukoll f'kopji stampati) · Ċertifikazzjonijiet · Valutazzjonijiet · Rapporti · Kwalunkwe kompitu ieħor relatat ma' proġetti speċifiċi u/jew assenjamenti skont l-eżiġenzi tad-diversi awtoritajiet kontraenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, irrispettivament mill-valur tal-assenjamenti/proġetti Dan il-framework ikopru perjodu massimu ta' 24 xahar.

Il-Munxar u x-Xlendi — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika fl-irħula tal-Munxar u tax-Xlendi fiż-żmien li ġej? Liema entità jew awtorità se taħdem, meta ser jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta? Tista’ tgħid ukoll jekk it-triq kollha hix ser tinbena u tingħata l-asfalt jekk kemm-il darba din tintmess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Enemalta s'issa m'għandhomx ippjanat li jsiru xogħlijiet fiż-żona indikata.

Għawdex — Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 25134 u 26916 dwar it-tender għal xogħlijiet relatati ma’ parti mit-triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq li ftit wara li kienet tranġat din bdiet tisfronda, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol inbediex u jekk hux ser ikun lest kollu kemm hu qabel jibda s-sajf 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar qed jistenna sabiex il-kuntrattur jibda bix-xogħlijiet.

Għawdex – Artijiet devoluti lil għaqdiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta tal-artijiet ġewwa Għawdex li ġew devoluti lil għaqdiet sportivi f’dawn l-aħħar ħames snin u jaqsam din l-informazzjoni raħal b’raħal?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Lukandi u guest houses - Tourist beds

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ tourist beds li hemm irreġistrati f’Għawdex, f’lukandi, guest houses u binjiet oħra li jintużaw bħala residenza turistika u f’kull każ jaqsam l-informazzjoni raħal b’raħal u skont il-kategorija tal-akkomodazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Tourist Beds - Għawdex Hotels Guesthouses Hostels Holiday Furnished Premises Ir-Rabat 152 93 0 446 Il-Fontana 0 0 0 63 Għajnsielem 226 0 0 379 L-Għarb 0 75 0 897 L-Għasri 0 0 0 560 Ta' Kerċem 0 56 0 448 Santa Luċija 0 0 0 0 Il-Munxar 42 18 0 129 Xlendi 258 41 0 384 In-Nadur 22 0 0 445 Il-Qala 20 50 0 522 San Lawrenz 276 0 0 284 Ta' Sannat 183 0 14 292 Ix-Xagħra 110 184 0 1295 Ix-Xewkija 17 34 0 235 Iz-Żebbuġ 0 0 0 618 Marsalforn 220 164 20 684

Port tal-Imġarr — Fast Ferry Terminal - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27157, jista’ l-Ministru jgħid b’liema mod/modi ser jiġi mmassimizzat l-użu tat-terminal eżistenti ġewwa l-port tal-Imġarr? Jista’ jgħid ukoll fiex ser jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, kemm huma stmati li ser jiġu jiswew u meta ser jitlestew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aġġornament fuq it-Terminal tal-Gozo Fast Ferry ġewwa l-Port tal-Imġarr huwa maħsub sabiex itejjeb l-effiċjenza, is-sigurtà u l-esperjenza ġenerali tal-utent, b’mod li jikkontribwixxu għal servizz aktar effiċjenti u aċċessibbli.

CT3047/2023 Tender for the structural consolidation and conservation of the aqueduct in Triq Papa Ġwanni Pawlu II, Rabat, Gozo using environmentally friendly measures

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar is-sejħa “CT3047/2023 Tender for the structural consolidation and conservation of the aqueduct in Triq Papa Ġwanni Pawlu II, Rabat, Gozo using environmentally friendly measures”? Jista’ jgħid ukoll meta ħarġet din is-sejħa; meta ġiet awarded u meta ser jibda x-xogħol relatat ma’ din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru laqgħat tekniċi li fihom qed jiġu diskussi affarijiet tekniċi u amministrattivi sabiex il-kuntrattur ikun jista’ jibda x-xogħlijiet. Is-sejħa ħarġet fil-10 ta’ Novembru 2023 u ġiet awarded fil-25 ta’ Novembru 2024. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew fix-xhur li ġejjin.

FIAU — Penalitajiet amministrattivi - Ħlasijiet volontarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il każ il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) aċċettat li jsiru ħlasijiet volontarji ta’ penalitajiet amministrattivi minflok tipproċedi ulterjorment, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm kien il-ħlas tal-penali u x’kienet in-natura ta’ nuqqas ta’ konformità li għaliha tħallset il-penali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korp hu mogħni bil-poter li jimponi l-multi amministrattivi hekk kif provdut permezz ta’ Regolament 21 tar-Regolamenti kontra Money Laundering u Finanzjar ta’ Terroriżmu. Għaldaqstant, il-ħlas ta’ tali multi għandu jitqies bħala wieħed dovut lill-Korp. B’hekk, il-ħruġ ta’ multa amministrattiva jikkostitwixxi obbligu legali u dirett fuq il-persuna suġġetta sabiex tħallas l-istess multa. Dan l-obbligu jiġi sospiż jekk il-persuna suġġetta jagħżel li jintavola appell ai termini tal-Artikolu 13A tal-Att kontra l-Money Laundering sakemm jiġi determinat l-istess appell.

Resolution Committee — Ħatra tal-membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli skont il-Kap. 330 għall-ħatra tal-membri tar-Resolution Committee u dan peress li skont l-artikolu 7B tal-Kap. 330 jirriżulta li l-ħatra ssir mir-Resolution Authority li allura hu l-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) waqt li fl-istess liġi, l-Ewwel Skeda paragrafu 2(2) jipprovdi li l-istess membri jiġu maħtura wieħed mill-Bank Ċentrali, wieħed mill-MFSA u ieħor mill-Ministeru responsabbli għall-Finanzi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta u l-Ministeru responsabbli għall-Finanzi rispettivament jiddeżinjaw persuna sabiex taġixxi bħala membru tal-Kumitat ta' Riżoluzzjoni, u dan skont il-paragrafu 2(2) tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta, mentri l-ħatra tal-Kumitat innifsu, inkluż il-ħatra ta' dawn il-persuni li jagħmlu tali Kumitat, ssir mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta fil-kapaċità tiegħu bħala l-Awtorità ta’ Riżoluzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 7B tal-imsemmi Att.

Skultura ta’ Antonio Sciortino — Akkwist

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern ma ta l-ebda informazzjoni lill-pubbliku dwar skultura li tidher li hija ta’ Antonio Sciortino li nxtrat għall-Kollezzjoni Nazzjonali bil-prezz ta' €163,000? Ma jaħsibx li l-pubbliku kellu jiġi infurmat mill-Gvern b’dan l-akkwist u l-prezz tal-istess akkwist? Jista' jgħid ukoll min kienu l-individwi li ħejjew rapport u stima ta’ din l-opra u jekk intalbitx l-opinjoni tal-esperti mid-Dipartiment tal-Arti tal-Università?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta xtrat l-iskultura bit-titlu Speed ta’ Sciortino għall-prezz indikat f’din il-PQ. Dan ix-xiri sar f’Ġunju tal-2014 u apparti li ġiet esibita għall-pubbliku, l-iskultura kienet ukoll imsemmija fil-gazzetti. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ l-artiklu li deher online tat-Times of Malta datat 28 ta’ Ġunju 2014, fejn juri li dan l-akkwist kien imsemmi fil-midja u jindika wkoll il-valur tal-iskultura. Għandek issib ukoll il-link tal-artiklu msemmi https://timesofmalta.com/article/heritage-malta-buys-antonio-sciortinos-speed.525401 Dan l-akkwist ġie dokumentat ukoll fir-rapport annwali ta’ dik is-sena, f’paġni 1, 9 u 16, li qed inpoġġi kopja tiegħu wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll Heritage Malta m’għandha l-ebda obbligu li bilfors titlob parir ta’ terzi kull darba li takkwista xi oġġett, iżda tagħmel dan skont il-bżonn, każ b’każ. F’din l-okkażjoni ma kienx hemm bżonn u imxiet fuq il-parir tal-professjonisti fi ħdanha.