Għawdex — Triq li twassal għall-parking tal-Isptar Ġenerali - Proċess ta’ esproprjazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ esproprjazzjoni, u x’ġie mwettaq s’issa sabiex tinfetaħ it-triq li diġà hija schemed u li twassal għall-parking tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u dan qabel issir il-parti l-ġdida li diġà ġiet iffurmata? Jista’ jgħid ukoll liema triq, meta tinfetaħ, se tagħti aċċess aħjar lir-residenti u lill-pubbliku inġenerali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi studjat jekk il-parti li jmiss tiġix esproprijata kif inhi diga skemata t-triq jew teħtieġx xi emendi sabiex tkun tista tagħti aċċess aħjar fuq triq l-Arċisqof Pace u l-parkeġġ li jagħti għall-isptar.
Jista’ l-Ministru jgħid liema bajjiet ġewwa Għawdex u Kemmuna ġew magħluqa u ddedikati għall-għawm sabiex il-pubbliku, b’mod partikolari t-tfal, jgħumu f’ambjent aktar sigur? Liema bajjiet żdiditilhom jew ser tiżdidilhom is-swimming zone għal-dan is-sajf? Jista’ jgħid ukoll liema bajjiet fadal jiġu magħluqa ġewwa Għawdex u Kemmuna biex ikunu ddedikati għall-għawm għall-pubbliku u meta se jingħalqu?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull sena jinħarġu żewġ avviżi lill-Baħħara (Notices to Mariners) relatati mal-istaġun tas-sajf. Wieħed minnhom jikkonċerna ż-żoni ddedikati għall-għawm (swimming zones), filwaqt li l-ieħor jirrigwarda żoni ddikjarati bħala ristretti għall-bastimenti biex jiġi żgurat l-aħjar livell ta’ sigurtà għall-għawwiema.
Iż-żoni li jiġu inklużi fl-avviż dwar is-swimming zones huma dawk li jkunu ġew ikkonfermati mid-Dipartiment tas-Saħħa fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva. Min-naħa l-oħra, iż-żoni li jiġu ddikjarati bħala ristretti għall-bastimenti huma stabbiliti fuq talbiet kummerċjali, pixxini tal-water polo, u attivitajiet simili.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa “CT3018/2024 DESIGN AND BUILD TENDER FOR BLOCK 6, AT MOUNT CARMEL HOSPITAL CAMPUS, USING ENVIRONMENTALLY FRIENDLY CONSTRUCTION MATERIALS AND PRODUCTS”, li għalqet fis-17 ta' Settembru 2024, u jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni u meta hu maħsub li jiġi konkluż?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi l-proċess ta' l-aġġudikazzjoni huwa konkluż u r-rapport tlesta. Dan ir-rapport qiegħed fil-proċess tal-approvazzjoni mill-evalwaturi. Ir-riżultat se jkun qed jitħabbar fiż-żmien li ġej.
B'referenza għar-riforma fit-trasport, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-riformi li tħabbru humiex kollha ser jiġu wkoll attwati u implimentati għal Għawdex?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant lir-riforma ‘Reshaping Our Mobility’ fit-totalità tagħha hija intiza biex tindirizza l-isfida prinċipali tat-trasport f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti li jinsabu għaddejjin f’Għawdex bħalissa u li qed isiru mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27203 fl-intier tagħha u jgħid:
i. Fiex kienu jikkonsistu l-interventi meħtieġa sabiex Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni tkun tista’ tkompli tintuża?
ii. Minn min saru dawn l-interventi?
iii. Min kienu l-persuni tekniċi inkarigati minn dawn ix-xogħlijiet min-naħa tal-Ministeru?
iv. Kemm ġew jiswew?
Jista’ jgħid ukoll jekk fil-preżent hemmx periklu għall-persuni u għall-vetturi li jgħaddu minn din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-parti tat-triq li hemm l-ħsarat fuqha ser issiru fl-immedjat.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan ta’ fejn hu maħsub li se jsir l-investiment fuq proġett ġdid fis-sit industrijali fix-Xewkija li jikkonsisti f’kostruzzjoni ta’ Trailer Park, kif ukoll l-infrastruttura u l-faċilitajiet ġodda fil-madwar? Jista’ jgħid ukoll kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet saru jew ser isiru ġewwa l-Belt Victoria? Liema entità jew awtorità se taħdem, meta ser jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta? Tista’ tgħid ukoll jekk hux se jingħata l-asfalt tul it-triq li diġà ntmesset jew tul it-triq kollha kemm-il darba din tintmess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħala parti mir-rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, Enemalta qed tpoġġi 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’bosta lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Infurmata li se jitpoġġew cables ġodda bejn Kerċem substation u Kerċem Road substation, u parti minn dan ir-rinfurzar jinkludi xogħlijiet fi Triq Kerċem, Victoria, li huwa mmirat li jibdew f’nofs Ġunju u jieħdu madwar xahar biex ikunu lesti. Wara li jsiru dawn ix-xogħlijiet jingħata l-asfalt skont il-permessi u l-kundizzjonijiet ta’ Transport Malta.
Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejjin xogħlijiet fi Triq San Duminku kemm fuq in-network tal-ilma tax-xorb kif ukoll dak tad-drenaġġ. Dawn mistennija jitlestew lejn l-aħħar ta’ Lulju u wara se jingħata l-asfalt tul it-triq kollha. Xogħlijiet simili qegħdin isiru wkoll fi Triq il-Kapuċċini, Triq Giacintu Caminzuli, Triq Pisani u Triq Marsalforn li huma parti minn proġett tal-Ministeru għal Għawdex.
Għawdex — Artijiet/proprjetajiet tal-Gvern devoluti lill-Kunsilli Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27196 u jgħid liema artijiet jew proprjetajiet tal-Gvern ġew devoluti lill-Kunsilli Lokali Għawdxin ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-użu ta’ kull waħda minn dawn l-artijiet jew proprjetajiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27198 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u jgħid liema huma l-proġetti li huma maħsuba li se jinbeda x-xogħol fuqhom matul din is-sena ġewwa Għawdex u Kemmuna u jekk hux ser jiġu użati fondi Ewropej biex isiru? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn il-proġetti ser jitlestew kompletament sal-aħħar ta’ din is-sena u kemm ser jintużaw fondi Ewropej u fondi Maltin għal kull proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Għawdex – Trasport Pubbliku — Żidiet ta’ rotot u frekwenza
Question
B’referenza għaż-żidiet u aktar frekwenza ta' rotot ġewwa Malta li tħabbru f'dawn l-aħħar ġimgħat, jista’ l-Ministru jgħid liema rotot ġodda żdiedu ġewwa Għawdex u liema rotot żdiditilhom il-frekwenza ġewwa Għawdex?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sa issa ma kien hemm l-ebda tibdil fin-network tat-trasport pubbliku ġewwa Għawdex. Il-pjan huwa li l-bidliet jibdew jiġu implimentati aktar tard din is-sena.
Tajjeb wieħed ifakkar li fil-20 t’April ġiet introdotta rotta ġdida bin-numru X300, li topera bejn iċ-Ċirkewwa u l-Belt Valletta. Din ir-rotta tagħmel użu mill-
bypasses
sabiex il-vjaġġi jkunu l-iqsar possibbli.
Fid-dawl li ż-żewġ Ministri ta’ Għawdex preċedenti kemm-il darba ddikjaraw li x-xogħol fuq l-Għar ta' Calypso fix-Xagħra Għawdex kien wasal biex jibda u li dan dalwaqt se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proġett peress li dan ilu magħluq għal diversi snin minħabba li parti minnu kienet ċediet? Jista’ jgħid ukoll xi progress sar f'dawn l-aħħar tnax-il xahar u meta eventwalment se jibda x-xogħol meħtieġ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dalwaqt se toħorġ it-tender għal geological investigations.
Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar il-proġett ta' Għar Gerduf u jgħid x'hemm maħsub li jsir fil-ġimgħat li ġejjin u kemm ser jintefqu flus?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li Għar Gerduf jinstab fi stat ħażin ħafna ta’ preservazzjoni - u f’riskju ta’ kollass strutturali imminenti - qed issir analiżi ġeoloġika dettaljata mill-ġeologu nkarigat dwar dan il-proġett. Min-naħa tiegħu, il-ġeologu rrakkomanda l-installazzjoni ta’ appoġġ temporanju biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sit, inkluż ilqugħ fuq il-pilastru tal-Lvant magħmul minn blokok tal-konkos, struts temporanji tal-azzar biex isostnu s-sezzjoni ta’ quddiem, u t-twaqqif ta’ scaffolding ġewwa l-għar biex tinħoloq sistema ta’ lqugħ. Konsegwentament, inħarġet sejħa għall-offerti b’valur ta’ €36,723.00. S’issa l-kuntrattur diġà bena l-bażi tal-konkos u waqqaf il-blokok tal-konkos biex jifforma l-ilqugħ tal-pilastru. Ix-xogħlijiet l-oħra mistennija li jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn is-servizz tal-lift li jagħmel parti mill-kumpless li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li kien jagħti aċċess faċli u komdu minn Triq San Marku għal Triq Melita mhux aktar aċċessibbli għall-pubbliku, tenut kont li dan il-lift kien ferm utli għall-anzjani u nies bi tfal żgħar li jkunu ġejjin bil-ferry minn tas-Sliema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-lift li jinsab fil-kumpless tal-Fortress Builders Interpretation Centre bħalissa jinsab taħt manutenzjoni minħabba problemi tekniċi.
Il-parts meħtieġa sabiex isir it-tiswija ġew ordnati. Għaldaqstant il-proċess ta’ manutenzjoni mistenni jiġi finalizzata fil-ġimgħat li ġejjin, sabiex il-lift jerġa’ jibda’ jopera mill-ġdid.
B’referenza għal Leġiżlazzjoni Sussidjarja 460.41, jista’ l-Ministru jispjega għalfejn bħala awtoritajiet kompetenti hemm imsemmija biss l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) u l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), dan tenut kont li bħala setturi ta’ kritikalità għolja hemm setturi oħra fosthom l-enerġija, trasport bl-arju u saħħa li wkoll għandhom regolaturi dedikati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li li t-traspożizzjoni Maltija ssemmi dawk l-awtoritajiet l-aktar involuti f’din il-leġiżlazzjoni, iżda li dan ma jeskludi bl-ebda mod il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet oħrajn hekk kif indikat fil-mistoqsija. Dan minħabba l-fatt li Artikolu 7 jistabbilixxi li d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika jista’ jinvolvi awtoritajiet oħra hekk kif inhu meħtieġ, u li dan id-Dipartiment jaġixxi bħala koordinatur ewlieni.
Żebbuġ, Għawdex — Triq is-Sagħtrija - Cable tal-elettriku
Question
B’referenza għal xogħlijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Istrateġija u s-Sapport fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022, li permezz tagħhom saret it-trinka meħtieġa biex ikun jista’ jiġi mgħoddi cable tal-elettriku fil-parti tat-telgħa ta’ Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ, Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-downlighters f’din l-imsemmija triq bdewx jinxtegħlu u jekk iva, minn meta bdew jinxtegħlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal issa qed isir ix-xogħol.
Awtorità tat-Trasport — Safety audits ta’ proġetti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26587 u 27207 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti ġewwa Għawdex u Malta li għalihom saret talba lill-Awtorità tat-Trasport għal safety audit sal-aħħar ta’ Frar 2025? F’liema minn dawn saru rakkomandazzjonijiet għat-titjib neċessarju, liema minnhom twettqu u liema minnhom għadhom ma twettqux?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dawl fil-parking ta’ taħt il-ground tal-Iskola Sekondarja tar-Rabat, Għawdex, tranġax? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx Fire Alarm System ġewwa dan il-parkeġġ ta’ taħt l-art? X’tip ta’ manutenzjoni sar f’dan il-parkeġġ f’dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġie jiswa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti mis-sistema tad-dawl fit-tieni sular tal-garaxx qiegħda fil-proċess li tinbidel wara li ġarrbet ħsara minn ħruq ta’ vettura privata.
Fl-aħħar ħames snin il-manutenzjoni kienet tikkonsisti fil-manutenzjoni ta' rutina tas-sistema tal-allarmi tan-nar u tas-sistema tad-dawl, għall-ammont ta' €5,000.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom u dawk li għad iridu jsiru ġewwa Għawdex u Kemmuna, u li għalihom qed jiġu wżati Fondi Ewropej?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol jew se jkunu qed jinbdew dawn il-proġetti;
• Proġett tat-titjib tal-aċċessibilità tat-triq rurali Ta’ Klula, Kerċem;
• Proġett tat-titjib tal-aċċessibilità tat-triq rurali Għajn Abdun, Ta’ Spiteri u Wied Junu;
• Proġett ta’ rikostruzzjoni tal-ħitan tas-sejjiegħ fi Triq San Niklaw;
• Proġett ta’ rikostruzzjoni tal-ħitan tas-sejjiegħ fi Triq Xurdin, Triq ir-Ramla l-Ħamra u Triq l-Inżul tal-Franċiżi;
• Proġett tat-tindif f’numru ta’ widien madwar Għawdex;
• Proġett ta’ Restawr Ekoloġiku fl-Għolja ta’ Għammar.
Apparti dawn il-proġetti, il-Ministeru applika wkoll għal numru ta’ proġetti oħrajn fejn għadu qed jistenna l-eżitu tal-applikazzjoni.
Għawdex — Lukandi u stabbilimenti oħra ta’ residenza temporanja - Numru ta’ sodod
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hu mistenni li jkun in-numru ta’ sodod għat-turisti fil-lukandi u stabbilimenti ta’ residenza temporanja oħra (inkluż B&Bs) f’Għawdex matul din is-sena, maqsuma lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll ta’ liema klassi huma dawn ir-residenzi f’Għawdex, skont l-istatistika miġbura mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), maqsuma lokalità b’lokalità?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma tistax tgħid b’kemm se jiżdiedu jew jonqsu s-sodod reġistrati peress li dan jiddependi mill-operaturi kkonċernati li jiddeċiedu huma jekk jikkanċellawx xi liċenzja u/jew jekk japplikawx għal xi liċenzja ġdida matul is-sena.