TD-T-3749-2023 (7167) — TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22887 li ngħatat fit-12 ta’ Novembru 2024, dwar meta se jibda x-xogħol relatat mas-sejħa ‘TD-T-3749-2023 (7167) - TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER’, fejn ġie mwieġeb ‘l-permess minn Transport Malta biex ikun jista’ jinbeda dan ix-xogħol wasal fi stadju finali u mistenni jkun konkluż fil-ġranet li ġejjin. Għaldaqstant, qed ikun ippjanat li x-xogħol jibda sa tmiem is-sena’, tista’ l-Ministru tgħid għaliex għaddew iktar minn erba’ xhur u x-xogħol għadu ma nbediex? Tista’ tgħid ukoll meta ser jinbeda (xahar u sena) u jitlesta dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li minħabba xogħlijiet oħrajn urġenti li ġew assenjati lill-kuntrattur dawn ix-xogħlijiet kellhom jiġu posposti għal ftit żmien. Ix-xogħlijiet inbdew f’nofs Mejju u huwa mmirat li jitlestew fi żmien 10 ġimgħat.
WSC/T/110/2023 — Works - Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Water Services Corporation - Consolidation Of Existing Network For Improved Water Supply In Xagħra
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn disa’ xhur u għadu ma nbeda ebda xogħol relatat mas-sejħa WSC/T/110/2023 - Works - Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Water Services Corporation - Consolidation Of Existing Network For Improved Water Supply In Xagħra? Tista’ tgħid ukoll meta ser jinbeda (xahar u sena) u jitlesta dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom inbdew u huwa mmirat li jieħdu madwar tliet xhur.
CT2361/2022 — Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo
Question
B’referenza għas-sejħa CT2361/2022 - Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru sa issa permezz ta’ din is-sejħa, fiex kienu jikkonsistu, fejn saru u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol? Jista’ jgħid ukoll liema xogħol ieħor baqa’ xi jsir u jitlesta permezz ta’ din is-sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ivarjaw bejn; xogħlijiet ta’ rutina biex tiġi imsaħħa l-istruttura f’diversi rħula f’Għawdex, apparti diversi xogħlijiet u interventi ta’ emerġenza meta meħtieġ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol fi Triq l-Emigranti, fin-Nadur u għaliex f’dawn l-aħħar xhur ma tkompla ebda xogħol f’din it-triq? Jista’ jgħid ukoll meta ser jitkompla x-xogħol, meta x-xogħol ser jitlesta minn kollox u kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol f’din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet se jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin.
L-Għarb — Triq Albert W. Ketelby u Triq Patri Albert Caruana - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fi Triq Albert W. Ketelby u Triq Patri Albert Caruana, fl-Għarb?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għaddej b’diversi xogħlijiet madwar Għawdex u se jkun qed jimxi bi prijoritajiet skont l-esiġenzi meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea ta’ moll ġdid u xogħol ieħor f’Ras Ħanżir u x’sar f’dawn l-aħħar ġranet u ġimgħat? Jista’ jgħid ukoll x’hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem fuq tender ġdid li għandu jkun ippubblikat aktar tard din is-sena sabiex jitlesta’ dan il-proġett kif ippjanat.
Bħalissa għaddejjin ukoll diskussjonijiet u analiżi interni sabiex jiġi identifikat dak ix-xogħol li kien ġa mibdi u jista’ jitkompla.
Għawdex — Servizz ta’ Nutritionist fil-polyclinics
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz ta’ Nutritionist fil-polyclinics ta’ Għawdex bediex u jekk le, meta ser jibda?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jiġi offrut is-servizz ta’ Dietician. Barra minn hekk, mit-13 ta’ Frar 2025, beda servizz ta’ Dietician fil-Klinika tal-Komunità tal-Qala, kull nhar ta’ Ħamis.
Għawdex u Kemmuna — Applikazzjonijiet għall-permessi tal-bini
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-permessi tal-bini f’Għawdex u Kemmuna li bħalissa huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u li diġà ngħataw referenza (PA number, eċċ.), maqsuma raħal b’raħal? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet oħra li sa issa għadhom ma ngħatawx il-PA number f’Għawdex u Kemmuna, maqsuma raħal b’raħal?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-figuri mitluba.
L-istess figuri jinkludu l-permessi għal kull tip ta’ applikazzjoni, sew għal-binjiet ġodda kif ukoll applikazzjonijiet għal tibdil jew tnaqqis jew żidiet għal binjiet eżistenti jew bdil fl-użu ta’ strutturi eżistenti; u jinkludu applikazzjonijiet għal permessi sħaħ (
Full
), permessi dwar il-mertu (
Outline
), li permezz tagħhom ma jista’ jsir ebda żvilupp, kif ukoll permessi għal tiġdid (
Renewal
).
Attachments:PQ 28224 - Pending and Invalid Applications in Gozo and Comino.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni f’Għawdex li qegħdin jirċievu l-allowance supplimentari sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa u jaqsam din l-informazzjoni raħal b’raħal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — PA/07491/16 - Masterplan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-masterplan (PA/07491/16) għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jiġi approvat, biex b’hekk ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet relatati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-istudji ġeoloġiċi ġew konklużi u t-tenders ta’ rilokazzjoni tal-anzjani, ħaddiema u servizzi fil-parti ta’ tramuntana tal-isptar qegħdin fl-istadju ta’ vetting għand id-Dipartiment tal-Kuntratti.
In-Nadur, Għawdex — Triq Xandriku - Xogħlijiet fuq bankini
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27211, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26591 dwar xogħlijiet li qed isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fi Triq Xandriku, fin-Nadur u fi Triq San Duminku, fir-Rabat, Għawdex fejn ġie mwieġeb li 'l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se twettaq xogħlijiet fuq il-bankini ta’ Triq San Duminku f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex,' jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhumiex ser jitwettqu wkoll xogħlijiet fuq bankini fi Triq Xandriku fin-Nadur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27217.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ġiet fi tmiemha l-ħatra tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll min ġie appuntat bħala membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) minflok l-individwu li d-dettalji dwaru wkoll qed jingħataw separatament?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ing. Helga Pizzuto rtirat mill-kariga ta’ Chairperson tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, f’April 2025. Sa Carmen Ciantar ġiet maħtura bħala Chairperson tal-istess Awtorità b’seħħ mill-1 ta’ April 2025.
Għadu ħadd ma ġie appuntat bħala membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex jissostitwixxi lis-Sur Benny Borg Bonello.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27221, jista’ l-Ministru jgħid fejn ġew stazzjonati u fejn ser ikun il-bini jew il-post fejn is-sbatax-il suldat ġdid li bdew f’dawn l-aħħar ġranet ġewwa Għawdex, ser ikunu stazzjonati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn se jservu skont l-esiġenzi tas-servizz tal-Forzi Armati ta' Malta f'Għawdex.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27215, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qiegħda tikkunsidra għall-futur l-Awtorità biex tiżdied il-kapaċità ta’ berths f’Għawdex?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala parti mill-funzjonijiet tagħha, l-Awtorità tkompli twettaq valutazzjonijiet regolari dwar il-ħtiġijiet u l-possibilitajiet ta’ espansjoni tal-infrastruttura marittima madwar il-gżejjer Maltin, inkluż Għawdex.
Ix-Xewkija — Żona Industrijali - Fondi fuq tisbiħ, xogħlijiet infrastrutturali, u bini ta’ toroq mill-ġdid
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu fondi fuq tisbiħ, xogħlijiet infrastrutturali, u bini ta’ toroq mill-ġdid fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, Għawdex, matul is-snin 2023 u 2024?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirefferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 17269.
Tista’ l-Ministru tagħti n-numru ta’ charging pillars li hemm f’kull waħda mil-lokalitajiet tat-Tlettax-il Distrett Elettorali, separatament għal kull lokalità?
Tista’ tgħid ukoll:
i. kemm hu mistenni li jiżdiedu charging pillars f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet;
ii. meta hu mistenni li jiġu installati dawn iċ-charging pillars;
iii. meta hu mistenni li jibdew jaħdmu;
iv. f’kull każ, kemm minn dawn iċ-charging pillars se jkunu fast charging u kemm minnhom se jkunu medium (normal) charging; u
v. liema rata ta’ ħlas ser tkun qed titħallas minn min ikun qed juża dawn iċ-charging points?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hawn 408 charging points għall-użu pubbliku mxerrdin madwar Malta u Għawdex, filwaqt li għaddej proġett ieħor biex jiżdiedu 1,200 charging point ieħor madwar il-gżejjer. Dawn jnkludu 120 charging point (60 charging pillar) li se jsiru fil-lokalitajiet tat-Tlettax-il Distretti Elettorali u li l-informazzjoni mitluba dwarhom tinsab fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qabel ma jitwaħħlu ċ-charging pillars irid isir xogħol infrastrutturali u ta’ preparamenti elettriċi. Il-kuntratt għal dawn ix-xogħlijiet f’kull sit propost tal-lokalitajiet imsemmija ġie ffirmat u mistennija jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin. Filwaqt li t-tenders għaċ-charging pillars għandhom jinħarġu fix-xhur li ġejjin u għandhom jiġu kuntrattati kollha sal-aħħar tas-sena.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ servizzi ta’ dawl u ilma separatament, li huma reġistrati mal-Enemalta u mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) f’Għawdex, maqsuma raħal b’raħal? Tista’ wkoll tagħti tagħrif dwar in-numru ta’ servizzi hekk reġistrati, skont il-kategoriji li għandhom il-WSC u l-Enemalta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
PMC for Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex — Preliminary Market Consultation
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-‘Preliminary Market Consultation’ li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar bit-titlu ‘PMC for Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex’, li għalqet fit-30 ta’ Settembru 2024, u x’irriżulta? Jista’ jgħid ukoll x’inhu mistenni li jsir issa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-Konsultazzjoni Preliminari tas-Suq (PMC), li ħarġet s-sena li għaddiet, kien li tinġabar iżjed informazzjoni dwar l-fattibilita’ tal-proġett propost. Issa li ngħalaq dan l-istadju, il-GRDA ressqet 'Outline Development Application' mal-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa mistenni li tinħareġ offerta miftuħa ghall-konċessjoni fiż-żmien li ġej.
Rapport dwar l-iżvilupp f’Għawdex — Proposti mis-Sindki
Question
Fid-dawl li aktar minn 30 proposta kienu saru mis-Sindki kollha Għawdxin f’rapport ippreżentat lill-predeċessur tiegħu dwar l-iżvilupp f’Għawdex fil-bidu ta’ April 2021, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-proposti ġew attwati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-istat attwali tax-xogħol fuq kull waħda minn dawn il-proposti, u meta hu mistenni li jitwettqu? Jekk hemm proposti li ma ġewx aċċettati mill-Gvern, jista’ jgħid liema huma u x’inhi r-raġuni għaliex ma ġewx aċċettati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20214.