B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19497 li ngħatat fit-18 ta’ Ġunju 2024, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid fiex waslu n-negozjati bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede dwar ftehim ġdid li jirregola l-proprjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti fl-1991 u għaliex qed isiru dawn in-negozjati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tal-1991 bejn iż-żewġ partijiet dwar propjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti komplew iktar kmieni din is-sena, fis-17 ta’ Frar. Waqt din il-laqgħa, iż-żewġ naħat qablu li l-Protokoll Addizzjonali m’għadux aktar meħtieġ ġaladarba l-istruttura preżenti qed taqdi dmira.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri tal-Kumitat dwar Kemmuna? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba dan il-Kumitat iltaqa’ matul din is-sena, x’ġie diskuss s’issa, x’kien l-eżitu tad-diskussjonijiet, u kull meta jiltaqa’ dan il-Kumitat?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari Numru 28325 f’dak li għandu x’jaqsam mal-membri tal-Kumitat dwar Kemmuna. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat iltaqa’ darbtejn. Bħala riżultat tad-diskussjonijiet ġie deċiż li:
i. Titkabbar is-swimming zone filwaqt li tkun iktar sigura għall-għawwiema;
ii. Isir xogħol ta’ manutenzjoni u riparazzjoni minuri fejn ikun meħtieġ;
iii. Is-sistema ta’ mmaniġġjar tal-iskart tissaħħaħ u titjieb;
iv. Ikun hemm faċilitajiet sanitarji addizzjonali;
v. Ikun hemm aktar infurzar;
vi. Jitwaqqaf Unit li jieħu ħsieb jikkoordina l-immaniġġjar taz-zona tal-Blue Lagoon; u
vii. Tinħoloq applikazzjoni (App) sabiex min ikun sejjer il-Blue Lagoon ikollu japplika permezz tal-App fil-ħinijiet (slots) speċifikati. Ma jitħallewx iktar minn 4,000 viżitatur fl-istess ħin.
viii. Tintefa’ applikazzjoni mal–Awtorità tal–Ippjanar għal titjib tal–faċilitajiet Infrastrutturali ġewwa Blue Lagoon.
Apparti dawn il-laqgħat, kien hemm ukoll laqgħat oħra ad hoc bejn l-entitajiet on site, a fini ta’ koordinament.
Jista’ l-Ministru jgħid liema knejjes ġew restawrati, jew jekk ingħatatx xi għajnuna għall-konservazzjoni tagħhom, matul dawn l-aħħar ħames snin f’Għawdex u kemm kienet l-ispiża totali sa issa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar ħames snin dawn il-knejjes li jidhru qed jidhru fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra ibbenefikaw minn fondi għar-restawr jew konservazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-Master Plan tar-Ramla l-Ħamra, meta nbeda (sena u xahar), u meta hu ppjanat li jiġi konkluż? Jista’ jgħid ukoll b’mod konkret, x’sar matul is-snin 2023, 2024, u fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2025 dwar dan il-Master Plan u kemm intefqu flus matul dan il-perjodu, u fuq xiex intefqu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni mal-Awtorita tal-Ippjanar għal Master Plan mistennija li tiġi konkluża matul ix-xhur li gejjin. Matul is-sena 2022, tħallas l-ammont ta’ Euro 2,450 lill-Awtorita tal-Ippjanar għall-applikazzjoni tal-permess.
Għawdex — Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27674 dwar it-tender għal xogħlijiet relatati ma’ parti mit-triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq li ftit wara li kienet tranġat bdiet tisfronda, jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu jistenna sabiex il-kuntrattur jibda bix-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħlijiet humiex ser jitlestew kollha qabel jibda s-sajf 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara konsultazzjoni ma’ raprezentant tal-Kunsill ġie deċiż li tibda wara s-sajf, sabiex ma’ tkunx ta’ inkonvenjent għall-għawwiema.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm impjegati fuq il-kotba ta’ Heritage Malta f’Jannar ta’ kull sena mill-2013 sas-sena 2025 (inklużi dawk li huma pprovduti minn kuntratturi, bħal cleaners u clerks) maqsumin bil-gradi rispettivi tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-1 ta' Jannar 2025 fuq il-kotba tal-Heritage Malta kien hemm 361 ħaddiem.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm impjegati fuq il-kotba tal-Gozo Channel f’Jannar ta’ kull sena mill-2013 sas-sena 2025 (inklużi dawk li huma pprovduti minn kuntratturi, bħal cleaners u clerks) maqsumin bil-gradi rispettivi tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Jannar ta’ din is-sena fuq il-kotba tal-Gozo Channel kien hemm impjegati 186 ħaddiem.
Is-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku — Kuntratti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata taħt il-proċedura negozjata għall-provvista ta’ servizzi, ħwejjeġ (goods) u xogħlijiet lis-Servizz Pubbliku u lis-Settur Pubbliku kull sena minn Jannar 2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? X’kienu s-servizzi, xogħlijiet eċċ. provduti f’kull każ? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-avviż (kuntratt taħt il-proċedura negozjata) ippubblikat?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20401, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar l-iskema miftuħa għall-Kunsilli Lokali Għawdxin sabiex jibbenefikaw minn fondi biex jintużaw għar-restawr ta’ strutturi jew monumenti ta’ importanza storika jew artistika u li tkopri wkoll fondi li jistgħu jintużaw ukoll biex jittejbu, jissebbħu u jitħaddru sqaq(ien) fil-lokalità tagħhom, u ċjoè jgħid fiex wasal il-proċess tal-evalwazzjoni msemmi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ evalwazzjoni ġie konkluż. Il-Kunsilli Lokali li tefgħu l-proposti tagħhom se jkunu notifikati bl-eżitu tar-riżultat fil-ġranet li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet li ser isiru fuq it-triq li minn quddiem il-junction li tieħdok għall-Fontana twasslek sat-tarf ta’ Triq Sir Arturo Mercieca, kantuniera ma’ Triq il-Vajringa u kemm fiha tul? Jista’ jgħid ukoll kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlesta x-xogħol kollu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’parti min Triq Santa Domenica u fit-Triq Arturo Mercieca mistennija jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir min-naħa tal-Ministeru tiegħu biex jittaffa l-periklu fit-toroq ta’ Għawdex kull darba li tagħmel ħafna xita (kif ġara dan l-aħħar), bħal bini ta’ ġibjuni taħt l-art, u tindif aktar frekwenti ta’ culverts fit-toroq prinċipali u sekondarji?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru, permess tal-ħaddiema tiegħu jassigura li l-culverts jiġu mnadfa kull meta jkun hemm bżonn imma tal-inqas darba fis-sena. Il-Ministeru permezz ta’ fondi Ewropej bena ġibjun fit-Triq Qasam San Ġorġ biex jilqa’ l-ilma tax-xita. B’hekk fis-sajf il-bdiewa jkunu jistgħu jużaw dan l-ilma għat-tisqija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu li nbeda x-xogħol fi-Triq Ta’ Stellini fix-Xagħra, meta ser titlesta minn kollox din it-triq u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex u għaliex f’dawn l-aħħar ġimgħat ma tkompla ebda xogħol f’din it-triq? Tista’ tgħid ukoll jekk jafx meta ser jitkompla x-xogħol u meta x-xogħol f’din it-triq ser jitlesta minn kollox?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajtu għall-mistoqsijiet parlamentari 24536 u 25209, inżid li l-proġett huwa mmirat li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol fi Triq il-Gidi fix-Xewkija, Għawdex, fid-dawl tal-fatt li dan ix-xogħol qatt ma sar u t-triq tinsab fi stat ħażin ħafna, tant li qed tikkawża problemi kbar għar-residenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għaddej b’diversi xogħlijiet madwar Għawdex. Għaldaqstant se tingħata prijorità skont il-ħtieġa tal-esiġenzi.
Jista’ l-Ministru jgħid liema persuni huma awtorizzati li jiftħu l-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali għall-pubbliku? Jista’ Kunsillier jiftaħ l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali mingħajr il-preżenza tas-Segretarju Eżekuttiv jew staff ieħor tal-Kunsill Lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Nemmen li l-aħjar Sindki, Viċi Sindki u Kunsilliera huma dawk li jkunu qrib in-nies kemm jista' jkun u li jaraw in-nies kemm hemm bżonn.
Dak hu wara kollox il-qofol tal-ħidma politika.
Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti sar/qed isir ix-xogħol fuqhom mill-ħaddiema tal-Gvern u tal-iskema jew tal-contract for service li jaqgħu taħt direttorati varji fi ħdan il-Ministeru tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema tal-Ministeru jaħdmu fuq xogħol rikorrenti u anke skont pjan ta’ ħidma mfassal.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Manutenzjoni tat-toroq
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26161 dwar il-manutenzjoni tat-toroq ġewwa Għawdex fejn intqal li "l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huwa responsabbli mill-manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji", jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istorm water culverts fit-toroq arterjali u distributorji ta’ Għawdex humiex responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu biex jitnaddfu minn żmien għal żmien u ssirilhom il-manutenzjoni meħtieġa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jassigura li fit-toroq arterjali u distributorji l-istorm water culverts ikunu nodfa u issir l-manutenzjoni meħtieġa.
Pjanijiet Lokali ta’ Malta u Għawdex — Proċess ta’ reviżjoni
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6083 (tat-Tlettax-il Leġiżlatura li ġiet imwieġba fit-13 ta’ Ġunju 2018) u 8737 dwar fiex wasal il-proċess biex jiġu riveduti l-Local Plans ta’ Malta u Għawdex, fejn dakinhar kien ġie mwieġeb li "x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti u li l-Awtorità tal-Ippjanar għaddejja bi studji varji, meħtieġa għal reviżjoni tal-Local Plans", jista’ l-Ministru jgħid x’sar f’dawn is-snin u x’inhu jsir fil-preżent u jekk il-Local Plans ta’ Malta u ta’ Għawdex humiex ser jiġu riveduti matul is-sena 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li qed isiru xi reviżjonjiet parzjali biex jiġu aġġornati ma’ policies oħra li għandha l-Awtorità u oħrajn li qed tniedi minn żmien għall-ieħor, fix-xhur li ġejjin se nkomplu għaddejjin bid-diskussjonijiet sabiex eventwalment isiru r-reviżjonijiet b’mod aktar wiesgħa.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26984 u jgħid sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fir-rigward ta’ kull entità pubblika, (irrispettivament tal-mod kif deskritta) li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu:
i. kemm hemm avukati full-time u/jew part-time impjegati mal-entità konċernata u f’kull każ x’inhu l-grad tagħhom; u
ii. kemm attwalment hemm avukati jew ditti ta’ avukati mhux impjegati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm sitt entitajiet taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li jħaddmu magħhom 17-il avukat, filwaqt li hemm erba’ avukati oħra u ditta legali waħda li ġew ingaġġati fuq bażi ta’ retainer.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm kien hemm ħaddiema ġodda mill-Ministeru tiegħu f’Kemmuna qabel April 2025, u kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda f’dawn l-aħħar ġranet? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ xogħol qed iwettqu dawn il-ħaddiema, x’inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom, kemm minnhom huma impjegati tas-Servizz Pubbliku u kemm minnhom huma tal-kuntrattur?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li la l-Ministeru u lanqas l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), ma kellhom ħaddiema li kienu speċifikament stazzjonati f’Kemmuna qabel April 2025.
Madankollu, l-MTA dejjem kellha ħaddiema fl-uffiċċju tagħha ġewwa Għawdex li jwettqu xogħol f’Kemmuna matul ix-xhur tas-sajf. Dan ix-xogħol jinkludi sorveljanza, tindif u ġestjoni tal-bajjiet. Sostanzjalment, kien ikun hemm numru ta’ ħaddiema fuq xogħol ta’ nfurzar u mmaniġġjar tal-bajjiet li kienu jvarjaw bejn tlieta (3) u erbgħa (4); żewġ (2) ħaddiema fuq xogħol ta’ tindif u numru ta’ ħaddiema ta’ kuntratturi fuq tindif kontinwu (2) u sigurtà (1).
Wara April 2025, l-MTA żammet l-istess impenn mill-uffiċju tagħha f’Għawdex, però kellu jiżdied l-element ta’ immaniġġjar, tindif u sigurtà sabiex jiġi żgurat li n-numru ta’ viżitaturi jkun dejjem ikkontrollat u konformi mal-pjan tal-Gvern li jipprovdi esperjenza pożittiva fuq il-gżira.
Qed jintużaw tlett persuni għal immanniġġjar li diġà huma mpjegati fis-Settur Pubbliku, u tnejn li ġew ingaġġati temporanjament. Hemm ukoll sitt persuni li qed jiġu ingaġġati għal skopijiet ta’ tindif u disa’ persuni għal skopijiet ta’ sigurtà, liema persuni huma ngaġġati minn kuntratturi.
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi din l-inizjattiva mhux qed tiġi mplimentata biss mill-Ministeru responsabbli mit-Turiżmu u l-MTA, imma hemm numru ferm akbar ta’ stakeholders u entitajiet bir-riżorsi tagħhom.