Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xlendi – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18200 li ngħatat fl-24 ta’ April 2024, dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi, fejn kien ġie mwieġeb li “Il-Korporazzjoni, li mhix responsabbli mill-proġett fit-totalità tiegħu, qed tistenna l-pjanti finali tal-parkeġġ biex tkun tista’ tgħaddi għall-fażi li jmiss fejn jidħlu x-xogħlijiet li jridu jsiru minnha”, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux il-pjanti finali u jekk iva, meta saru? Fiex waslu l-preparamenti dwar il-pumping station adegwata u jinbidlu wkoll il-pajpijiet li jwasslu għas-sentina? Tista’ tgħid ukoll meta (xahar u sena) hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bil-preparamenti biex jitlestew id-dokumentazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-permessi min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan biex jinbeda x-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-istazzjon il-ġdid tal-ippumpjar.

Ix-Xlendi – Konsultazzjonijiet għal servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jirriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li dawn jingħalqu u x’ser ikun imiss wara?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-entitajiet kollha sabiex kull investiment li jsir fix-Xlendi jkun jirrifletti d-domanda, li dejjem qed tiżdied fix-Xlendi. Infurmat li l-WSC ser tkun qiegħda timxi bil-pjanijiet.

Heritage Malta – Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnhom dawk il-50 karozza tal-linja jew aktar li kienu nxtraw minn Heritage Malta u li sa ftit tas-snin ilu kienu għadhom jintużaw? Jista’ jgħid ukoll fejn qegħdin dawn il-karozzi tal-linja llum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta qatt ma xtrat karozzi tal-linja.

Proġett tal-Mużew ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-proġett tal-bini tal-Mużew ta’ Għawdex, li ilu ħafna snin li nbeda, baqa’ ma tlestiex? Jista’ wkoll jagħti dettalji dwar kemm kienet l-istima oriġinali u kemm intefqu flus s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-Mużew ta’ Għawdex jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex. Heritage Malta qed tikkontribwixxi bl-esperjenza u l-kompetenza tagħha fir-rigward tal-aspett mużewoloġiku tal-proġett.

Proġett tal-Palazz tal-Belt — Nefqa

Question

Fid-dawl li l-Ministru qal pubblikament diversi drabi li l-proġett tal-Palazz tal-Belt sewa €40 miljun, jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-kuntratti u l-valur tagħhom, u jekk kull wieħed minn dawn sarx b’tender jew direct order? Jista’ jgħid ukoll kemm hi l-figura eżatta tal-flus li ntefqu fuq dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li n-nefqa totali tammonta għal €40,439,674.30. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

CT3004/2025 — TENDER FOR THE REHABILITATION OF VALLEYS ACROSS GOZO

Question

B’referenza għas-sejħa ‘CT3004/2025 - TENDER FOR THE REHABILITATION OF VALLEYS ACROSS GOZO’, jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li toħroġ is-sejħa għall-Project Management and Technical Supervisory Services dwar din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sejħa għall-offerti ġiet ippubblikata nhar id-19 ta’ Ġunju 2024.

In-Nadur — Triq Daħlet Qorrot - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15900 li ngħatat fis-26 ta’ Frar 2024, rigward liema xogħol jonqos fi Triq Daħlet Qorrot fin-Nadur biex ix-xogħol ikun lest kollu, fejn kien ġie mwieġeb li ‘x-xogħol li għad jonqos fi Triq Daħlet Qorrot hu li tingħata l-wearing course. It-tieni kisja mistennija tingħata aktar tard din is-sena’, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tieni kisja (wearing course) ingħatatx u jekk le, għaliex ma ngħatatx? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub (xahar u sena) li jkun lest dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-tieni kisja mistennija ssir wara x-xhur tas-sajf.

In-Nadur — Bajja ta’ Daħlet Qorrot - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6388, 7411, 8728, 16198 u 24142 dwar il-parti tat-triq ta’ ħdejn il-Bajja ta’ Daħlet Qorrot, fin-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, peress li din baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna u peress li kien ġie mwieġeb li “Il-parti msemmija mill-Onor. Interpellant issir ukoll fiż-żmien opportun”, u “li idealment ma jkunx waqt il-perjodu li l-bajja tkun qed tintuża l-aktar mill-pubbliku”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq din il-parti tat-triq bediex u jekk le, huwiex se jibda u jitlesta qabel jibda s-sajf 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ser issir wara l-staġun tas-Sajf.

Għawdex — Ġbir ta’ alka mill-bajjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ alka nġabret, mil-liema bajjiet ġewwa Għawdex inġabret, minn min sar ix-xogħol ta’ ġbir tal-alka, jekk sarx bl-idejn jew inkella b’makkinarju apposta u fejn twaddbet l-alka wara li nġabret mill-bajjiet, mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li tinġabar l-alka mill-bajjiet ta’ Daħlet Qorrot u ta’ San Blas fin-Nadur, Għawdex u li tibqa’ tinġabar l-alka minnhom kull meta jkun hemm bżonn matul ix-xhur tas-sajf?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġbir tal-alka mill-bajjiet ta’ Daħlet Qorrot u San Blas, huwa ppjanat li jsir fil-bidu ta’ Lulju. Min-naħa l-oħra, id-Direttorat tal-Indafa Pubblika u l-Manutenzjoni ma jżommx informazzjoni dwar kemm kien l-ammont ta’ alka li nġabret fl-aħħar snin.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur — Danni morali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28790 u jgħid kemm saru talbiet lit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur għal danni morali a tenur tal-artikolu 21 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 mill-bidu tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk saru, kemm minnhom ġew milqugħa u f’kull każ kemm kien l-ammont ta’ danni morali? Kemm attwalment hemm arbitri li jippresiedu t-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur u f’kull każ meta tiġi fit-tmiem il-ħatra ta’ kull arbitru? Jista’ jgħid ukoll kemm attwalment hemm kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur (Għawdex)?

Response (ABELA, ROBERT)

(i) Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tat-2024 sas-6 ta’ Ġunju 2025 kien hemm ħdax-il talba għal danni morali a tenur tal-artikolu 21 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Minn dawn il-ħdax (11), ħamsa (5) ġew milqugħa, wieħed (1) ma ġiex milqugħ, filwaqt li l-ħames każijiet l-oħra għadhom pendenti. (ii) It-tabella t’hawn taħt tagħti d-dettalji kollha, inkluż l-ammonti mitluba, mogħtija jew rifjutati. Nru. Talba għal Danni Morali Danni Morali mogħtija 1 €5,000 €500 2 €500 €40 3 €368 €200 4 €500 Każ pendenti 5 Ammont mhux speċifikat fit-talba €150 6 Ammont mhux speċifikat fit-talba Każ pendenti 7 €500 0 8 Ammont mhux speċifikat fit-talba Każ pendenti 9 €150-€300 €100 10 €500 Każ pendenti 11 Ammont mhux speċifikat fit-talba Każ pendenti (iii) In-numru ta’ arbitri li jippresjedu t-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur huma sitta (6), bid-dettalji mitluba mogħtija fit-tabella t’hawn taħt. Nru. Arbitru Tmiem tal-Ħatra 1 Dr. Richard Sladden 22 ta’ Jannar 2026 2 Dr. Martha Mifsud 16 ta’ Ġunju 2026 3 Dr. Michela Spiteri 10 ta’ Mejju 2026 4 Dr. Mattia Felice 6 ta’ Settembru 2027 5 Dr. Charmaine Cherret 11 ta’ Diċembru 2025 6 Dr. Deborah Schembri 11 ta’ Diċembru 2025 (iv) In-numru ta’ kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur (Għawdex) jammonta għal 27 każ.

Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27203 u 28081 fl-intier tagħhom u jgħid: i. Fiex kienu jikkonsistu l-interventi meħtieġa sabiex Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni tkun tista’tkompli tintuża? ii. Minn min saru dawn l-interventi? iii. Min kienu l-persuni tekniċi inkarigati minn dawn ix-xogħlijiet min-naħa tal-Ministeru? iv. Kemm ġew jiswew? Jista’ jgħid ukoll jekk fil-preżent hemmx periklu għall-persuni u għall-vetturi li jgħaddu minn din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. li x-xogħol ser issir fix-xahar ta’ Lulju.

Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo — Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar il-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo? Jista’ jgħid meta nbeda dan il-proġett, x’sar sa issa, x’fadal isir u meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jitlesta dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Għawdex — Road Police Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-‘Road Police Unit’ li ġiet imwaqqfa reċentement hijiex tiffunzjona u taħdem ukoll fil-gżira ta’ Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-għan aħħari tat-twaqqif tar-Roads Policing Unit, partikolarment l-Investigations Section fi ħdanu, kien sabiex ikun iċċentralizzat tali servizz u jkun hemm konsistenza bejn id-distretti differenti. Sa qabel it-twaqqif ta’ dan il-Unit, inċidenti tat-traffiku fatali u serji kienu jiġu investigati mid-distretti rispettivi. Ġaladarba Għawdex huwa distrett wieħed, dan ifisser li f’Għawdex dan is-servizz ilu s-snin iċċentralizzat u dan peress li tali investigazzjonijiet tal-Pulizija isiru dejjem mill-uffiċjali stazzjonati ġewwa l-Għassa tar-Rabat, Għawdex. Fi kwalunkwe każ, dan huwa Korp tal-Pulizija wieħed u r-Roads Policing Unit tassisti lill-Pulizija ta’ Għawdex f’każ li jkun meħtieġ, l-aktar f’inċidenti tat-traffiku fatali.

Ta’ Sannat — Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29003, dwar meta ser jitkomplew ix-xogħlijiet fi Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri, f’Ta’ Sannat, fejn ġie imwieġeb ‘li x-xogħlijiet bdew fix-xahar ta’ Settembru 2024 u waqfu għal xi żmien sakemm ġew stabbiliti l-livelli tat-triq’, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-livelli ma ġewx stabbiliti qabel ħarġet is-sejħa biex isiru x-xogħlijiet u qabel ma saru x-xogħlijiet tad-drenaġġ u tal-ilma f’dawn l-imsemmija toroq? Minn min ġew stabbiliti issa l-livelli ta’ dawn it-toroq? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħlijiet humiex ser jitkomplew fil-ġranet li ġejjin peress li ntqal li ‘il-livelli ġew stabbiliti?’

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Marsalforn — Ġnien Tliet Għoljiet - Playing field

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23827 fejn ġie mwieġeb “li s-sejħa għall-offerti qed tiġi ivettjata u se tkun pubblikata fil-bidu tas-sena 2025”, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sejħa ġietx ippubblikata fil-bidu tas-sena 2025 u jekk ix-xogħol inbediex fuq il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet, f’Marsalforn, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk hijiex f’kundizzjoni tajba biex tintuża fil-preżent u jekk sarx awditjar ta’ din il-playing field? Jekk iva, jista’ r-rapport relattiv jiġi ppubblikat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti biex jiġi rinovat il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet f’Marsalforn waslet fl-aħħar stadji, u se tkun ippubblikata fil-jiem li ġejjin.

Refuse Collection Vehicles

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29085, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm jaħdmu fil-preżent u f’dawn l-aħħar xhur, ‘REFUSE COLLECTION VEHICLES’ fi ħdan il-Ministeru tiegħu u jekk kienx hemm minnhom mikrijin mingħand il-privat? Jekk iva, kemm ilhom jinkrew u kif kienu qed jinkrew, u meta u fejn ħarġet is-sejħa biex jinkrew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għandu tliet Refuse Collection Vehicles għad-diżpożizzjoni tiegħu. Tnejn minnhom huma tal-Ministeru u wieħed minnhom huwa mikri mingħand il-privat. Dan ġie mikri mingħand il-privat bejn Mejju u Diċembru 2024 u bejn Frar 2025 sal-lum. Ninforma wkoll li fis-sajf tal-2024 inħarġet sejħa pubblika għax-xiri ta’ żewġ refuse collection vehicles għall-użu tal-Ministeru però l-uniku offerent ma kienx technically compliant. Ninsab infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin, ser terġa’ toħroġ din is-sejħa għall-offerti.

Direct Order LA_233-2024 Preparations of the Upcoming Gozo Fast Ferry Tender

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order LA_233-2024 Preparations of the Upcoming Gozo Fast Ferry Tender, u għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar u sena hu maħsub li toħroġ is-sejħa għas-servizz tal-Fast Ferry bejn Għawdex u Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi inħasset il-ħtieġa li l-Ministeru jiġi provdut b’servizzi professjonali b’konnessjoni mat-tħejjija tat-tender tal-Gozo Fast Ferry. L-għan kien li l-Ministeru jingħata assistenza biex tinġabar u tiġi analizzata informazzjoni finanzjarja, jiġu identifikati lakuni u oqsma fejn jista’ jitjieb is-servizz, u b’hekk issir reviżjoni tal-operat. Is-sejħa għas-servizz mistennija li toħroġ fix-xhur li ġejjin.

In-Nadur — Triq San Blas - Xogħlijiet

Question

B’referenza għas-sejħa li nħarġet biex Triq San Blas fin-Nadur issir mill-ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq San Blas hux ser issir kollha kemm hi? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan ta’ fejn ser isiru x-xogħlijiet f’din l-istess triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Il-Fontana — Triq Santa Dminka - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29091 dwar xogħlijiet f’parti minn Triq Santa Dminka fil-Fontana, tista’ l-Ministru tgħid għaliex intqal li ‘ix-xogħlijiet ta’ konnessjonijiet ta’ servizzi kemm tal-ilma kif ukoll tad-drenaġġ tad-djar u tibdil ta’ mejnijiet tal-ilma għal dawk ġodda’, li suppost isiru mill-kuntrattur li kien imqabbad mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li kien qed jagħmel ix-xogħol fit-triq sar mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)? Tista’ tgħid ukoll x’kien ix-xogħol li għamel il-kuntrattur għal WSC f’din it-triq u kemm hu maħsub li ser jitħallas għal dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur għamel xogħol ta’ skavar u tqegħid tal-mejnijiet tal-ilma u drenaġġ, waqt li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienu qed jassistuh biex jinbidlu s-servizzi għad-djar kif ukoll xi xogħol fuq il-mejnijiet. Il-kuntrattur se jitħallas tax-xogħlijiet li għamel hu.

Għawdex — Dipartiment tal-Edukazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29087 u jgħid fejn ġew stazzjonati l-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni f’Għawdex li qabel kienu jaħdmu mill-uffiċċju fi Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kif u għaliex intgħażel dan il-post?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-ħaddiema kollha li jiffurmaw parti mill-Kulleġġ t’Għawdex matul is-sena skolastika 2024-2025 kienu qegħdin joperaw mit-tielet sular tas-Science Wing fi Triq l-Ewropa stess, liema wing tifforma parti mill-iskola M.A. Refalo. L-għażla tal-post imsemmi saret sabiex l-Uffiċju tal-Prinċipal jibqa’ f’post ċentrali għall-pubbliku ġenerali kif ukoll fil-qalba tal-kumpless edukattiv li jinsab fiż-żona.