Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Ħaddiema Għawdxin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li jaħdmu f’Malta? Jista’ jgħid ukoll:
i. xi gradi huma dawn il-ħaddiema Għawdxin;
ii. f’liema sezzjoni jaħdmu u fejn;
iii. x’tip ta’ xogħol jagħmlu; u
iv. kemm-il sena ilhom jaħdmu mal-Ministeru tiegħu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta, fil-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa ta’ 435.
Awtoritajiet pubbliċi — Skwalifika ta’ membri ta’ bord
Question
Jista’ l-Prim Ministru jqis li fir-rigward ta’ skwalifika ta’ membru ta’ bord ta’ xi awtorità pubblika, in-normi pertinenti fil-liġi fejn membru jista’ jitneħħa minħabba li jinstab ħati ta’ reat kriminali jkunu uniformi, dan tenut kont tal-fatt li r-reati elenkati jvarjaw skont il-liġi li toħloq l-awtorità kkonċernata bħal pereżempju fl-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap 545 membru tal-Bord tar-regolatur jista’ jitneħħa jekk jinstab ħati ta’ imġieba ħażina taħt xi liġi (Art. 3(11) tal-Kap 545) waqt li skont l-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap 510 membru tal-Bord tal-Gvernaturi jista’ jitneħħa limitatament biss ċertu reati (Art 9(5)(a)(v) tal-Kap. 510)?
Response (ABELA, ROBERT)
Il-membri tal-bordijiet fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika huma rregolati mill-Kodiċi tal-Etika għal Impjegati Pubbliċi u Membri ta’ Bordijiet hekk kif stabbilit fl-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap 595). Nuqqas ta’ osservanza tal-Kodiċi, inkluż meta persuna taġixxi b’nuqqas ta’ integrità jew b’imġiba ħażina, iwasslu għat-terminazzjoni tal-ħatra tal-persuna responsabbli. Il-Gvern mhuwiex kontra l-prinċipju tal-uniformità fil-liġijiet li jirregolaw il-ħatriet f’bordijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi. Fl-istess waqt, wieħed jifhem ukoll il-motivazzjonijiet tal-leġiżlatur meta jinkludi raġunijiet speċifiċi li fuq bażi tagħhom persuna jista’ jkollha l-ħatra tagħha fuq bord ta’ awtorità pubblika tterminata.
Fir-rigward ta’ kull entità pubblika (irrispettivament tal-mod kif deskritta) li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, jista’ l-Ministru jelenka sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u skont l-entità kkonċernata:
(i) kemm hemm avukati full-time u/jew part-time, impjegati mal-entità kkonċernata u f’kull każ jgħid x’inhu l-grad tagħhom; u
(ii) kemm hemm attwalment avukati jew ditti tal-avukati li mhux impjegati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer, u f’kull każ jgħid liema huma d-ditti tal-avukati jew l-avukat konċernat?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm tlett entitajiet taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi li jħaddmu magħhom żewġ avukati, filwaqt li hemm tlett ditti legali li ġew ingaġġati fuq bażi ta’ retainer.
Fir-rigward ta’ kull entità pubblika (irrispettivament tal-mod kif deskritta) li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, jista’ l-Ministru jelenka sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u skont l-entità kkonċernata:
(i) kemm hemm avukati full-time u/jew part-time, impjegati mal-entità kkonċernata u f’kull każ jgħid x’inhu l-grad tagħhom; u
(ii) kemm hemm attwalment avukati jew ditti tal-avukati li mhux impjegati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer, u f’kull każ jgħid liema huma d-ditti tal-avukati jew l-avukat konċernat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-entitajiet li jaqħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi jħaddmu magħhom 34 l-avukat, filwaqt li hemm 6 Avukati u 11-il kumpanija li ġew ingaġġati fuq bażi ta’ retainer.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tat-toroq li ser isiru f’Għawdex sal-aħħar tas-sena 2025, maqsuma raħal b’raħal u jindika x’tip ta’ xogħol ser ikun qed isir f’kull triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-toroq se jsiru skont il-prijoritajiet li jfassal il-Ministeru.
Polyclinics tal-Gvern u l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta’ pazjenti li utilizzaw il-polyclinics tal-Gvern u l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minn Jannar sa Diċembru tas-sena 2013 u kemm kien in-numru ta’ pazjenti li utilizzaw il-polyclinics tal-Gvern u l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minn Jannar sa Diċembru 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-2024, kien hemm 1,309,300 pazjent utilizzaw iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Gvern. Għar-rigward tal-attendenza fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28107.
Imprendituri ta’ nazzjonalità Maltija — Taxxa fuq il-qligħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija stmata t-taxxa fuq il-qligħ li tħallset minn imprendituri ta’ nazzjonalità Maltija fis-sena 2013 u kemm kien l-istess ammont fis-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hija stmata t-taxxa fuq il-qligħ li tħallset minn imprendituri ta' nazzjonalità barranija fis-sena 2013 u kemm kien l-istess ammont fis-sena 2024?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill Onor. Interpellant illi l-MTCA m’għandhomx l-informazzjoni hekk kif mitluba fil mistoqsija, peress li l-MTCA żżomm biss records ta’ ċifri globali ta’ l-ammonti ta’ taxxa miġbura, u ma żżommx records ta’ taxxa maqsumin skont il-kategoriji mitluba.
Għaldaqstant din il-mistoqsija ma tistax tiġi mwieġba.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29094 u jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet kollha li saru fl-islipway tad-Dwejra, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-irwol tal-Ministeru tiegħu f’dawn ix-xogħlijiet li saru u kemm ġew jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni minn Infrastructure Malta, fejn irriżulta li kien hemm planka tal-konkos li kellha bżonn tinbidel. Il-kont finali għad irid jiġi ffinalizzat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29284, dwar kemm hemm jaħdmu fil-preżent u f’dawn l-aħħar xhur, ‘REFUSE COLLECTION VEHICLES’ fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u jekk kienx hemm minnhom mikrijin mingħand il-privat, fejn ġie mwieġeb li ‘wieħed minnhom huwa mikri mingħand il-privat. Dan ġie mikri mingħand il-privat bejn Mejju u Diċembru 2024 u bejn Frar 2025 sal-lum’, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kif kien qed jinkera u meta u fejn ħarġu s-sejħiet biex jinkera dan ir-Refuse Collection Vehicle? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jitħallas fix-xahar, minn min jinstaq u kemm qed jitħaddem kuljum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Gwardjani privati u uffiċjali tal-komunità reġistrati — Residenti Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn gwardjani privati u uffiċjali tal-komunità reġistrati fil-preżent, li huma residenti f’Għawdex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fil-preżent ġewwa Għawdex hemm illiċenzjati tmien mija u disgħa u sittin (869) gwardjan privat u sebgħa (7) uffiċjali tal-komunità, li huma residenti hemmhekk.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29095 dwar xogħlijiet li ser isiru fuq it-triq li minn quddiem il-junction li tieħdok għall-Fontana, twasslek sat-tarf ta’ Triq Sir Arturo Mercieca, kantuniera ma’ Triq il-Vajringa, jista’ l-Ministru jgħid ukoll:
i. liema huma dawk is-servizzi li ser jinbidlu u jsiru mill-ġdid;
ii. kemm fiha tul din il-parti tat-triq li ser issir; u
iii. kemm huma stmati li ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser isiru/jew saru dawn is-servizzi:
a. Sistema tad-dranaġġ ġdida
b. 2 mains tal-ilma
c. storm water culvert
d. cable tal-elettriku.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29273, rigward is-sejħa li nħarġet biex Triq il-Qala (bejn in-Nadur u l-Qala) issir mill-ġdid, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid jekk humiex ser isiru bankini fuq iż-żewġ naħat ta’ din it-triq fejn jispiċċa l-bini?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din il-parti tat-triq se jsiru hard shoulders li se jkunu jippermettu l-wisa tat-triq. Dan il-proċess se jsir peress li t-triq hija dejqa. Madankollu f’dan il-każ mhux se ssir espropjazzjoni. Fit-tender hemm il-pjanti tal-partijiet tat-triq sezzjoni, sezzjoni.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25764, dwar il-manutenzjoni tal-playing field (inkluż il-ġnien) fi Triq Ta’ Ġokk fix-Xewkija, Għawdex li taqa' taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill Lokali, fejn ġie mwieġeb li 'huwa pjanat li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinnovar tas-sit imsemmi jitlesta sa’ Frar 2026 u s-sejħiet għall-offerti għax-xogħlijiet relatati jinsabu fi stadju avvanzat.', peress li din il-playing field u open space jinsabu fi stat ħażin għal min jiffrekwentahom, jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jinbeda x-xogħol u jiġi rranġat u ssir il-manutenzjoni meħtieġa? Jista’ jgħid ukoll jekk preżentement din il-playing field hijiex safe u jekk hijiex iċċertifikata li hija safe? Jista’ jgħid ukoll jekk tħejjewx is-sejħiet għal offerti u jekk ġewx ippubblikati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li x-xogħol ta’ manutenzjoni u rinnovar huwa ppjanat li jibda fil-bidu tas-sena 2026. Kif diġà indikat, il-proċess għat-tħejjija tas-sejħa għall-offerti jinsab fi stadju avvanzat u bħalissa qed jitħejjew il-BoQs.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta’ persuni f’impjieg fl-aħħar ta’ Diċembru 2013 u jaqsam l-informazzjoni: f’dawk li kienu jaħdmu mal-Gvern; dawk li kienu ma’ entitajiet fejn il-Gvern għandu ishma; dawk li jaħdmu mal-privat u dawk li kienu self-employed? Jista’ jagħti l-istess figuri kif kienu fl-aħħar tas-sena 2024?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il twelid sar permezz ta’ operazzjoni ċesarja f’pajjiżna matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bejn l-2017 u l-2024 kien hemm 35,712 twelid li minnhom, 11,967 saru permezz ta’ operazzjoni ċesarja. L-operazzjonijiet ċesarji kienu mqassmin hekk: fl-2017 saru 1,408; fl-2018 saru 1,482; fl-2019 saru 1,423; fl-2020 saru 1,460; fl-2021 saru 1,517; fl-2022 saru 1,478; fl-2023 saru 1,636; u fl-2024 saru 1,563.
Ta’ Sannat — Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29282 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29003, dwar meta ser jitkomplew ix-xogħlijiet fi Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri, f’Ta’ Sannat, fejn ġie mwieġeb li ‘x-xogħlijiet bdew fix-xahar ta’ Settembru 2024 u waqfu għal xi żmien sakemm ġew stabbiliti l-livelli tat-triq’, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-livelli ma ġewx stabbiliti qabel ħarġet is-sejħa biex isiru x-xogħlijiet u qabel ma saru x-xogħlijiet tad-drenaġġ u tal-ilma f’dawn it-toroq? Minn min ġew stabbiliti issa l-livelli ta’ dawn it-toroq? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħlijiet humiex ser jitkomplew fil-ġranet li ġejjin peress li ntqal li ‘l-livelli ġew stabbiliti’?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li x-xogħlijiet mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta’ nisa ta’ ċittadinanza Maltija li kienu f’impjieg fi tmiem is-sena 2013? Jista’ jgħid ukoll kemm hu t-total ta’ nisa ta’ ċittadinanza Maltija li huma f’impjieg fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni ta’ Jobsplus, in-numru ta’ nisa ta’ ċittadinanza Maltija li kienu f’impjieg fl-aħħar ta’ Diċembru 2013 kien ta’ 66,414, filwaqt li fl-aħħar ta’ Jannar 2025 in-numru ta’ nisa fl-impjieg kien ta` 89,841.
L-aħħar ċifri tal-impjieg ippubblikati huma ta’ Jannar 2025.
Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo — Proġett
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29280 u jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo? Jista’ jgħid meta nbeda dan il-proġett, x’sar s’issa, x’fadal isir u meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jitlesta dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Ċittadini Maltin – Żgħażagħ bejn is-16 u t-30 sena
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta’ ċittadini żgħażagħ Maltin bejn is-16 u t-30 sena, fl-aħħar ta’ Diċembru 2013? Jista’ jgħid ukoll x’inhu t-total ta’ ċittadini żgħażagħ Maltin bejn is-16 u t-30 sena, f’Ġunju 2025?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Diċembru tal-2013, kien hemm total ta’ 79,560 żagħżugħ u żagħżugħa Maltin bejn l-etajiet ta’ 16 u 30 sena.
Għaxar snin wara, f’Diċembru tal-2023, kien hemm total ta’ 64,469 żagħżugħ u żagħżugħa Maltin bejn l-etajiet ta’ 16 u 30 sena.
Iċ-ċifra korrispondenti għal Diċembru 2024 ser tiġi ppubblikata fl-10 ta’ Lulju 2025.
Jista’ l-Ministru jgħid x’bajjiet f’Għawdex hemm ippjanati li jsirilhom is-sand renourishment qabel jibda s-sajf 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx ippjanti li jsir sand renourishment qabel is-sajf 2025, imma ma neskludix li jsir sand renourishment fil-futur.