Tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-raġuni prinċipali għaliex inbidel il-post fejn kien ippjanat li se jsir il-Qorti l-ġdid ta' Għawdex minn Pjazza Assedju ta' Għawdex fir-Rabat għal sit qrib iż-Żona Industrijali tax-Xewkija? Tista' tgħid jekk meta ġie magħżul is-sit oriġinali tar-Rabat u qabel ma kien sar l-ebda studju ġeo-tekniku tas-sit fejn kellu jinbena dan il-Qorti kenux saru d-disinni, il-pjanti, il-bdil fil-Pjan Lokali, applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar, ħruġ ta' tenders u ħafna xogħol ieħor? Ma taħsibx li dan ifisser nefqa ta' flus pubbliċi bla pjan?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispjegazzjonijiet ingħataw waqt it-tendija tal-konsultazzjoni pubblika li għaliha kienu mistednin l-Avvukati prattikati kollha f’Għawdex – kopja ta’ din il-preżentazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:New Law Courts - Proposed Relocation - Stakeholders.pdf
Proġett tat-twettiq tal-Master Plan taċ-Ċittadella
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1797 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid b'kollox kemm sewa l-proġett tat-twettiq tal-Master Plan taċ-Ċittadella? Tista’ tagħti lista fiex intefaq dan l-ammont? Kemm tħallas kull kuntrattur li ħadem fuq dan il-proġett u f'kull każ ix-xogħol ingħata b'direct order, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'tender?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-Proġett għall-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Masterplan taċ-Ċittadella sewa €14,873,403 inkluża l-VAT. Minn dan l-ammont €12,167,295 kienu ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Ta’ min ifakkar li kien hemm skoperti arkeoloġiċi kbar li biddlu partijiet sostanzjali mill-proġett oriġinali u li taw dimensjoni akbar lil dan il-proġett. L-informazzjoni dwar il-ħlasijiet li saru tinsab fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1796 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru jgħid sal-aħħar ta’ Frar 2013, kemm kien hemm nies impjegati mas-Settur Pubbliku (inklużi intrapriżi pubbliċi)? Kemm minn dawn kienu impjegati full-time? Kemm minn dawn kienu impjegati fuq bażi part-time? Kemm minn dawn kienu impjegati f’position of trust? U kemm minn dawn kienu impjegati b’kuntratt definit?
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – direct orders għal xogħol, materjal jew servizzi f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal xogħol, materjal jew servizzi f'Għawdex minn Marzu 2013 sal-aħħar ta' Ottubru 2017? Għal kull każ, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta' dawn id-direct orders, lil min ingħata u f’liema lokalità f'Għawdex sar ix-xogħol u mil-liema kuntrattur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Ottubru 2017 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Senior Tradesmen ingaġġati mal-Ministeru għal Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati Senior Tradesmen mal-Ministeru għal Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid f'kull każ meta nħarġet is-sejħa u tpoġġi kopja ta' kull sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra? Xi kwalifiki u/jew esperjenza ried ikollhom l-applikanti? X'etajiet għandhom dawk li ġew magħżula u f'kull każ dawk li kienu jirreġistraw għax-xogħol, kemm kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol? Tista' tikkonferma jekk dawk li ġew ingaġġati llum il-ġurnata, hux qed jagħmlu x-xogħol li għalih ġew ingaġġati jew ġewx mogħtija xogħol ieħor u jekk iva, x’inhu dan ix-xogħol l-ieħor?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fis-7 ta’ Novembru 2017 fil-Biblijoteka Nazzjonali saritx attività politika jew attività mtella’ minn partit politiku jew xi fergħa tiegħu? Xi kriterji tuża l-Biblijoteka Nazzjonali biex tilqa’ talbiet għall-attivitajiet ta’ terzi? X’inhu l-ħlas li jkun dovut lejn l-entità Libreriji Maltin meta jintlaqgħu dawn it-talbiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nikkonferma illi fis-7 ta' Novembru 2017 ġiet imtella' attività relatata mas-70 anniversarju mill-vot lill-mara. Din ma kenitx attività politika għalkemm ġiet imtella' minn fergħa ta' partit politiku. Il-Bibljoteka Nazzjonali tilqa' kull talba u d-deċiżjoni, b'ċerti kundizzjonijiet stabbiliti, inkluż ħlas, tittieħed, mingħajr diskriminazzjoni, fuq il-mertu tat-talba relattiva.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-subway li hemm f’Tal Qroqq u li tintuża minn mijiet ta’ studenti ta’ kuljum hija bla dawl u billejl hija perikoluża ħafna? Jista’ jgħid għaliex din is-subway ħafna drabi tkun maħmuġa tant li ħafna studenti jippreferu jaqsmu t-triq minn fost il-karozzi b’periklu kbir għalihom, milli jużawha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dawl li hemm bħalissa fl-Iskate Park inxtegħel u huwa adegwat. L-Awtorita’ Transport Malta ser tkun qed iżżid l-illuminazzjoni fl-inħawi kollha ħalli tissaħħaħ is-sigurta’.
Rigward it-tindif, l-informazzjoni meħtieġa għandha tintalab mill-Ministru ikkonċernat.
Ministeru għall-Edukazzjoni – ingaġġ ta’ motor drivers
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati motor drivers fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, sena b' sena mill-2013 sal-lum? Kemm minn dawn kienu minn Għawdex u kemm minnhom kienu minn Malta? Kemm minnhom ġew stazzjonati f'Għawdex? Xi kwalifiki kienu meħtieġa biex wieħed japplika għal dawn il-postijiet? Kemm minn dawk li ntgħażlu llum qed jagħmlu xogħol differenti minn dak li ġew ingaġġati għalih originarjament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 sal-lum il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ma ingaġġax impjegati fil-grad ta’ motor drivers.
Ir-Rabat (Għawdex) – Triq l-Arċisqof Pietru Pace — xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid, issa li qed issir trinka ġdida għad-drenaġġ fi Triq l-Arċisqof Pietru Pace, fir-Rabat, Għawdex, jekk kif għaddej dan ix-xogħol, hux se ssir storm water culvert f'din it-triq, peress li f’din it-triq jgħaddi u jżomm ħafna ilma? Tista’ tgħid ukoll jekk hux se jinbidlu l-bankini ta’ din it-triq li jinsabu fi stat ħażin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li dan ix-xogħol huwa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u qed isir permezz ta’ tender maħruġ mill-Enemalta. Waqt ix-xogħol ħareġ il-fatt li kellhom jinbidlu s-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ tal-ħamsa u sittin (65) propjetà li jinsabu bejn wara l-Knisja ta’ San Franġisk u l-Bishop Conservatory Secondary School, u l-Ministeru għal Għawdex ħass li r-residenti ta’ din it-triq għandu jkollhom dawn is-servizzi l-ġodda u fil-fatt l-ispiża tagħhom ser titħallas mill-Ministeru għal Għawdex. Il-Ministeru ser ikopri wkoll l-ispejjeż għall-kisja tat-tarmac li ser tingħata u b’hekk fl-istess ħin jitranġaw il-livelli tat-triq.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2118 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża totali li għamel il-Ministeru għal Għawdex biex jippjana l-bini ta' Qorti ġdid inkluż fi pjanti, permessi, testijiet, ħruġ ta' tenders eċċ fl-aħħar ħames snin? Tista’ tgħid kif kienet maqsuma din l-ispiża u f'kull każ tista’ tgħid ukoll jekk min tħallas, ingħatax ix-xogħol b'direct order, wara tender jew wara ġbir ta' kwotazzjonijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għajnsielem – Dar San Ġużepp – ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kurja ta’ Għawdex
Question
B'referenza għar-risposta tagħha għall-mistoqsija parlamentari 2119, tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kurja ta' Għawdex dwar l-użu ta' Dar San Ġużepp f'Għajnsielem huwa ta' natura kummerċjali sensittiva meta dan jinvolvi flus pubbliċi u dan il-ftehim sar dirett u mingħajr l-ebda sejħa pubblika? Ma taħsibx li dan il-ftehim għandu jiġi ppubblikat biex ikun hemm trasparenza assoluta?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ntenni mar-risposta li diġà tajt li r-rapport huwa ta’ natura kummerċjali u għaldaqstant ma jistax jiġi ppublikat.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1843 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid kemm intużaw metri kubi ta' konkos (ready mix) xahar b' xahar mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-31 ta' Lulju 2017? Tista' tgħid minn min saret it-talba għar-ready mix (konkos) u f'kull każ fejn intuża' (raħal/belt, triq u dettalji oħra)? Min kien il-perit jew persuna/i inkarigat għal kull waħda minn dawn ix-xogħlijiet u f'kull każ min kien li ċċertifika l-kwalità tar-ready mix (konkos) u f’liema laboratorju saru t-testijiet biex ikun assigurat il-kwalità tal-konkos li ntuża?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1795 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw contracts for service mill-Ministeru inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn Marzu 2013 sal-lum, sena b’sena? Tista’ tagħti wkoll dettalji dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull kuntratt, is-servizzi li ngħataw, kif ukoll il-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra fir-rigward ta’ kull tali kuntratt?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ix-Xagħra – Park tal-Familja fil-Qortin — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Park tal-Familja fil-Qortin fix-Xagħra, Għawdex fejn qabel kien hemm il-miżbla u li din ġiet magħluqa u rijabilitata? Jista' jgħid meta hu maħsub li dan il-park ikun aċċessibbli għall-familji Għawdxin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li Wasteserv qegħda fil-proċess li tiffinalizza il-proposta għad-disinn sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni lil Awtorita’ tal-Ippjanar. Minħabba li dan is-sit kien jintuża bħala miżbla, kienet saret sistema ta’ pajpijiet u bjar fejn jinħażnu gassijiet li jiġu iġġenerati mill-miżbla li minn żmien għal żmien jiġi maħruq. Din is-sistema kienet saret bħala parti mir-rijabilitazzjoni.
Minħabba possibilta’ ta’ periklu ta’ xi splużjoni minn dan il-proċess tal-gass, Wasteserv ikkummissjonat studju “ATEX assessment” sabiex jevalwa riskji ta’ dawk iż-żoni fejn hemm possibilta’ ta’ splużjoni u biex jitħejjew miżuri biex inaqqsu dan ir-riskju. Dan l-istudju tlesta u ir-rapport qiegħed jiġi iffinalizzat mill-konsulenti. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni fid-disinji finali li għandhom jiġu sottomessi lill-Awtorita’ tal-Ippjanar aktar tard din is-sena.
Sadanittant qed jiġi ippreparat ukoll id-dokument għas-sejħa għal-offerti sabiex isiru ix-xogħolijiet meħtieġa.
Wasteserv qed timmira li għall-aħħar tal-2018 dan is-sit ikun miftuħ għall-pubbliku.
Ir-Rabat (Għawdex) – Triq Għajn Qattet — xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għadu ma bediex ix-xogħol fuq parti minn Triq Għajn Qattet fir-Rabat, Għawdex u fuq Triq Ġorġ fix-Xagħra, Għawdex minkejja l-istat ħażin ħafna tagħhom u dan minkejja wkoll li kienu nħarġu t-tenders fit-28 ta' April 2017 u għalqu fit-30 ta' Mejju 2017, biex isir dan ix-xogħol? X’inhi r-raġuni għaliex dawn it-tenders għadhom ma ġewx awarded u meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq dawn it-toroq?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex lesta l-eżerċizzju opportun u qed jistenna biex issir il-publikazzjoni mid-DOC (Dipartiment tal-Kuntratti)
Ix-Xewkija (Għawdex) – Triq il-Madonna tar-Rummiena – bini ta’ micro enterprise park
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadx għandu l-pjan li jibni micro enterprise park fuq is-sit li jiġi fi Triq il-Madonna tar-Rummiena fix-Xewkija, Għawdex (ħdejn il-kumpless Gozitano)? Jekk iva, f’liema stadju wasal ix-xogħol? Ġew maħruġa t-tenders għal dan ix-xogħol? Meta hu maħsub li jibda x-xogħol fiżiku?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li x-xogħolijiet tal-Microenterprise hub fix-Xewkija, Għawdex għandhom jibdew fi zmien tlett xhur mid-data tal-ħruġ tal-permess ta’ żvilupp..
Kumpanija tal-Avjazzjoni – memorandum of understanding
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett li se jqum €30 miljun imħabbar mill-Gvern f'Marzu 2017, liema proġett għandu jsir mill-kumpanija tal-avjazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u dwaru kien ġie iffirmat Memorandum of Understanding mal-Malta Industrial Parks u l-Malta Enterprise? Jista' jgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali fuq dan il-proġett bediex u jekk le x’inhi r-raġuni li għadu ma bediex? Meta hu maħsub li jitlesta dan il-proġett u fiex se jkun jikkonsisti?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġett jinkonsisti fil-kostruzzjoni u tagħmir ta’ sitt bay hangen li jiflaħ jilqa ġo fih ajruplani ta’ ċertu kobor.
Is-sit għal dan il-proġett ġie identifikat u x-xogħol infrastrutturali jibdew meta il-permessi neċessarji kollha jkunu ħarġu.
Minħabba li s-sit huwa fl-ajruport, isir studju speċjali biex jiġi żgurat is-
security
kemm tal-ajruport u kemm tal-
main runway.
Ministry for Gozo Non-Governmental Organisation Assistance Scheme 2017 – għaqdiet volontarji li applikaw
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma s-16-il għaqda volontarja f’Għawdex, li applikaw b’suċċess għall-ewwel edizzjoni tal-Ministry for Gozo Non-Governmental Organisation Assistance Scheme 2017? Kemm ingħatat kull għaqda u għal liema proġetti jew inizjattivi ngħataw il-flus? Liema kienu l-għaqdiet li applikaw u ma ngħatawx għajnuna?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni mitluba hija elenkata fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ksur tal-Artikoli 337B sa 337Ħ (Użu mhux kif dovut tal-computer) tal-Kodiċi Kriminali – każijiet imressqa quddiem il-Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, kemm-il każ tressaq mill-Pulizija quddiem il-Qrati fir-rigward ta’ allegat ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-artikoli 337B sa 337Ħ (Fuq l-użu mhux kif dovut tal-computer) tal-Kodiċi Kriminali mill-2001 sal-lum? Jista’ jagħti din l-istatistika, sena b’sena u kemm minnhom saru fuq kwerela u kemm minnhom fuq inizjattiva tal-Pulizija? X’kien l-eżitu f’kull każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' każijiet fejn persuni tressqu l-Qorti mill-Pulizija dwar allegat ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-artikoli 337B sa 337Ħ (Fuq l-użu mhux kif dovut tal-computer) tal-Kodiċi Kriminali, mis-sena 2001 sal-ahhar ta’ Ottubru 2017, sena b'sena, kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Din turi dawk li saru fuq kwerela u dawk li tmexxew fuq inizjattiva tal-Pulizija. L-eżitu ta' kull każ, sena b'sena, hu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x' sar mill-iskart li nġabar fil-borża l-griża fl-aħħar ġimgħat? Jista' jikkonferma li dan ġie separat u l-ebda parti minn dan l-iskart jew skart ieħor li suppost jiġi separat, ma ntefa' fil-landfill tal-Magħtab?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart riċiklabli li nġabar fl-aħħar ġimgħat ġie isseparat fl-impjant tal-Malta North kif inhi l-prassi temporanja wara li l-impjant ta’ Sant Antnin inħaraq. L-ebda parti minn dan l-iskart ma ntefa’ fil-landfill tal-Magħtab.