Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #2787 Sitting 64 2017-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ingaġġ ta’ labourers

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2123 u tgħid kemm daħlu labourers mal-Ministeru għal Għawdex bejn it-8 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Settembru 2017? Tista' tgħid mil-liema lokalitajiet f'Għawdex kienu dawn il-persuni li ġew ingaġġati u f'kull każ kemm kien ilhom jirreġistraw mal-ETC jew JobsPlus għax-xogħol? Tista' tgħid f'kull ingaġġ li sar meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati l-calls, kemm damu miftuħa u x'tip ta' kwalifiċi u esperjenza ried ikollhom? Kemm applikaw u kemm intgħażlu għal kull sejħa? Tista' l-Ministru tgħid każ b'każ ta' dawk li ġew ingaġġati x'tip ta' xogħol qed jagħmlu llum u jekk intbagħtux jagħmlu xi korsijiet u jekk iva x'korsijiet kienu? Kemm minn dawk ingaġġati f'dan il-perjodu diġà ngħataw promozzjoni? Hemm il-ħsieb li jiġu ngaġġati iżjed labourers matul is-sena 2018?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fil-perijodu riferut ġew appuntati 86 persuna fil-grad ta’ Labourer, li ġew magħżula skont il-ħiliet u l-esperjenzi li għandhom. L-aħħar ingaġġ sar fl-1 ta’ Gunju 2017. Dawn il-Labourers ġew assenjati diversi ħidmiet fl-uffiċċini u taqsimiet fi ħdan id-Direttorati fil-Ministeru.
Leg 13 PQ #2788 Sitting 64 2017-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – contracts for service

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlametari 1795 u tgħid kemm ingħataw contracts for service mill-Ministeru inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn Marzu 2013 sal-lum, sena b’sena? Tista’ tagħti wkoll dettalji dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull kuntratt, is-servizzi li ngħataw, kif ukoll il-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra fir-rigward ta’ kull tali kuntratt?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #2789 Sitting 64 2017-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – impjegati

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 363 u tgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mal-Ministeru għal Għawdex jew xi wieħed mid-direttorati u d-dipartimenti li jaqgħu taħt dan il-Ministeru minn Marzu 2013 sa Ġunju 2017? F’liema kariga u skala ġew impjegati dawn il-ħaddiema? F’kull każ tista’ tgħid jekk is-sejħa nħarġitx wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u jekk le, x'kienet ir-raġuni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fil-perijodu msemmi ġew impjegati 147 persuna mal-Ministeru fi gradi diversi u dan skont il-ħtiġiet li nqalgħu. Dawn il-sejħiet ħarġu skont kif inhu irregolati l-ingaġġ ta’ ħaddiema fis-servizz pubbliku.Ta’ min isemmi ukoll li fl-istess perijodu kien hemm 215-il persuna li rtiraw jew irriżenjaw mis-Servizz Pubbliku, ġew trasferiti f’Ministeri oħra, tkeċċew mis-Servizz Pubbliku jew mietu.
Leg 13 PQ #2790 Sitting 64 2017-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur – Triq l-Imġarr – terms of reference għall-istudju

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2268, tista’ l-Ministru tgħid min qed iħejji t-terms of reference għall-istudju biex isiru interventi fi Triq l-Imġarr fin-Nadur? Tista' tgħid meta huwa mistenni li jkunu lesti dawn it-terms of reference?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li t-Terms of Reference indikati qed jitħejjew minn Perit fi ħdan il-Ministeru u mistenni li jkunu lesti sa l-aħħar ta’ din is-sena.

Ir-Rabat Għawdex – bini ta’ skola primarja ġdida

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 1638 jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex tinbena skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid fejn se tinbena din l-iskola u meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq l-istess skola? Saru applikazzjonijiet għal dan il-proġett mal-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li ntbagħat disinn propost bi pjanti lill-Awtorità tal-Ippjanar nhar it-Tnejn 4 ta’ Diċembru, 2017. L-iskola se tinbena bħala estensjoni mal-kumpless edukattiv fi Triq l-Ewropa, fir-Rabat, Għawdex. Ix-xogħol hu mistenni li jibda lejn l-aħħar tal-2018.
Leg 13 PQ #2823 Sitting 64 2017-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk – tenders għal xogħol infrastrutturali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux it-tenders għax-xogħol infrastrutturali li għandu jsir fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat, Għawdex, liema xogħol issemma f'diversi budgets fl-aħħar tliet snin? Meta hu ppjanat li jinħarġu dawn it-tenders u li jibda x-xogħol? Kemm hu maħsub li ser jiġi jiswa dan il-proġett u meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol f’din il-pjazza prinċipali ta' Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li rigward dan il-proġett se jinbdew il-konsultazzjonijiet meħtieġa mal-istakeholders involuti fosthom mal-kumpanija GO plc u l-Enemalta. Hemm ukoll proċess ta’ konsultazjoni li ser jibda’ fit-12 ta’ Jannar 2018, b’laqgħa pubblika. Wara l-eżitu ta’ dan il-proċess ikunu jistgħu jiġu ppreparati t-tenders meħtieġa biex ikun jista’ jibda jsir ix-xogħol meħtieġ. Huwa maħsub li dan il-proġett ikun jiswa madwar €1.5 miljun.

Mina bejn Malta u Għawdex – boreholes biex jiġu estratti kampjuni investigattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn saru jew qed isiru d-disa' boreholes fil-proċess biex jiġu estratti kampjuni investigattivi mill-kuntrattur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala parti mill-proġett tal-mina proposta bejn Malta u Għawdex? Jista' jgħid kemm-il kumpanija tefgħet l-offerta tagħha għal dan ix-xogħol? Liema kienu dawn il-kumpaniji u l-prezzijiet li offriet kull waħda minn dawn il-kumpaniji? Meta hu mistenni li jkun lest dan il-proċess?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-disa’ boreholes li qegħdin isiru bħala parti mill-investigazzjonijiet għall-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex jinsabu fil-postijiet imniżżlin hawn taħt: § BH1: Triq tal-Prajjet, Mellieħa § BH2: Triq li tieħu lejn iċ-Ċumnija, Mellieħa § BH3: Triq il-Marfa, Ċirkewwa § BH4: Fil-baħar fin-nofsinhar ta’Kemmuna § BH5: Fil-baħar fit-tramuntana ta’Kemmuna § BH6: Triq iż-Żewwieqa, Għajnsielem § BH7: Triq Borġ Għarib, Għajnsielem § BH8: Triq ir-Rabat, limiti tan-Nadur § BH9: Triq Għerien Ħida, Mellieħa Seba’ (7) kumpaniji tefgħu l-offerta tagħhom għal dan ix-xogħol (sejħa għall-offerti CT2185/2016), bid-dettalji tagħhom kif ukoll il-prezz tal-offerti tagħhom imniżżlin hawn taħt: Kumpanija Prezz għas-sejħa tal-offerti GEOTEC SPA €751,645.60 D'Appolonia S.p.A. €2,898,265.00 EJtech €1,003,500.00 BST JV €685,926.00 GeO Tunnel JV €798,706.00 CONTROL Y PROSPECCIONES IGEOTEST SL €598,597.00 SONDEDILE S.R.L. €1,320,344.00 Ix-xogħolijiet marbuta ma’din is-sejħa huma mistennija li jitlestew f’Marzu 2018.
Leg 13 PQ #2782 Sitting 63 2017-12-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Baqar u Majjal reġistrati f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm baqar u majjali reġistrati f'Għawdex? Jista' jgħid f'kemm-il razzett jinsabu u f’liema lokalitajiet jinsabu dawn l-irziezet? Jista' jgħid dan l-ammont ta' baqar u majjali f'Għawdex kemm huwa bħala persentaġġ ta' baqar u majjali tal-pajjiż kollu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra

Transport Malta – toroq f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kilometri ta' toroq f'Għawdex saru mill-ġdid minn Transport Malta minn Ġunju 2017 sal-aħħar ta' Novembru 2017? Jista' jagħti l-isem ta' dawn it-toroq li saru u kemm intefqu flus minn Transport Malta għal kull triq? Jista’ jgħid ukoll jekk għal kull triq inħarġitx tender u jekk ix-xogħol kienx ta' major patching jew rikostruzzjoni mill-ġdid tat-triq? Jista' jgħid ukoll x'toroq hemm ippjanati li jsiru f'Għawdex minn Transport Malta f'Diċembru 2017 u matul is-sena 2018? F'kull każ, għax-xogħol ippjanat inħarġet it-tender? Ġiet awarded? Meta hu mistenni jibda x-xogħol fuqhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi t-toroq f’Għawdex ma kienux jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta. Fir-rigward tat-toroq għall-perjodu li ġej, ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq f’Għawdex ukoll ser igawdu mill-proġett tal-Gvern biex isiru kollha. It-toroq f’ Għawdex se jingħataw l-importanza li jistħoq lil poplu Għawdxi u flimkien mal-ministeru ser nidentifikaw il-prijoritajet meħtieġa.
Leg 13 PQ #2784 Sitting 63 2017-12-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – toroq li ngħataw wiċċ ġdid

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2582, tista’ l-Ministru tgħid għaliex ma poġġietx fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tal-Perit kif ukoll kopja taċ-ċertifikat tat-testijiet għax-xogħol li sar fuq Triq ta’ Ċenċ, Sannat; Triq il-Fanal, Għasri; Triq Għajn Qasab, Nadur; Triq Għerxija, Sannat u Triq Pompej, Rabat, Għawdex? Dan ifisser li ċ-ċertifikat u testijiet ma sarux?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li jista jkun hemm kwistjonijiet ta’ sensittivitta’ tal-informazzjoni, qed jintalab parir jekk din tistax tingħata.
Leg 13 PQ #2785 Sitting 63 2017-12-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħlijiet fuq diversi toroq

Question

Tista' l-Ministru tgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tagħha fuq dawn it-toroq indikati: Parti minn Triq San Leonard, Xewkija /Rabat Parti minn Triq Monġur, Għarb Marsalforn (ħdejn il-bridge ) Triq Ta’ Cordina, Għajnsielem Ramla Bay (wara il-gabbani ) Sqaq ta' Spring Street, Xagħra Żona Industrijali, Xewkija Triq ir-Rabat, Żebbuġ Triq it-Tempju tal-Imramma, Sannat Triq Ta’ Bullara, Xagħra Triq l-Arċisqof Pietru Pace, Victoria Triq Santa Dminka, Victoria Triq il-Qortina, Sannat Triq il-Kapuċċini, Victoria Pjazza San Franġisk, Victoria Triq it-Tiġrija, Nadur Triq Ninu Cremona, Victoria Triq il-Mitħna, Xewkija Triq is-Salini, Marsalforn Triq Għajn Abdun, Santa Luċija Triq San Lawrenz, San Lawrenz Triq Ta’ Sdieri Għarb / Triq Ta' Pinu Triq tal-Għajn, Fontana Vjal it-8 ta' Settembru , Xagħra Triq Daħlet Qorrot, Nadur Triq id-Dawwara / Triq il-Wied / Triq Kerċem, Rabat Triq it-Tabib Anton Tabone, Rabat Triq Enrico Mizzi, Rabat Triq is-Sellum, Xagħra/ Rabat Triq tal-Ħanaq, Nadur Triq Qbajjar. Marsalforn Triq Ta' Ċenċ, Sannat Triq Sant' Orsla, Rabat Triq 31 ta' Marzu 1979, Rabat Triq ta' wara l-Heliport Parti min Triq Għajn Qatet, Rabat Tista' tgħid ukoll kemm kien it-tul ta' xogħol li sar f'kull triq u jekk f'kull każ saritx it-triq kollha, jekk inbnietx mill-ġdid jew inkella kienx hemm major patching (ingħatat kisja tarmac)? Tista’ tpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq dawn it-toroq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Tista' tgħid kemm tħallas il-kuntrattur/i fuq ix-xogħol li sar fuq kull triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Tista' tgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru u d-dati meta saru? Tista' tpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet, tista' tagħti r-raġuni għaliex ma sarux?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 2784.
Leg 13 PQ #2786 Sitting 63 2017-12-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Triq Qasam San Ġorġ bejn ir-Rabat u Santa Luċija Kerċem Għawdex– kisja ta’ tarmac

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li tingħata t-tieni kisja ta' tarmac (il-wiċċ) fi Triq Qasam San Ġorġ bejn ir-Rabat u Santa Luċija Kerċem Għawdex u dan peress li ilha għal diversi xhur b’kisja waħda u hemm ammont ta’ tappiera perikolużi li huma ‘l fuq mil-livell tat-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li x-xogħol ta’ tarmac fuq din it-triq kien il-kompitu tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u għaldaqstant din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat.
Leg 13 PQ #2693 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – uffiċjali – rimborż għall-użu tal-karozza privata

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm uffiċjali fil-Ministeru għal Għawdex, inkluż uffiċjali f'entitajiet u dipartiment li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex, qegħdin jiġu rimborżati għall-użu tal-karozza privata tagħhom fuq xogħol uffiċjali? Tista' tgħid x’inhu l-grad ta' dawn l-uffiċjali u l-pożizzjoni li qegħdin jokkupaw kif ukoll min awtorizza li jiġu rimborżati? Tista' tgħid kull uffiċjal x'ammont ta' flus irċieva għal dan il-għan sena b'sena matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017 sal-lum?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra
Leg 13 PQ #2694 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korsijiet tal-Institute for Public Service – għajnuna monetarja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna monetarja jew x’tip ta' għajnuna oħra qed jingħataw dawk l-uffiċjali pubbliċi li jkunu obbligati jagħmlu korsijiet fl-Institute for Public Service? Jista’ jgħid kemm-il kors organizza dan l-Istitut ġewwa Għawdex, kemm ilu mwaqqaf? Meta saru dawn il-korsijiet u kemm attendew għal kull kors kif ukoll min seta' japplika għal kull kors li sar f'Għawdex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #2695 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Awtorità tal-Ippjanar – development brief tal-Masterplan ta’ Marsalforn u Xlendi

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar għad-development brief tal-Masterplan ta' Marsalforn u Xlendi? Min huma l-periti nkarigati minn dan il-proċess min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex? Meta hu previst li jkun hemm konsultazzjoni mal-pubbliku dwar dan il-proġett kif ukoll meta hu previst li jibdew ix-xogħlijiet infrastrutturali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #2696 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Intervention unit

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fl-Intervention Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Tista' tgħid kif ġew magħżula dawn il-ħaddiema u jekk ħarġitx sejħa interna fis-Servizz Pubbliku jew saritx sejħa minn barra? X'inhuma l-gradi tal-ħaddiema li jiffurmaw l-Intervention Unit? Tista' tgħid x'perkaċċi għandhom dawn il-ħaddiema nkluż allowances eċċ.? Tista' tgħid xi kwalifiki u/jew snin ta' esperjenza ntalbu biex ħaddiema jkunu jikkwalifikaw li jaħdmu fl-Intervention Unit? Taħt liema direttorat jaqa' l-Intervention Unit u x'tip ta' xogħol qed jagħmel dan il-Unit?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant, li dan il-Unit huwa magħmul minn ħdax il-ħaddiem mis- Servizz Pubbliku, liema ħaddiema kienu diġà mpjegati tal- Ministeru għal Għawdex u ġew transferiti skont l-esiġenzi tas-servizz. Dan il-Unit jaqa’ taħt l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Il-gradi jvarjaw minn Supervisors sa Labourers u huma ntitolati għal-shift allowance skont l-provvedimenti tal-PSMC. Ix-xogħol jinkludi rondi madwar Għawdex u intervenzjoni fuq siti li jvarjaw minn interventi minuri sa dawk maġġuri bl-għajnuna ta’ sezzjonijiet oħra fi ħdan l-Ministeru kif ukoll minn Kunsilli Lokali.
Leg 13 PQ #2728 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Xogħlijiet ta’ Għamara – direct orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul din is-sena (2017) ġiex ikkummissjonat xogħol ta’ għamara b’direct labour lill-uffiċjali li jaħdmu fil-Ministeru għal Għawdex inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li mhumiex impjegati fis-sezzjoni tal-mastrudaxxi fl-istess Ministeru? Jekk iva, tista’ tgħid ukoll x’kien l-użu ta’ din l-għamara u min ikkummissjona tali xogħol f’kull każ, il-grad ta’ kull wieħed mill-uffiċjali li ġie nkarigat jagħmel dan ix-xogħol kif ukoll il-kumpens li ngħata kull wieħed għal dan ix-xogħol?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li saru uffiċini ġodda li l-għamara għalihom nħadmet bid-direct labour. Peress li x-xogħol sar b’impjegati tal-Ministeru għal Għawdex sar xogħol ta’ kwalità u li għalih frankajna ħafna flus.
Leg 13 PQ #2729 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex –Senior Management — allowances

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm uffiċjali mis-senior management tal-Ministeru għal Għawdex inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha ngħataw allowances matul din is-sena (2017), kemm dawk statutorji kif ukoll dawk li mhumiex? Tista’ tgħid ukoll il-grad ta’ kull uffiċjal kif ukoll it-tip ta’ allowance li rċieva? Tista’ tgħid ukoll min ta l-approvazzjoni għal għoti ta’ tali allowance?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

L-allowances lis-senior management ingħataw skont il-kuntratti li ġew iffirmati u skont direttivi li joħorġu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 13 PQ #2673 Sitting 60 2017-12-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Principal Scientific Officers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati Principal Scientific Officers fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jew entitajiet li jaqgħu taħtu minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid meta nħarġet is-sejħa f' kull każ u jekk is-sejħa ħarġitx internament mis-Servizz Pubbliku jew minn barra u għal kull każ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull sejħa li saret? Tista' tgħid xi kwalifiki u/jew kemm snin ta' esperjenza ntalbu lill-applikanti biex setgħu jkunu eleġibbli? X'tip ta' xogħol qed jagħmlu llum dawk li ġew magħżula u f’liema sezzjonijiet jew direttorati tal-Ministeru qegħdin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fil-perjodu riferut ġie ingaġġat Principal Scientific Officer mal-Ministeru għal Għawdex. Is-sejħa kienet interna u saret permezz taċ-ċirkulari HR/MG Nru 10/2017 bid-data tas-17 ta’ April 2017. Il-persuna li ġiet ingaġġata f’dan il-grad kienet magħżula mill-Bord tal-Għażla u l-kriterji użati kienu approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Din il-persuna qegħda taqdi dmirijietha fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti.
Leg 13 PQ #2674 Sitting 60 2017-12-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Information Officers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati Information Officers fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jew entitajiet li jaqgħu taħtha minn Marzu 2013 sal-lum? Tista’ tgħid meta nħarġet is-sejħa f’kull każ u jekk is-sejħa ħarġitx internament mis-Servizz Pubbliku jew minn barra u għal kull każ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull sejħa li saret? Tista’ tgħid xi kwalifiki u/jew kemm snin ta’ esperjenza ntalbu lill-applikanti biex setgħu jkunu eleġibbli? X’tip ta’ xogħol qed jagħmlu llum dawk li ġew magħżula u f’liema sezzjonijiet jew direttorati tal-Ministeru qegħdin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fil-perjodu riferut ġew ingaġġati 2 Information Officers mal-Ministeru għal Għawdex. Is-sejħiet kienu esterni u saru permezz tal-Gazzetta tal-Gvern Nru 19,735 bid-data tat-3 ta’ Marzu 2017. Il-persuni li ġew ingaġġati f’dan il-grad kienu magħżula mill-Bordijiet tal-Għażla u l-kriterji użati kienu approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Dawn l-Information Officers qegħdin fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti.