Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29274 u 29580 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa li nħarġet biex Triq San Blas fin-Nadur issir mill-ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq San Blas hux ser issir kollha kemm hi? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan ta’ fejn ser isiru x-xogħlijiet f’din l-istess triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet marbuta ma din t-tender partikolari ma jkoprux it-triq kollha iżda l-ħsieb huwa li s-sussegwentament b’tender separat isiru wkoll t-toroq kollha f’San Blas.
Il-Fontana Għawdex — Triq Santa Dminka - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29581 dwar ix-xogħlijiet li saru f’parti minn Triq Santa Dminka fil-Fontana mill-kuntrattur li ġie mqabbad mill-Ministeru tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien fiha tul u kemm huma stmati li ġew jiswew ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid għaliex f’din il-parti tat-triq ingħataw żewġ kisjiet ta’ asfalt fl-istess ġurnata? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħlijiet kollha meħtieġa fuq il-kumplament ta’ din it-triq humiex se jitkomplew / isiru, u jekk iva meta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li x-xogħol sar taħt il-superviżjoni tal-Perit inkarigat mill-Ministeru, il-Perit Shawn Micallef, li huwa impjegat tal-istess Ministeru. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq triq Sir Arturo Mercieca. Il-kont finali jkun skont kif ċertifikat mill-perit responsabbli.
Tista’ l-Ministru tgħid fejn hemm ippjanat li jsiru iktar xogħlijiet ta’ trinek relatati mal-proġett tan-new water għall-bdiewa f’Għawdex matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll meta huwa maħsub li joħorġu s-sejħiet għal kull trinka li ser issir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tagħha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħarġet sejħa għall-offerti li titratta l-ilma tax-xorb flimkien ma’ New Water fix-Xewkija, Nadur u Għajnsielem. Dan il-proċess ġie finalizzat u x-xogħlijiet mistennija li jinbdew matul ix-xhur li ġejjin.
Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar l-espansjoni/tkabbir li hemm ippjanat li jsir fl-Impjant tad-drenaġġ f’Tal-Fessej, f’Għawdex, u b’kemm se titkabbar il-kapaċità ta’ dan l-impjant? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-permess jew tracking number relatat ma’ dan il-proġett? Tista’ tgħid kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett u kemm minnu hu maħsub li jkun iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Tista’ tgħid ukoll jekk id-disinn inizjali u l-abbozzar tas-sejħa għall-offerti, flimkien mal-istima tal-investiment, ġewx iffinalizzati u jekk dawn tlestewx fl-ewwel kwart tas-sena 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu dwar l-impjant tad-drenaġġ f’Tal-Fessej, Għawdex, qed nelenkaha hawn taħt:
· Il-kapaċità tat-trattament tad-drenaġġ se tkun qed tiżdied bi 8,000 metru kubu kuljum, filwaqt li l-kapaċità tal-produzzjoni tan-new water se tkun qed tiżdied b’4,000 metru kubu kuljum.
· Il-permess relatat huwa skont din ir-referenza – PA/0346/25.
· Huwa stmat li l-proġett se jiswa madwar €25 miljun, fejn sa massimu ta’ 60% se jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
· Id-disinji inizjali, flimkien mal-abbozzar tas-sejħa għall-offerti huma finalizzati, bis-sejħa mistennija toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.
MCCAA — Kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20937, jista’ l-Prim Ministru jgħid:
i. kienx hemm applikanti għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u jekk kien hemm kemm kienu; u
ii. jekk sussegwentment kienx hemm xi sejħiet oħra għal din il-kariga, u jekk iva, jgħid jekk kienx hemm applikanti?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma l-Onor. Interpellant li kien hemm tlett (3) applikanti li applikaw għas-sejħa li ħarġet għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan din l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29517 dwar xogħlijiet li ser isiru fuq it-triq li minn quddiem il-junction li tieħu għall-Fontana, twassal sat-tarf ta’ Triq Sir Arturo Mercieca, kantuniera ma’ Triq il-Vajringa, jista’ l-Ministru jgħid kemm hija twila din il-parti tat-triq li ser issir u kemm huma stmati li ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li ser ikunu ta’ prijorità u li ser isiru f’Għawdex sal-aħħar tas-sena 2025, maqsuma raħal b’raħal? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ xogħol ser ikun qed isir f’kull triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq Sir Arturo Mercieca, Triq Ġorġ Pisani, Triq Patri Giancintu Camenzuli, Triq Marsalforn u f’parti minn Triq Anton Tabone.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Nefqa fuq Overtime
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29576 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq overtime f’kull diviżjoni, dipartiment, direttorat, awtorità u fil-Ministeru stess mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni qed tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29578, tista’ l-Ministru tindika x-xahar u s-sena meta hu ppjanat li jitkompla x-xogħol fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex u jekk hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jassistu lill-kuntrattur biex jinbidlu s-servizzi għad-djar kif ukoll xi xogħol fuq il-mains ta’ din it-triq? Tista’ tgħid ukoll x’kien f’dawn l-aħħar xhur u x’inhu fil-preżent l-irwol tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar fuq ix-xogħol f’din it-triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li diġà ngħatat fi tweġibiet preċedenti, ninsab infurmata li x-xogħlijiet mistennija jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29278 u 29579 u jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet li saru sa issa fuq parti minn Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex, kemm kien fiha tul u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex se jitkomplew u jsiru x-xogħlijiet kollha meħtieġa fuq il-partijiet l-oħra ta’ Triq l-Ewropa speċjalment quddiem l-iskola sekondarja peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fi Triq l-Ewropa kien jikkonsisti f’kommunikazzjoni tal-ilma tax-xita min Triq Fortunato Mizzi u Triq Duminku Mintoff lejn il-Wied ta’ Karawendi. Barra min hekk saret ukoll bankina ġodda quddiem iċ-Ċentru akwatiku sabiex in-nies ikollhom aċċess sigur.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29521 dwar Avukati/Ditti tal-avukati, jista’ l-Ministru, fil-konfront ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, fejn allura jsemmi liema hi l-entità konċernata, jelenka:
i. kemm huma l-avukati impjegati full time; u
ii. liema huma d-ditti ta’ avukati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninsab infurmat kif ġej:
ENTITÀ
AVUKATI FULL TIME
AVUKATI BR-RETAINER /DITTI
TM
2
/
IM
/
2 Ditti
MATS
/
Ditta
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fir-rigward ta’ traduzzjonijiet tal-liġijiet mill-Ingliż għall-Malti u viċi-versa matul l-2024? Jista’ jindika jekk dan ix-xogħol hux qed isir direttament mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jew permezz ta’ retainers?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali kienet ta’ €1,953.28. Dan ix-xoghol qed isir minn terzi persuni skont il-lista ta’ tradutturi maħruġa minn Identità.
Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat — Drafting ta’ liġijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm attwalment, hemm persuni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat li huma involuti full-time fuq ix-xogħol ta’ drafting ta’ liġijiet? Jista’ f’kull każ jgħid x’inhi l-professjoni ta’ kull persuna konċernata?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol ta' drafting u reviewing ta’ liġijiet, isir mill-ħaddiema li jaħdmu fil-Legislation Unit, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Bħalissa, hemm 5 avukati li jagħmlu dan ix-xogħol u persuna waħda li tgħin fix-xogħol amministrattiv.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29515 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29284, dwar kemm hemm jaħdmu fil-preżent u f’dawn l-aħħar xhur, ‘REFUSE COLLECTION VEHICLES’ fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u jekk kienx hemm minnhom mikrijin mingħand il-privat, fejn ġie mwieġeb li ‘wieħed minnhom huwa mikri mingħand il-privat. Dan ġie mikri mingħand il-privat bejn Mejju u Diċembru 2024 u bejn Frar 2025 sal-lum’, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kif kien qed jinkera u meta u fejn ħarġu s-sejħiet biex jinkera dan ir-Refuse Collection Vehicle? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jitħallas fix-xahar, minn min jinstaq u kemm qed jitħaddem kuljum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ir-Refuse Collection Vehicle qed jinkera għall-prezz ta’ €100 kuljum u jitħaddem tliet darbiet kuljum.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu s’issa fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament tal-UE 2023/2854?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern, permezz tal-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA), diġà ħa diversi passi konkreti biex iħejji għall-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2023/2854 dwar l-użu ġust u l-aċċess għad-data, magħruf bħala l-Att dwar id-Data.
1. Twaqqif ta’ Unità Ġdida u Identifikazzjoni tal-Awtoritajiet Kompetenti
L-MDIA waqqfet unità ddedikata għall-Innovazzjoni u l-Governanza tad-Data, bl-għan li tkun punt ta’ riferiment għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi pertinenti relatati mad-data, inkluż l-Att il-ġdid. Intlaħaq qbil dwar l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li se jkunu involuti fl-implimentazzjoni, jiġifieri:
• L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)
• Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC)
• L-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta(MDIA)
2. Konsultazzjoni u Kollaborazzjoni
Saru diversi laqgħat ma’ stakeholders mis-setturi pubbliċi u privati biex jinġabru fehmiet dwar l-impatt potenzjali tal-Att fuq l-ekonomija diġitali, u biex jiġu identifikati l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mal-implimentazzjoni tiegħu.
3. Konferenzi u Attivitajiet ta’ Sensibilizzazzjoni
L-MDIA organizzat ukoll avveniment nazzjonali speċjalizzat dwar l-ekonomija tad-data, li laqqgħet esperti lokali u internazzjonali. L-avveniment indirizza temi relatati mal-aċċess għad-data, is-sovranità diġitali u l-implimentazzjoni tar-Regolament.
Inizjattivi oħra ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni ġew imnedija sabiex l-istakeholders ikunu ppreparati għall-obbligi li jidħlu fis-seħħ f’Settembru 2025 u Settembru 2026, b’rabta mal-aċċess dirett għad-data u l-obbligu li prodotti jiġu mfassla b’dan l-aċċess in mente.
Huwa pjanat li tiġi organizzata sessjoni oħra ta’ informazzjoni u djalogu f’kollaborazzjoni ma’:
• Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija
• Il-Kamra tal-Intrapriżi żgħar u Medji
• Servizzi Ewropej Malta
• L-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA)
4. Parteċipazzjoni Internazzjonali
Malta qed tipparteċipa attivament fil-livell Ewropew, b’rappreżentanza fil-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni tad-Data (European Data Innovation Board) u fi gruppi ta’ ħidma relatati mal-awtoritajiet kompetenti. Dawn il-parteċipazzjonijiet qed jippermettu lil Malta tikkontribwixxi b’mod dirett għall-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni armonizzata tar-Regolament madwar l-UE.
5. Implimentazzjoni Leġiżlattiva Nazzjonali
Diġà ġiet abbozzata leġiżlazzjoni sussidjarja biex jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi nazzjonali tal-implimentazzjoni, u bħalissa tinsab fl-aħħar fażijiet tal-pubblikazzjoni uffiċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-explanatory notes dwar liġijiet li jsiru qegħdin jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern separatament mil-liġi li dwarha jkunu jagħtu spjegazzjoni?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nikkonferma li n-Noti ta’ Spjegazzjoni li ma għandhomx il-forza tal-liġi u li jsiru kif rikjest mill-Att dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar (Kap. 512 tal-Liġijiet ta’ Malta) (skont l-Iskeda III tal-istess Kapitolu), jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern separatament fit-taqsima li tinkorpora l-Avviżi tal-Gvern lill-pubbliku inġenerali, fl-istess ġurnata li tiġi ppubblikata l-leġiżlazzjoni li jkunu qed jispjegaw u jirreferu għaliha n-Noti ta’ Spjegazzjoni.
L-għan tan-Noti ta’ Spjegazzjoni kif stipulat fl-imsemmija Skeda tal-Kap 512 huwa li jispjega u jagħmel aċċessibbli l-leġiżlazzjoni għall-qarrejja li mhumiex kwalifikati fil-liġi u li ma għandhomx għarfien speċjalizzat fis-suġġett. Għaldaqstant huwa idoneju li l-imsemmija Noti jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern mal-Avviżi tal-Gvern lill-pubbliku u mhux fis-Suppliment tal-Gazzetta li hu intiż esklussivament għall-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29001, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28271 u jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li qed jistennew biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani f’Għawdex sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandix x’inżid mat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 29001.
Għawdex – Xogħlijiet minn Infrastructure Malta u Transport Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid b’liema xogħlijiet ġew inkarigati Infrastructure Malta u Transport Malta fil-gżira ta’ Għawdex f’dawn l-aħħar xhur u fil-preżent?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-aħħar perjodu, fil-gżira t’Għawdex, saret spezzjoni ta’ siġar f’numru ta’ toroq u fix-xhur li ġejjin hu ppjanat li jsir xi xogħol ta’ żbir fuq numru minnhom. Saru interventi fil-bajja tax-Xlendi (tindif fil-baħar, ġbir ta’ ġebel mill-baħar, formazzjoni ta’ tarġa fil-konkos tal-moll) u ġie rranġat skall fid-Dwejra. Iktar ’il quddiem hemm ukoll ppjanati li jiġu rranġati l-iskallijiet tal-Qbajjar u ta’ Ħondoq ir-Rummien.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-raba’ li hemm ġewwa l-Farm tal-Gvern ġewwa x-Xewkija hix qiegħda tinħadem kollha b’mod regolari? Jekk fin-negattiv, jista’ jgħid x’inhuma l-pjanijiet għal din ir-raba’ u jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jżommha jew jgħaddiha lill-privat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raba' tal-Farm kollu qed jinħadem b’mod regolari, u jintuża għal diversi uċuħ u siġar. Issir ukoll riċerka fuq diversi affarijiet - anke b’kollaborazzjoni mal-Universita ta’ Malta - li fost l-oħrajn tinkludi;
1. Shadehouse – tkabbir ta siġar tal-frott;
2. Serer – tkabbir ta’ ħxejjex bħal ħjar, tadam, bżar, brunġiel, bettieh u dulliegħ;
3. Raba' – tkabbir ta’ magħlef għall-bhejjem;
4. Raba' – tkabbir ta’ karawett;
5. Raba'– tkabbir ta’ prodotti lokali bħal dulliegħ u qoton fost affarijiet oħra;
6. Siġar tal-frott irqiq;
7. Siġar taċ-ċitru;
8. Siġar tat-tin;
9. Għalqa għal Agribuisiness – għal użu tal-istudenti;
10. Għalqa b’siġar indiġeni.
Ovvjament ir-raba' għandu bżonn il-mistrieħ tiegħu ukoll u għalhekk isir crop rotation. Fejn inkabbru l-fodder, dan jintuża bħala għalf għal bhejjem tagħna stess.