Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #3757 Sitting 85 2018-02-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi – baga biex jorbtu magħha l-Cruise Liners

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul is-sena kurrenti (2018) hux ser tkun lesta l-baga fix-Xlendi biex jorbtu magħha l-cruise liners? Tista' tgħid meta huwa maħsub li jibdew jorbtu cruise liners fix-Xlendi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3228.
Leg 13 PQ #3758 Sitting 85 2018-02-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korsijiet tal-Institute for Public Service – għajnuna monetarja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2694 u jgħid x'tip ta' għajnuna monetarja jew x’tip ta' għajnuna oħra qed jingħataw dawk l-uffiċjali pubbliċi li jkunu obbligati jagħmlu korsijiet fl-Institute for Public Service? Jista’ jgħid kemm-il kors organizza dan l-Istitut ġewwa Għawdex, kemm ilu mwaqqaf? Meta saru dawn il-korsijiet u kemm attendew għal kull kors kif ukoll min seta' japplika għal kull kors li sar f'Għawdex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċjali pubbliċi li jattendu korsijiet fl-Institute for the Public Services (IPS) ma jingħatawx għajnuna monitarja jew xi tip ta’ għajnuna oħra. F’kas li l-korsijiet organizzati mill-IPS ikunu mandatorji jsir kull sforz biex dawn isiru Għawdex għall-parteċipanti Għawdxin. Il-korsijiet tal-IPS huma miftuha għal kull uffiċjal pubbliku. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm ilu mwaqqaf l-IPS, ġew organizzati hames korsijiet f’Għawdex kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-IPS ġie mwaqqaf f’Ottubru tal-2016 u għandu bħala msieħba strategiċi l-Universitá ta’ Malta u l-MCAST

Salini Salt Pens – produzzjoni tal-melħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie prodott melħ, xahar b’xahar, minn meta nfetħu s-Salini Salt Pens li jinsabu bejn Kennedy Grove u Triq il-Kosta f'San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid kemm sar profitt minn din il-produzzjoni? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-preżent fuq il-produzzjoni tal-melħ f' dan is-sit u f’liema grad qegħdin u jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħlu iktar ħaddiema jaħdmu ġewwa s-Salt Pens?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-llum il-ġurnata s-Salini Salt Pens jaqaw taħt il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali iżda fil-ġejjini qrib ser jiġi mgħoddi lill-Ministeru tiegħi. Għal dan is-sit ġie ffirmat Heads of Agreement mal-Bird Life Malta. Ninsab infurmat mill-istess Ministeru li r-restawr tas-salini tal-melħ fil-Bajja tas-Salina kien iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013 u tlesta f’Diċembru 2015. Dawn is-salini għandhom il-potenzjal li jipproduċu melħ iktar mill-produzzjoni tas-salini l-oħra kollha fil-gżejjer Maltin. Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013 ma jippermetix li l-fondi jintużaw għall-ħolqien ta’ bejjiegħ dominanti tal-melħ lokali fis-suq; liema obbligu jibqa’ jgħodd sas-sena 2020. Il-melħ ma nġabarx fis-sena 2016. Madwar 20 tunnellata melħ inġabru fl-2017 minn 2 salini biss; liema melħ jinsab kollu maħżun f’maħżen fis-Salina. Ninsab infurmat ukoll li hemm żewġ ħaddiema fil-grad t’Assistant Salt Worker jaħdmu fuq il-produzzjoni tal-melħ apparti xogħol ieħor ta’ manteniment tal-post. Hemm post vakant fil-grad t’Assistant Salt Worker.
Leg 13 PQ #3760 Sitting 85 2018-02-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Dwejra Għawdex — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema tal-kuntratturi li jagħmlu xogħol ġewwa d-Dwejra Għawdex fuq inkarigu tal-Gvern? Tista' tgħid dawn il-ħaddiema x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu u kif ġew magħżula l-kuntratturi biex jipprovdu servizz ta' dawn il-ħaddiema? Kemm kienet l-ispiża, sena b’sena, mis-sena 2013 sal-lum ta’ dawn il-ħaddiema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-kuntrattur għandu jipprovdi tliet ħaddiema kuljum mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija. Dawn il-ħaddiema qed jipprovdu servizz ta’ sorveljanza tad-Dwejra Conservation Area, skont ftehim li sar bejn il-Ministeru Għal Għawdex, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil Fil-Klima. Dan is-servizz ingħata b’Direct Order. L-ispiża minn Marzu 2017 mill-Ministeru għal Għawdex kienet dik ta’ €40,919.65 (VAT inkluż).

Għawdex – proġetti ta’ afforestazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proġett ta’ afforestazzjoni sar ġewwa Għawdex mit-8 ta Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid f'dawn il-proġetti ta' afforestazzjoni kemm-il siġra ġiet imħawwla? Jista’ l-Ministru jgħid fejn hu ppjanat li jsiru proġetti ta’ afforestazzjoni matul is-sena 2018 f'Għawdex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi qiegħed f’diskussjoniet mal-Ministeru t’Ghawdex sabiex jsiru proġetti t’afforestazzjoni f’Għawdex. Nikkonferma wkoll li l-Ministeru tiegħi beda x-xogħol tal-proġett t’afforestazzjoni ġewwa Kemmuna. Għal dak li jirrigwarda l-iskema ‘Tħaddir tal-Komunitajiet’ ibbenifikaw 4 Kunsilli Lokali Għawdxin, fejn ħadu s-somma ta’ €104,570 kif ukoll hemm Kunsill Lokali Għawdxi li għadu kif ġie allokat €30,000. Dawn il-fondi ntefqu u ser jintefqu sabiex jiżdiedu aktar siġar u arbuxelli f’dawn il-lokalitajiet.

Aġenzija għat-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-Aġenzija għat-Toroq li kienet imwiegħda? Meta ser tiġi kostitwita u jekk din hux ser titwaqqaf b'liġi li trid tgħaddi minn dan il-Parlament? Peress li l-Ministru kien qal li fis-seba' snin li ġejjin, il-Ministeru tiegħu se jkun qed jonfoq mal-mitt miljun ewro fis-sena f'xogħlijiet ta' toroq madwar Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq proġettati li jsiru, sena b'sena, f'Għawdex fis-seba snin li ġejjin? Fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Jista’ jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali huwa impenjat li jwettaq il-pjan tal-Gvern li jnaqqas id-diffikultajiet tat-trasport fuq l-art permezz tal-iżvilupp ta’ modi sostenibbli ta’ vjaġġar flimkien ma’ investiment multi-miljunarju fit-tiġdid u t-tisħiħ tas-sistema tat-toroq u ta’ infrastruttura oħra relatata. Bħala parti minn din il-viżjoni, il-Gvern qed iwaqqaf entità ġdida sabiex tmexxi u twettaq dan l-investiment bla preċedent fl-infrastruttura ta’ Malta. Din l-entità ser iżżid l-effiċjenza fl-operat tal-bini u l-manutenzjoni tat-toroq, tistabbilixxi standards ġodda ta’ kwalità għaż-żamma tal-infrastruttura tat-toroq waqt li gradwalment ittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport fuq l-art f’pajjiżna. Ser tħaddan prinċipji ta’ kontabilità, kwalità u effiċjenza fil-governanza, waqt li tniedi proċessi ta’ analiżi u manutenzjoni kontinwa li jiżguraw l-aħjar valur fit-tul għal dan l-investiment tal-Gvern fl-infrastruttura. Fiż-żmien li ġej, il-Ministru ser iressaq għad-diskussjoni quddiem il-Parlament abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu titwaqqaf din l-entità ġdida. Il-pjanijiet ta’ ħidma ta’ din l-entità jitħabbru u jibdew jiġu mwettqa malli ntemmu dawn il-proċeduri parlamentari u legali flimkien mal-konsultazzjonijiet ma’ dawk kollha konċernati. Sadanittant, sakemm tibda topera din l-aġenzija, il-Gvern, permezz tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura, xorta waħda għaddej b’investiment kbir biex ikompli jtejjeb il-kwalità tat-toroq arterjali u residenzjali. Fil-fatt, fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet u fix-xhur li ġejjin, dan id-Direttorat wettaq xogħlijiet ta’ titjib ta’ diversi junctions ewlenin tas-sistema tat-toroq, waqt li beda wkoll ħidmiet biex jibni mill-ġdid toroq oħra li kellhom bżonn titjib sostanzjali. Dalwaqt ser jibda wkoll ix-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ aktar toroq residenzjali. Nista’ niżgura li, bħal ma diġa għamilna fix-xhur u s-snin li għaddew, ser nibqgħu nagħmlu dak kollu meħtieġ sabiex niksbu l-infrasruttura ta’ kwalità li verament jixirqilna.
Leg 13 PQ #3694 Sitting 84 2018-02-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – ħaddiema li ġew trasferiti f’dipartimenti jew entitajiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-ħaddiema tal-Enemalta jew xi sussidjarja tagħha li ġew trasferiti f'dipartimenti jew entitajiet oħra tal-Gvern? Jista’ jgħid kull wieħed minn dawn xi grad kellu mal-Enemalta u x’tip ta’ xogħol kien jagħmel mal-Enemalta u issa xi grad għandu mal-Gvern jew entità fejn intbagħat u x’tip ta’ xogħol qed jagħmel mal-Gvern jew mal-entità li qed magħha? Kemm minn dawn il-ħaddiema li kienu mal-Enemalta u issa marru ma’ dipartimenti jew entitajiet tal-Gvern huma persuni residenti f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-Għawdxin li kienu jaħdmu l-Enemalta, issa qed jaħdmu Għawdex u xi grad kellhom mal-Enemalta u issa xi grad għandhom fid-Dipartiment jew entità li qed jaħdmu magħha f'Għawdex illum?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #3728 Sitting 84 2018-02-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Youth Council — membri tal-eżekuttiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid preżentement min huma l-membri tal-eżekuttiv tal-Gozo Youth Council, liema kunsill kien twaqqaf fil-Leġiżlatura l-oħra taħt l-awspiċi tal-Ministru ta' qabel? Tista' tgħid min innomina lill-membri preżenti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li rriżultaw xi rregolaritajiet, bħalissa għaddej eżerċizzju mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji biex tinstab soluzzjoni.
Leg 13 PQ #3729 Sitting 84 2018-02-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex –Senior Management — allowances

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2729, tista' l-Ministru tgħid: a. kemm uffiċjali mis- senior management tal-Ministeru għal Għawdex inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha ngħataw allowances matul din is-sena (2017) kemm dawk statutorji kif ukoll dawk li mhumiex? b. il-grad ta’ kull uffiċjal kif ukoll it-tip ta’ allowance li rċieva? c. min ta l-approvazzjoni għal għoti ta’ tali allowance?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #3730 Sitting 84 2018-02-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ingaġġ ta’ labourers

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2787, tista' l-Ministru tgħid: a. mil-liema lokalitajiet f'Għawdex kienu dawn il-persuni li ġew ingaġġati u f'kull każ kemm kien ilhom jirreġistraw mal-ETC jew JobsPlus għax-xogħol; b. f'kull ingaġġ li sar meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati l-calls, kemm damu miftuħa u x'tip ta' kwalifiċi u esperjenza ried ikollhom? Kemm applikaw u kemm intgħażlu għal kull sejħa; c. każ b'każ ta' dawk li ġew ingaġġati x'tip ta' xogħol qed jagħmlu llum u jekk intbagħtux jagħmlu xi korsijiet u jekk iva x'korsijiet kienu; d. kemm minn dawk ingaġġati f'dan il-perjodu diġà ngħataw promozzjoni; u e. hemm il-ħsieb li jiġu ngaġġati iżjed labourers matul is-sena 2018?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex –Pulizija każijiet ta’ bejgħ ta’ alkoħol lill-persuni taħt l-età

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet f'Għawdex fejn il-Pulizija ħadet passi għaliex inbiegħ jew ingħata alkoħol lill-persuni taħt l-età, mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum, sena, b'sena,?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li mis-sena 2015 sal-lum, ma kien hemm ebda każ fejn il-Pulizija f'Għawdex ħadet passi għaliex inbiegħ jew ingħata alkoħol lill-persuni taħt l-età.

Kunsilli Lokali – ittra mibgħuta mingħand Green MT

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li numru ta' Kunsilli Lokali rċevew ittra mingħand Green MT fejn infurmathom li mhux ser ikomplu jiġbru l-iskart riċiklabbli wara l-aħħar ta' Frar 2018 u dan għax l-iskema trid tiġbor 5000 tunnellata ta' skart riċiklabbli inqas minn snin oħra? Jista' jgħid x'ser jagħmlu dawn il-Kunsilli Lokali li rċevew din l-ittra ta' terminazzjoni bikrija ta' kuntratt bl-iskart riċiklabbli tal-lokalità tagħhom? Il-Ministeru ħa passi fuq dan u jekk ħa, x'kienu dawn il-passi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li seba' Kunsilli Lokali minn Għawdex infurmaw lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali b’kopja ta’ ittra li rċevew dwar it-terminazzjoni tas-servizz. Il-Ministeru permezz tas-Segretarjat Parlamentari qed jaħdem mall-Ministeru responsabbli, dak tal-Ambjent, fejn qed tkun analizzata s-sitwazzjoni. Dan billi l-iskema biex jinġabar l-iskart riċiklat jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) li qegħdha wkoll tanalizza l-pożizzjoni skont it-termini tal-Liġi billi jiġi assigurat li s-servizz ma jieqafx.

Għawdex – Marsalforn – Triq il-Lifurna, Triq il-Wied u Triq il-Munġbell – tneħħija ta’ karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitneħħew tliet karozzi abbandunati li hemm fi Triq Liforna, fi Triq il-Wied u fi Triq il-Munġbell f'Marsalforn, iż-Żebbuġ, Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi t-tliet karozzi abbandunati li kien hemm fi Triq Liforna, fi Triq il-Wied u fi Triq il-Munġbell f'Marsalforn, iż-Żebbuġ, Għawdex, tneħħew mill-Pulizija.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – ħaddiema mħallsa mill-Gvern

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm ħaddiema li huma mħallsa mill-Gvern fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn huma tobba, kemm nurses u kemm ħaddiema oħra fi gradi oħra? Kemm kienet l-ispiża tal-pagi għall-Gvern, għall-ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. illi l-medja fis-sena ta’ ħaddiema li taw servizz fl-isptar Ġenerali t’Għawdex bejn l-2014 u l-2017 kienet 795.
Leg 13 PQ #3684 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema li joqogħdu Għawdex u jaħdmu Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li joqogħdu f'Għawdex u li qed jaħdmu f'Malta fis-Servizz Pubbliku jew ma’ xi Awtorità, entità jew korporazzjoni governattiva jew fejn il-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma? Ma’ liema dipartimenti, awtorità jew korporazzjonijiet jaħdmu dawn il-ħaddiema?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ ħaddiema li joqogħdu f’Għawdex u li jaħdmu fid-Dipartimenti jew fl-Awtoritajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa ta’ 32. Infurmat illi skont proċedura stabbilita introdotta fil-leġislatura li għaddiet, kull sitt xhur is-Servizz Pubbliku jaġġorna l-lista ta’ ħaddiema Għawdxin fi gradi klerikali u amministrattivi li jaħdmu f’Malta wara li l-uffiċċjali Għawdxin jigu mistoqsija jekk humiex interessati li jitilgħu jaħdmu Għawdex.

Parole – persuni li gawdew mis-sistema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni gawdew mis-sistema tal-parole, kull sena, fis-snin 2015, 2016 u 2017? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni bdew igawdu mill-parole eżatt f'nofs is-sentenza tagħhom u kemm minnhom aktar tard min-nofs is-sentenza? X'kienet ir-raġuni għalfejn persuni ngħataw il-parole wara li kienu skontaw iżjed min-nofs is-sentenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li : fl-2015, 24 persuna gawdiet mis-sistema tal-Parole fl-2016, 23 persuna gawdiet mis-sistema tal-Parole fl-2017, 18-il persuna gawdiet mis-sistema tal-Parole B’referenza għal Artiklu 11 (2) u 11 (5) tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi : Fl-2015, 8 persuni gawdew mill-Parole eżatt f’nofs is-sentenza tagħhom u 2 persuni aktar tard min-nofs is-sentenza. ‘Il-bqija bbenefikaw minn subartikli oħra, kif speċifikat f’Artiklu 11 ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Fl-2016, 14-il persuna gawdew mill-Parole eżatt f’nofs is-sentenza tagħhom u 3 persuni aktar tard min-nofs is-sentenza. ‘Il-bqija bbenefikaw minn subartikli oħra, kif speċifikat f’Artiklu 11 ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Fl-2017, 8 persuni gawdew mill-Parole eżatt f’nofs is-sentenza tagħhom u 4 persuni aktar tard min-nofs is-sentenza. Il-bqija bbenefikaw minn subartikli ohra, kif speċifikat f’Artiklu 11 ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. B’referenza għal Artiklu 11 (3) ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fejn dan jispjega li ‘Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, id-data ta’eliġibilità għall-parole ta’ priġunier li qed jiskonta kundanna ta’ priġunerija ta’ iktar minn seba’ snin għandha tiġi kkalkolata fuq tmienja u ħamsin fil-mija tat-total taż-żmien ta’ priġunerija tiegħu.’ Għalhekk, skont l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, mhux kull persuna trid tiskonta nofs is-sentenza tagħha biex tkun eliġibbli għall-Parole, bħal kif inhu speċifikat kemm f’Artiklu 11 (1) kif ukoll f’Artiklu 11 (3) ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Ripatariċi. Apparti minn hekk, f’ċerti każijiet, subartikli oħra ta’ l-istess Artiklu huma applikabbli.
Leg 13 PQ #3686 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – allegazzjonijiet ta’ rimi llegali ta’ demel likwidu

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3168, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rapport irċieva l-Ministeru tagħha u li ġie mgħoddi lill-Pulizija dwar rimi llegali ta' demel likwidu f'diversi żoni f'Għawdex? Tista' tagħti d-dati meta l-Ministeru għadda dawn ir-rapporti lill-Pulizija?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li s-sena l-oħra saru tlett rapporti dwar żbroff ta' demel. Dawn ġew irrappurtati fit-2 ta' Settembru 2017, fis-7 ta' Settembru 2017 u fit-22 ta' Settembru 2017 fl-Għassa tal-Pulizija tar- Rabat, Għawdex.
Leg 13 PQ #3687 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Post ċentrali fejn jinġabar demel likwidu tal-baqar

Question

Tista' l-Ministru tgħid li peress li f'Għawdex mhemmx post ċentrali fejn jinġabar demel likwidu tal-baqar: a) x'qed isir bħalissa minn dan id-demel likwidu; u b) jekk hemmx pjani mill-Ministeru għal Għawdex li jindirizzaw din il-problema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed jieħu sehem f’diskussjonijiet għal soluzzjonijiet fit-tul fuq bażi nazzjonali.

Malta Resources Authority – chairman u membri tal-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, min kienu ċ-chairman u l-membri tal-Bord tal-Malta Resources Authority (MRA), minn meta din twaqqfet sal-lum? Jista' jgħid kemm kien il-perjodu tal-ħatra ta’ kull membru, u jekk tul il-perjodu tal-ħatra kienx hemm xi membru li rriżenja jew twarrab mill-kariga?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi żewġ Tabelli fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Leg 13 PQ #3515 Sitting 82 2018-02-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Assistant Principals ingaġġati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati Assistant Principals mill-eżami li sar fl-2017? Kemm fadal persuni li għaddew mill-eżami iżda għadhom ma ġewx ingaġġati fil-grad ta' Assistant Principal?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġ ta’ Assistant Principals għaddej skont l-ordni tal-mertu tar-riżultat u li s’issa ġew ingaġġati 290. Il-kumplament jidħlu skont l-esiġenżi tas-servizz pubbliku.