Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – toroq

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3324, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux hu l-Ministru responsabbli mit-toroq? U jekk iva, allura għaliex ma jistax iwieġeb il-mistoqsija u jgħid kemm-il kilometru ta’ toroq saru f’Għawdex mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum permezz tal-framework agreement CT2003/2013? Jista’ jgħid liema huma dawn it-toroq li saru ġewwa Għawdex u kemm kienet l-ispiża globali fuq kull triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, hekk kif kienet il-prassi taħt diversi amministrazzjonijiet, it-toroq f'Għawdex, ħlief dawk magħrufa bħala Ten-T (Trans-European Transport Networks) u li jikkwalifikaw għal fondi tal-Unjoni Ewropea, jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru t'Għawdex. Madankollu, il-Gvern qed iħejji biex iwaqqaf aġenzija ffukata fuq l-iżvilupp infrasrutturali tat-toroq tal-pajjiż, sabiex iwettaq il-wegħda li jinvesti mas-€700 miljun għat-tiġdid u t-titjib tat-toroq madwar il-pajjiż. Għawdex mhux ser jitħalla barra minn din l-opportunità ta' infrastruttura aħjar. Fil-fatt, meta titwaqqaf, din l-aġenzija ġdida ser tibda tikkollabora mal-Ministeru t'Għawdex u mal-awtoritajiet konċernati, sabiex it-toroq ta' din il-gżira wkoll jibdew jibbenefikaw minn dan l-investiment bla preċedent għal toroq ta' kwalità ogħla, b'inqas diffikultajiet u riskji għal dawk li jużawhom, u għal trasport aktar effiċjenti u sostenibbli.

Ministeru għal Għawdex – bini li kien inbena mill-flus ta’ Eko-Għawdex

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalxiex qed jintuża llum il-bini li kien inbena mill-Ministeru għal Għawdex mill-flus ta’ Eko-Għawdex u li kellu jkun iċ-Child Development Centre f’Tal-Ibraġġ ħdejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista’ jgħid jekk din il-binja kollha hijiex amministrata mill-Ministeru għas-Saħħa jew jekk ġietx mgħoddija lil xi Ministeru ieħor jew xi kumpanija privata? Jekk iva lil min ġiet mgħoddija u għal liema skop?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja hija amministrata mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Leg 13 PQ #4295 Sitting 92 2018-03-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MCA – Direttiva bil-miktub fuq l-Artikolu 6 tal-Kap 418 tal-Liġijiet ta’ Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministru responsabbli qattx ta xi direttiva bil-miktub lil din l-Awtorità a tenur tal-Artikolu 6 tal-Kap. 418 tal-Liġijiet ta’ Malta, mid-data tat-twaqqif tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) sal-lum? Jekk iva, meta u fir-rigward ta’ xiex ingħatat din id-direttiva bil-miktub, mill-Ministru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) li m’għandha l-ebda dokumentazzjoni ta’ xi direttiva mogħtija lilha fil-passat bil-miktub skond l-Artiklu ċitat fil-mistoqsija tal-Interpellant.

Regolatur tas-Servizzi tal-Enerġija u tal-Ilma – Direttiva bil-miktub fuq l-Artikolu 7 tal-Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministru responsabbli qattx ta xi direttiva bil-miktub lill-imsemmi Regolatur a tenur tal-Artikolu 7 tal-Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta, mid-data tat-twaqqif tar-Regolatur tas-Servizzi tal-Energija u tal-Ilma (REWS) sal-lum? Jekk iva meta ta din id-direttiva u fir-rigward ta’ xiex ingħatat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li qatt ma ngħatat direttiva bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma a tenur tal-Artikolu 7 tal-Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta, mid-data tat-twaqqif tal-istess Regolatur sal-lum il-ġurnata.
Leg 13 PQ #4256 Sitting 91 2018-03-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – impjegati

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 363 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mal-Ministeru għal Għawdex jew xi wieħed mid-direttorati u d-dipartimenti li jaqgħu taħt dan il-Ministeru minn Marzu 2013 sa' Ġunju 2017? F’liema kariga u skala ġew impjegati dawn il-ħaddiema? F’kull każ tista’ tgħid jekk is-sejħa nħarġitx wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u jekk le, x'kienet ir-raġuni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 2789.
Leg 13 PQ #4257 Sitting 91 2018-03-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Senior Tradesmen ingaġġati mal-Ministeru għal Għawdex

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2499 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati Senior Tradesmen mal-Ministeru għal Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid f'kull każ meta nħarġet is-sejħa u tpoġġi kopja ta' kull sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra? Xi kwalifiki u/jew esperjenza ried ikollhom l-applikanti? X'etajiet għandhom dawk li ġew magħżula u f'kull każ dawk li kienu jirreġistraw għax-xogħol, kemm kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol? Tista' tikkonferma jekk dawk li ġew ingaġġati llum il-ġurnata, hux qed jagħmlu x-xogħol li għalih ġew ingaġġati jew ġewx mogħtija xogħol ieħor u jekk iva, x’inhu dan ix-xogħol l-ieħor?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-grad ta’ Senior Tradesmen ma jistax jimtela’ minn applikazzjonijiet esterni għaliex skont il-Ftehim Settorali, f’dan il-grad jiġu promossi biss ħaddiema li huma fil-grad ta’ Tradesmen u dan wara għaxar (10) snin fil-grad jew inkella wara ħames (5) snin jekk persuna tkun tipposedi Higher Technician Diploma jew kwalifika ekwivalenti jew Higher Technical qualification. Il-Promozzjoni tiġi effettiva jekk il-performance tal-persuna tkun ta’ livell sodisfaċenti.
Leg 13 PQ #4258 Sitting 91 2018-03-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – toroq li ngħataw wiċċ ġdid

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2582 u 2784 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid għaliex ma poġġietx fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tal-Perit kif ukoll kopja taċ-ċertifikat tat-testijiet għax-xogħol li sar fuq Triq ta’ Ċenċ, Sannat; Triq il-Fanal, Għasri; Triq Għajn Qasab, Nadur; Triq Għerxija, Sannat u Triq Pompej, Rabat, Għawdex? Dan ifisser li ċ-ċertifikat u testijiet ma sarux?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d dokumentazzjoni relatata ma’ dawn it toroq, bħalissa hija suġetta għall-investigazzjoni, u għalhekk m’għandniex aċċess għaliha
Leg 13 PQ #4259 Sitting 91 2018-03-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku — impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1796 u 2497 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru jgħid sal-aħħar ta’ Frar 2013, kemm kien hemm nies impjegati mas-Settur Pubbliku (inklużi intrapriżi pubbliċi)? Kemm minn dawn kienu impjegati full-time? Kemm minn dawn kienu impjegati fuq bażi part-time? Kemm minn dawn kienu impjegati f’position of trust? U kemm minn dawn kienu impjegati b’kuntratt definit?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 2497.

Għawdex – pompi tal-petrol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pompi tal-petrol f’Għawdex bil-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar? Jista’ jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet għall-permessi ta’ pompi tal-petrol ġodda f’Għawdex u jekk iva fejn huma s-siti li saret l-applikazzjoni fuqhom? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħataw liċenzji u permessi ġodda biex jinbnew pompi tal-petrol f’Għawdex?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4260, L-Awtorità iddeċidiet u approvat tlieta u għoxrin applikazzjoni (23) relatati ma’ pompi tal-petrol fil-gżira ta’ Għawdex minn meta bdiet l-Awtorità tal-Ippjanar fl-1993 sal lum. Bħalissa l-istess Awtorità għandha quddiema żewġ applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati għal xogħol relatat ma’ pompi tal-petrol, però dawn huma għal alterazzjonijiet jew irrinovar ta’ pompi eżistenti u mhux għal pompi ġodda. L-Awtorità ma tistax tikkometti, f’ dan l-istadju, jekk hux ser jingħata l-permess lill xi waħda minn dawn l-applikazzjonijiet peress li l-Bord tal-Ippjanar jew il-Kummissjoni tal-Ippjanar tkun trid tieħu deċiżjoni finali fuq il-meritu ta’ kull każ separat. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet, deċiżi u approvati jew applikazzjonijiet pendenti li ġew ivvalidati jew ippublikati, li huma indikati fl-istess sistema bħala fil-gżira ta’ Għawdex u li fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti. · Petrol · Fuel . Diesel

Sptar Ġenerali t’Għawdex – bini ta’ Orthopeadic Unit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm varjazzjonijiet għall-bini ta’ Orthopaedic Unit ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mit-tender oriġinali u jekk iva kemm kienet din il-varjazzjoni? Jista’ wkoll jgħid min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol fuq din il-binja u jpoġġi kopja tal-Compliance Certificate?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward ix-xogħol tal-bini tal-Orthopaedic Unit kien hemm varjazzjoni ta’ € 6,096.76. Ix-xogħol ġie iċċertifikat mill-Perit Cornelia Tabone. Il-Compliance (Completion) Certificate ser jiġi mitlub wara li jitlesta ix-xogħol tal-bankina fuq barra.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid mit-twaqqif tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) sal-lum, kemm-il Chairman ġew maħtura u għal kemm żmien kienet il-ħatra, jekk kienx hemm re-appointment, u jekk il-ħatra kenitx fuq bażi part-time jew full-time?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3003 magħmula mill-istess Interpellant, ninfurmah li din il-ħatra kienet fuq bażi part-time.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Chief Executive Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid mit-twaqqif tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) sal-lum, kemm il-Chief Executive Officer ġew maħtura u f’kull każ għal kemm żmien kienet il-ħatra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-twaqqif tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma inħatar Chief Executive Officer wieħed biss, bil-ħatra tkun għal ħames snin.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma — direttorati

Question

Jista' l-Ministru jgħid mit-twaqqif tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma (REWS) sal-lum, jekk twaqqfux xi direttorati fi ħdan ir-Regolatur u jekk iva fir-rigward ta’ liema oqsma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma twaqqaf ebda direttorat fi ħdan ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma.

Transport Malta – fondi allokati għal toroq f’Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3406 fejn il-Ministru għat-Trasport ġie mistoqsi biex jgħid kemm allokat fondi Transport Malta biex isiru toroq f'Għawdex matul is-sena 2017, fejn saru dawn it-toroq, kemm inġabu fondi tal-Unjoni Ewropea tramite Transport Malta matul l-2017 biex isiru toroq f'Għawdex u liema toroq inġabu dawn il-flus, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Ministru responsabbli minn Transport Malta peress li t-tweġiba għal dik il-mistoqsija kienet li talab li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat?

Response (BORG, IAN)

Waqt li nirringrazzja l-Onor. Interpellant tal-Mistoqsija tieghu, u iva nikkonfermalu li s-sottoskrit huwa l-Ministru politikament responsabbli minn Transport Malta, huwa jaf sal-lum kif dejjem ħadmu l-entitajiet Governattivi u l-Ministeru t’Għawdex f’dan ir-rigward. Għaldaqsant sabiex niżgura ruħi li nkun weġibt il-mistoqsija tiegħu, ninforma lill-istess Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Ġestjoni responsabbli mill-Fondi Ewropej li jistgħu jiffinanzjaw toroq minn network magħruf bħalha Ten-T, ma aġġudikat ebda sejħa relatata ma’ progetti ta’ toroq fis-sena msemmija – la fil-gżira ta’ Malta u lanqas fil-gżira Għawdxija.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Park and Ride

Question

Jista' l-Ministru, iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3372 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Park and Ride li kien qed jintuża għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex twaqqaf? Kemm kien ġie jiswa sakemm kien qed u baqa’ jiġi pprovdut is-servizz? Jista’ jgħid inħarġux tenders għal Park and Ride jew inkella ngħatawx permezz ta’ direct order?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-raġuni ewlenija li ma kompliex jiġi offrut is-servizz tal-Park and Ride kienet illi ma kienx qed isir użu ta’ din il-faċilita’ mill-pubbliku inġenerali u wisq inqas mill-ħaddiema tal-istess sptar. Is-servizz tat-transport li kien ipprovdut minn u lejn il-Park and Ride kien magħżul wara li saret call for quotes fejn kienet intagħżlet l-orħos offerta (minn tlieta) u li kienet konformi mal-esiġenzi rikjesti għal dan is-servizz mitlub.

Għawdex – Qrati tal-Ġustizzja – kawżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2266 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid preżentament kemm hu l-ammont ta' kawżi pendenti quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja f'Għawdex kemm dawk ta' Ġurisdizzjoni Superjuri, kif ukoll dawk tal-Familja, Ġurisdizzjoni Inferjuri, fil-qrati kollha ta' kompetenza kriminali, fit-tribunal tat-talbiet iż-żgħar eċċ?

Response (BONNICI, OWEN)

L-ammont ta' kawżi pendenti quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja f'Għawdex kemm dawk ta' Ġurisdizzjoni Superjuri, kif ukoll dawk tal-Familja, Ġurisdizzjoni Inferjuri, fil-qrati kollha ta' kompetenza kriminali, fit-tribunal tat-talbiet iż-żgħar eċċ., huwa skont kif muri fit-tabella annessa. Certament, l-istess tabella tkompli tikkonferma l-impenn ta’ dan il-Gvern li jnaqqas il-kawzi pendenti fil-Qrati Lokali sabiex finalment jibbenefikkaw ic-cittadini. Dawn ir-rizultati jagħtu iktar enerġija lill-Gvern biex ikompli bir-ritmu ta’ riformi sabiex il-proċessi ġudizzjarji jsiru iktar spediti. Kawżi pendenti fil-Qorti ta' Għawdex sal-31 ta' Jannar 2018 ĊIVILI kawżi pendenti fil-31/01/2018 kawżi pendenti fil-31/12/2012 ** Differenza mill-31/01/2018 ghall-31/12/2012; figuri negattivi juru tnaqqis mis-sena 2012 għall-31/01/2018 Superjuri Ġenerali 401 460 -59 Superjuri Familja 60 41 19 Ġurisdizzjoni Inferjuri 44 49 -5 Total Qrati ordinarji Ċivili 511 550 -39 Tribunal għal Talbiet Żgħar 36 19 17 Qorti tal-Appell Inferjuri Ċivili 6 17 -11 Bord tal-Kera 14 15 -1 Bord Dwar il-Kontroll tal-Kiri ta' Raba' 10 12 -2 Tribunal ta' Revizjoni Amministrattiva 9 8 1 KRIMINAL kawżi pendenti fil-31/01/2018 kawżi pendenti fil-31/12/2012 ** Differenza mill-31/01/2018 ghall-31/12/2012; figuri negattivi juru tnaqqis mis-sena 2012 għall-31/01/2018 Ġudikatura Kriminali 180 360 -180 Istruttorja 62 157 -95 Total Kriminal 242 517 -275 Sors: statistika interna tad-Dipartiment Appelli Kriminali Inferjuri 16 22 -6
Leg 13 PQ #3930 Sitting 89 2018-03-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Master Plan għal Kemmuna — konsultazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet konċernati dwar il-Master Plan għal Kemmuna? Meta hu maħsub li se jkun iffinalizzat dan il-Master Plan u min huma l-periti inkarigati mill-Ministeru fuq dan il-pjan?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel fażi tal-masterplan li tinkudi ż-żona tal-Blue Lagoon qed tiġi diskussa mal-ERA. Wara li jiġi ffinalizzat dan il-proċess ikun hemm konsultazzjoni iktar wiesgħa.
Leg 13 PQ #3931 Sitting 89 2018-03-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Awtorità tal-Ippjanar – development brief tal-Masterplan ta’ Marsalforn u Xlendi

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2695 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar għad-development brief tal-Masterplan ta' Marsalforn u Xlendi? Min huma l-periti nkarigati minn dan il-proċess min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex? Meta hu previst li jkun hemm konsultazzjoni mal-pubbliku dwar dan il-proġett kif ukoll meta hu previst li jibdew ix-xogħlijiet infrastrutturali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-Masterplan ta’ Marsalforn ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-proċess li jmiss huwa li dan il-proġett jitqassam f’fażijiet, u jinħarġu t-tenders meħtieġa. Fir-rigward tal- Masterplan tax-Xlendi, fil-preżent qed isiru d-diskussjonijiet neċessarji biex ikun identifikat ir-riġnerazzjoni li hemm bżonn u ix-xogħlijiet relatati li jridu jsiru li mistennija li jibdew jitwettqu sa min din is-sena. Il-Ministeru ġa beda jikkonsulta mal-pubbliku u l- istak eholders involuti

Għawdex – sit għal bini ta’ Djar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx identifikati siti ġewwa Għawdex fejn huwa ppjanat li jinbnew Djar għall-Anzjani? Jekk iva, fejn u meta saru l-applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan l-iżvilupp? Kemm hu mistenni li tkun tospita anzjani kull waħda minn dawn id-djar ippjanati għall-anzjani f’Għawdex?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għall-permess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk il-każijiet li l-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat l-applikazzjoni għal permess għalihom u li minn din id-deċiżjoni, sar appell u marru quddiem it-Tribunal ta' Reviżjoni mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum, sena b'sena? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-każijiet li fl-aħħar mill-aħħar it-Tribunal biddel id-deċiżjoni tal-Bord u ordna li jinħareġ il-permess u dan sena b'sena b'effett mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3949, it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar irċieva disa’ mija u sebgħa u disgħin (997) appell kontra rifjut ta’ applikazzjonijiet tal-ippjanar (planning applications) mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum li minnhom ġew milqugħa mitejn u erbgħa u ħamsin (254). It-tabella li ssegwi taqsam dawn l-ammonti sena b’sena kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Appeals Against PA Refusal Received Appeals Upheld 2013 154 54 2014 135 54 2015 141 49 2016 232 83 2017 306 14 2018 29 0 Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq appelli ndikati bħala ‘Appell kontra rifjut’ li ġew sottomessi mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum.