Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – restawr fuq il-Fanal tal-Ġordan — permessi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir restawr fuq il-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri, Għawdex? Jista' jgħid x'tip ta' permessi nħarġu biex isir dan ix-xogħol, min għamel l-applikazzjoni u x'moniteraġġ qed isir? Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar jiem jew ġimgħat dan ix-xogħol twaqqafx minn uffiċjali tal-Awtorità u jekk iva x'kienet ir-raġuni li għaliha ġie mwaqqaf dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk ix-xogħol għadux wieqaf?

Response (BORG, IAN)

Ir-restawr tal-Fanal tal-Gordan kien ġie approvat fl-applikazzjoni PA 682/09, liema permess iġib id-data tal- 11 ta’ Awissu 2010. Dan il-permess ġie mġedded fl-applikazzjoni bir-referenza PA 4104/15, liema permess huwa datat 9 ta’ Frar 2016. Kopji ta’ dawn il-permessi qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ewwel applikazzjoni saret f’isem Din l-Art Helwa filwaqt li l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess saret f’isem il-Ministeru għal Għawdex. Il-permessi msemmija ħargu b’kundizzjoni li r-restawr isir skont Restoration Method Statement li kien ġie analizzat waqt il-proċess ta’ l-applikazzjoni w inklu¿ bħala dokument approvat ma l-istess permessi. Barra minn hekk ġiet imposta garanzija bankarja biex tassigura li r-restawr isir skont ir-rekwiżiti ta’ dan id-dokument. Minkejja dan, l-uffiċjali tal-Heritage Planning Unit fi ħdan l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar b’kollabarazjoni sħiħa mall-Ministeru għal Għawdex xorta ltaqgħu riċentament u ddiskutew l-għandament tar-restawr, vis a vis ir -Restoration Method Statement , dejjem biex jiġi salvagwardjat il-patrmonju kulturali ta’ pajjiżna. Għalhekk ma jirriżultax li l-Awtorita ta’ l-Ippjanar ħadet xi azzjoni sabiex jiġi mwaqqaf ix-xogħol ta’ restawr imsemmi, fl-istess waqt, f’dan il-każ, l-Awtorita msemmija ma tistax tinforza li x-xogħolijiet approvati jitkomplew jew li ma jieqfux.

MCCAA — Uffiċċju għall-Kompetizzjoni - miżuri ta' sanzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4362, jista’ l-Ministru jispjega x’miżuri ta’ sanzjoni jistgħu jittieħdu mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni f’każ li miżura interim imposta fuq xi intrapriża tiġi injorata mill-intrapriża tenut kont ukoll li skont it-tweġiba mogħtija, l-Uffiċċju mhux f’pożizzjoni li jimponi penalitajiet fuq min jikser xi dispożizzjoni tal-Kap. 379?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li s-sentenza Federation Of Estate Agents Vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) Et kienet tirrigwarda n-nuqqas ta’ setgħa li għandu d-Direttur Ġenerali biex jimponi multa marbuta mal-ħruġ ta’ stqarrija ta’oġġezzjonjiet fir-rigward ta’ allegat ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni f’sitwazzjoni ta’ akkordji, deċiżjonijiet jew prattiki projbiti taħt l-artikolu 5 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni jew sitwazzjonjiet simili. Infurmat li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni qatt ma kellu sitwazzjoni fejn impona miżuri interim u dawn ġew injorati mill-intrapriżi. Peress li l-kwistjoni imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ma hijiex identika jew simili għall-każ fuq riferit ma jfissirx li l-prinċipji li joħorġu mis-sentenza fuq imsemmija japplikaw għal din is-sitwazzjoni ipotetika.
Leg 13 PQ #5051 Sitting 102 2018-04-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Malta – proġetti ġewwa Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti saru minn Projects Malta ġewwa Għawdex minn meta twaqqfet sal-lum? Jista' jgħid kemm sewa kull proġett? Xi proġetti hemm ippjanati minn Projects Malta ġewwa Għawdex matul is-sena 2018?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mit-twaqqif ta’ Projects Malta Ltd, il-gżira Għawdxija dejjem ingħatat prijorita’ għall-proġetti relatati mal-qasam tas-saħħa. Dawn il-proġetti jinkludu l-proġett tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fejn permezz ta’ investiment b’mudell ta’ PPP se jiżdiedu s-sodod, se jsir ukoll titjib fil-faċilitajiet tal-parkeġġ kemm ġewwa kif ukoll barra l-isptar u l-bini tal-iskola Barts. Sar ukoll rinnovar fir-Reception area tal-Isptar, beda x-xogħol fuq il-Pharmacy Stores, u għaddejjin il-pjani biex jiġu rilokati d-Detox u s-Social Work Unit barra mis-sit. Grazzi għal dan il-proġett fl-aħħar il-gżira Għawdxija se jkollha sptar li vera jixirqilha u mhux sptar tal-mistħija li sibna fl-2013.
Leg 13 PQ #5052 Sitting 102 2018-04-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Victoria Għawdex -Triq ta’ wara s-Sur — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan li t-triq li tinsab wara s-sur ġewwa Victoria Għawdex, tinbena mill-ġdid matul is-sena 2018, peress li tinstab fi stat ħażin ħafna?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li sar pjan għal xogħlijiet fuq it-toroq imma din it-triq mhix fil-pjan tas-sena 2018. Mhux eskluz li jsir xi major patching work iktar tard din is sena.

Għawdex — barrieri - materjal ta' kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm barrieri ġewwa Għawdex li għandhom il-permess li jirċievu materjal tal-kostruzzjoni? Jista’ jindika n-numru ta’ dawn il-barrieri, kif ukoll f'liema lokalità jinsabu u l-indirizz ta’ dawn il-barrieri?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex hemm tlett (3) barrieri li għandhom permess ambjentali sabiex jaċċettaw materjal ta’ kostruzzjoni. Dawn huma:- 1. Il-Barriera SG03 li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Xrajjah fil-limiti ta’ San Lawrenz 2. Il-Barriera SG02 li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Tal-Ponta fil-limiti ta’ San Lawrenz 3. Il-Barriera HG12 li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Klement fil-limiti tal-Qala.

Għawdex – Xewkija Industrial Estate – Triq it-Tessuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li Triq it-Tessuti ġewwa x-Xewkija Industrial Estate f'Għawdex ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat magħluqa għal kollox għat-traffiku? Jista' jgħix x’inhi r-raġuni li din it-triq ingħalqet mingħajr ebda avviż? Jista’ jgħid meta hi ppjanata li tinfetaħ? Jista' jgħid jekk din it-triq hux ser tinbena mill-ġdid? U jekk iva, kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa m'hemmx xogħlijiet għaddejin fi Triq it-Tessuti. Fir-rigward tal-MIPL, parti biss minn Triq it-Taflija ġiet temporanjament magħluqa bħala prekawzjoni ta’ Health & Safety minħabba xogħlijiet imwettqa għar-rilokazzjoni ta 'kejbils tal-enerġija u l-bini ta' ħajt li jżomm l-istess triq, relatati mal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li għaddej bħalissa.
Leg 13 PQ #5009 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett tat-taraġ ta’ Pjazza San Franġisk – tender għal xogħol ta’ finishing

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk għat-tieni darba konsekuttiva t-tender għal xogħol ta’ Finishing għall-proġett tat-taraġ ta’ Pjazza San Franġisk, ġiex ikkanċellat? Tista' tgħid x'kienet ir-raġuni, jekk ġie kkanċellat għat-tieni darba? Tista' tgħid kif ser ikompli dan il-proġett wara dan il-kanċellament tat-tender?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-offerti kienu technically non-compliant. Il-proċess beda biex tinħareġ tender ġdida.

Transport Malta – toroq ippjanati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jsemmi x'toroq hemm ippjanati, jekk hemm ippjanati, u kemm-il kilometru ta' toroq, ser isiru minn Transport Malta matul din is-sena 2018 ġewwa Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li ġejjin ser inressaq għad-diskussjoni tal-Parlament abboz ta' liġi għat-twaqqif tal-aġenzija ġdida li ser twettaq l-investiment infrastrutturali bla preċedent, b'valur ta' aktar minn €700 miljun, għal toroq aħjar f'pajjiżna. Il-Gvern ser ikun qed juża r-riżorsi u t-tim ta' esperti li din l-aġenzija ser ikollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex ikompli jsaħħaħ it-titjib tal-infrastruttura f'Għawdex ukoll, bl-istess mod li ser isir f'Malta. Din il-ħidma se ssir b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, mal-kunsilli lokali ta' din il-gżira u mal-entitajiet u l-individwi kollha involuti.
Leg 13 PQ #5011 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – Sports Complex – proġett ta’ surfacing ta’ multi-purpose pitches

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għall-proġett ta' surfacing ta' multi-purpose pitches ġewwa l-iSports Complex tar-Rabat, Għawdex ħarġitx tender u meta nħarġet? Tista’ tgħid jekk din it-tender ġietx awarded? Tista' tgħid fiex jikkonsisti dan il-proġett u kemm hi ppjanata l-ispiża fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti għas-surfacing tal-multipurpose pitches ħarġet fil-21 ta’ Novembru 2017 u għalqet fis-6 ta’ Diċembru 2017. Din it-tender għadha ma ġietx awarded, għaliex kien hemm appell li għadu pendenti. Il-proġett jikkonsisti fit-tqegħid ta’ poured-in-place, dual density, seamless surfacing material magħmul minn SBR (tip ta’ rubber) base course u EPDM (tip ieħor ta’ rubber) wear course. Is-surfacing ser ikun konformi mal-istandards EN 14877:2013 u DIN 18035-6:2014-12 li ġeneralment huma marbuta ma’ dan it-tip ta’ surfacing u sports. Għalhekk il-pitches ser jkunu jistgħu jintużaw għal sports varju, fosthom futsal, basketball, volleyball u tennis. Il-pitches se jkunu imdawlin kif meħtieġ. Ix-xogħol huwa ppjanat li jsir fi żmien tnax-il ġimgħa minn meta il-kuntrattur jingħata l-ordni biex jibda.

Fabbriki battala f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki battala ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Malta Industrial Parks (MIP) għandhiex kawżi pendenti dwar fabbriki f’Għawdex u jekk għandha kemm u x’tip ta’ kawżi huma?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma’ hemm l-ebda fabbrika battala ġewwa x-Xewkija Industrial Estate ħlief għal fabrikka waħda li ma tistax titqies bħala battala għax għad hemm proċeduri pendenti quddiem il-qorti'.
Leg 13 PQ #4618 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, issa li bdew id-diskussjonijiet dwar il-programm ta' finanzjament li jmiss mal-Unjoni Ewropea, jekk il-Gvern skattax dak li hemm fid-Dikjarazzjoni fuq Għawdex li hemm mat-trattat ta' adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni u ċjoè jekk Malta talbitx li l-Kummissjoni tirraporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' Għawdex u b'mod speċjali dwar id-differenzi fil-livelli ta' żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta? Jista' jgħid meta sar dan min-naħa tal-Gvern Malti u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba li saret min-naħa ta' Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kumpanija tal-Avjazzjoni — proġett

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar dettalji/żviluppi dwar il-proġett li kien ġie mħabbar minnu li se jqum €30 miljun imħabbar mill-Gvern f'Marzu 2017 u liema proġett għandu jsir mill-kumpanija tal-avjazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u dwaru kien ġie ffirmat memorandum of understanding mal-Malta Industrial Parks u l-Malta Enterprise? Jista' jgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali fuq dan il-proġett bediex u jekk le x’inhi r-raġuni li għadu ma bediex? Meta hu maħsub li se jitlesta dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati u l-kuntratti fuq dan il-proġett waslu fil-fażi finali tagħhom. Ix-xogħolijiet jibdew appena l-permessi neċessarji jiġu maħruġa mill-Planning Authority u huwa mistenni li jitlestu fi żmien tnax-il xahar.
Leg 13 PQ #4812 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni – ħatriet ta’ bord

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-ħatriet kemm taċ-Chairman kif ukoll tal-membri l-oħra tal-bord kenux fuq bażi full-time jew part-time mit-twaqqif tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni sad-data ta’ din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Anness jinsab it-tagħrif mitlub: Mr. Joseph V. Tabone 01 January 2001 - 28 April 2008 Full-Time Ing. Philip Micallef 29 April 2008 – 31 December 2012 Full-Time Dr. Antonio Ghio 10 December 2012 – 14 March 2013 Part-Time Dr. Edward Woods 01 May 2013 – 30 April 2016 Part-Time Dr. Edward Woods 01 May 2016 – to date Full Time Il-membri l-oħra tal-bord kollha ġew appuntati fuq bażi part-time.
Leg 13 PQ #4851 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħlijiet fuq toroq

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4258, tista’ l-Ministru tgħid x'investigazzjoni għaddejja fuq ix-xogħol li sar fuq Triq ta’ Ċenċ, Sannat; Triq il-Fanal, Għasri; Triq Għajn Qasab, Nadur; Triq ta’ Gerxija, Sannat u Triq Pompej, Rabat, Għawdex? Tista' tgħid f’liema xahar u sena sar ix-xogħol fuq kull waħda minn dawn it-toroq imsemmija? Tista' tgħid min qed imexxi din l-investigazzjoni? Tista' tgħid jekk il-file ta' dawn it-toroq jinsabux fil-pussess tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq imsemmija huma mertu ta’ Inkjesta Maġisterjali.
Leg 13 PQ #4973 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta’ Pjazza San Franġisk

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4263, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti l-ġodda li saru għall-Pjazza San Franġisk fir-Rabat, Għawdex? Tista' tgħid min kien il-perit li għamel il-pjanti oriġinali fil-leġiżlatura li għaddiet u kemm tħallas għax-xogħol tiegħu? Tista' tgħid min hu l-perit li għamel ix-xogħol fuq il-pjanti l-ġodda u kemm tħallas jew se jitħallas tax-xogħol tiegħu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-perit inkarigat mix-xogħol, huwa wieħed mill-Periti tad-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp (DPD) tal-Ministeru u ma hemm ebda ħlas miżjud mar-remunerazzjoni tiegħu. Qed inpoġġi ukoll il-pjanti relattivi fuq il-Mejda tal-Kamra

Kiri ta' Fire Engines

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il darba nkrew fire engines tad Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili minn kuntratturi privati biex jintużaw biex ixarrbu t-trab fit-twaqqigħ ta’ bini, mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid kemm minn dawn id-drabi kien għal xogħol f'Għawdex u kemm drabi għal xogħol f'Malta? Jista' jgħid min hu l-persuna li jawtorizza biex il-fire engines jinkrew għal dan l-iskop, u kemm hi l-miżata li jħallsu l-kuntratturi biex jinkrew għal dan l-iskop? Kemm daħħal b'kollox id-dipartiment minn dan it-tip ta' kiri minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ilu snin twal jikri l-Fire Engines lil terzi persuni għal diversi raġunijiet. Fl-aħħar 10 snin il-Protezzjoni Ċivili tat 1,263 servizz lill-kuntratturi privati u oħrajn kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dan is-servizz jingħata wkoll permezz tal-one stop shop u jinsab ukoll on line biex il-klijent ikun jista’ jinqeda aħjar u saħansitra jista’ jħallas ukoll on line. Mill-2013 sad-data imsemmija darba biss kien hemm kiri biex jintużaw ħalli jxarrbu t-trab waqt twaqqigħ li huwa l-istess wieħed imsemmi fil-mistoqsija. Peress li dawn l-applikazzjonijiet huma prassi hemm skrivan li jipproċessa dawn l-applikazzjonijiet. Il-prezz ivarja skont is-sigħat mitluba u d-Dipartiment f’dan il-każ tħallas €869.72.

Awtorità tal-Ippjanar – Xagħra Għawdex – applikazzjoni għal Construction of New Waste Water Discharge Point

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-iskop tal-applikazzjoni li saret mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-Construction of New Waste Water Discharge Point li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fix-Xewkija Għawdex? Jista’ jgħid fejn eżatt ser isir dan il-Waste Water Discharge Point u kemm art agrikola ser tittieħed għal dan l-iskop? Jista’ jgħid dan l-impjant kif ser jaffettwa r-residenti u l-istabbilimenti kummerċjali li hemm fl-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop ta’ din l-applikazzjoni huwa li jiġi provdut post speċifiku fejn l-operaturi tal-bowsers reġistrati jkollhom fejn jarmu d-drenaġġ fis-sistema. Dan l-iżvilupp ser ikompli jiffaċilita lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tinforza r-regolamenti għar-rimi tad-drenaġġ u żżid sistema ta’ traceability fuq kull min ikun qed jagħmel użu minn din il-faċilità. L-ebda art li bħalissa qed tintuża għal produzzjoni fl-agrikoltura mhi ser tkun qed tittieħed għal dan l-iżvilupp. Għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġi mistqarr f’din l-interpellanza, dan l-iżvilupp ma jistax jitqies bħala mpjant iżda post fejn l-operaturi tal- bowsers li jġorru d-drenaġġ jista’ jbattlu dan b’mod sigur. Ta’ min jgħid ukoll li mhux mistenni li dan il-proġett ikollu effett fuq resdienzi u/jew stabbilimenti kummerċjali.
Leg 13 PQ #4486 Sitting 99 2018-04-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Triq li mix-Xagħra twassal sal-bajja tar-Ramla

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex biex itaffi l-qagħda ħażina tat-Triq li mix-Xagħra twassal sal-Bajja tar-Ramla?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jiffinanzja parti sostanzjali mix-xogħlijiet għal din it-triq li kienet tagħmel parti minn Proġett Għawdex u li minnu, diversi lokalitajiet f’Għawdex qegħdin u ser igawdu minn tisbieħ u tranġar fit-toroq tul l-2018. It-tender ġie ppublikat, pproċessat u ngħata. Ix-xogħlijiet mistennija li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Il-fondi li alloka l-Ministeru għal Għawdex għal din it-triq huwa ta’ €150,015,05.

Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi – bord tat-tmexxija – laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn mindu twaqqfet l-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi (MRA) kemm-il darba il-Bord tat-tmexxja fi ħdan l-istess MRA, kellu laqgħat sena b’sena ? Kemm minn dawn il-laqgħat tal-Bord kienu dejjem preżenti l-membri kollha, u jekk tul il-laqgħat qattx ittieħed vot u jekk iva, kemm-il darba u dwar xiex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Leg 13 PQ #4601 Sitting 99 2018-04-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità Malta dwar il-Komunikazzjoni – Bord tat-tmexxija — laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn mindu twaqqfet l-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni (MCA), kemm-il darba l-Bord tat-tmexxja fi ħdan l-istess MCA kellu laqgħat sena b’sena ? Kemm minn dawn il-laqgħat tal-Bord kienu dejjem preżenti il-membri kollha, u jekk tul il-laqgħat qattx ittieħed vot u jekk iva kemm-il darba u dwar xiex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.