Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat, magna li tagħmel l-arthrogram fl-ispalla, ittieħdet mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex lejn Malta? Jista' jikkonferma li fl-aħħar jiem marru pazjenti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li qalulhom li l-arthrogram ma jistax isir iżjed Għawdex u jkollhom imorru Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
L-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni żbaljata. Fl-isptar Ġenerali t’Għawdex qatt ma kien hemm “magna li tagħmel l-arthrogram fl-ispalla”, aħseb u ara kemm din is-suppost magna ittieħdet minn Għawdex għal Malta.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk biex wieħed jingħata ċilindru tal-ossiġnu f'Għawdex issa flok €30 irid iħallas €97? Jista' jgħid jekk dan hux minnu u min ħa din id-deċiżjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
L-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni żbaljata. It-tariffa tal-kera taċ-ċilindri tal-ossiġnu f’Għawdex ilha ma tinbidel mill-2003.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex impjant ta' reverse osmosis f'Għawdex ġie deċiż mill-Ministeru tiegħu u/jew mill-Water Services Corporation (WSC) biex isir fil-bajja popolari ta' Ħondoq ir-Rummien? Jista' jispjega kif dan ser ikun l-ewwel impjant ta' reverse osmosis li ser isir f'bajja popolari fil-pajjiż kollu, peress li dawk li diġà qed joperaw kollha huma mbegħda minn bajjiet? Jista' jgħid xi studji saru mill-Ministeru tiegħu u/jew mill-WSC fuq l-impatt o meno li jista’ jkun hemm minn dan l-impjant u jpoġġi kopja ta' dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li l-post magħżul (binja eżistenti) diġà kien iservi għal dan l-użu u bħal l-impjanti kollha tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, huwa ħdejn il-baħar.
Ta’ min jgħid ukoll li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet l-istudji neċessarji kollha u tikkonferma li l-impjant ser jilħaq l-ogħla
standards
, inkluż dawk ambjentali.
Deep Water Quay Marsa – Tender ta’ refurbishment and upgrading works (Phase 2)
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijet li iktar minn 11-il xahar wara li nħarġet it-tender għal Refurbishment and Upgrading Works (Phase 2) fid-Deep Water Quay Marsa, din ġiet ikkanċellata fis-6 ta’ April 2018? X’inhu l-pass li jmiss? It-tender ser terġa’ toħroġ mill-ġdid? Sadanittant x’ser isir fl-immedjat f'din il-parti tad-Deep Water Quay, peress li din tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tat-tender għal xogħlijiet tal-Phase 2 fuq id- Deep Water Quay tal-Marsa, għadu ma ntemmx peress li issa jinsab fi stadju ta’ Appell.
Madankollu, nixtieq nirrimarka li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fuq l-istess moll tlestew, liema xogħlijiet kienu jinkludu tiswija u tisħiħ fl-istruttura tal-ħadid li tifforma il-pedament tal-moll, kostruzzjoni ta’ piles ġodda madwar il-perimetru ta’ barra tal-moll kif ukoll installazzjoni ta’ revetment, dan filwaqt li ġew kostruwiti wkoll cope beam u deck slab ġodda tal-konkos b’disinn ġdid.Sar ukoll tibdil u upgrading tal-bollards u fenders.Dawn ix-xogħlijiet saru sabiex il-moll, li kien fi stat hażin ħafna, ikun jista’ jingħata wiċċ ġdid u jiġi msaħħaħ kemm għall-użu minn bastimenti akbar li qegħdin diġà joperaw illum il-ġurnata kif ukoll bastimenti oħrajn li huma mistennija li jibdew joperaw fil-ġejjieni. Dan l- upgrading kien ukoll meħtieġ għall-operazzjoni ta’ merkanzija moderna skont il-ħtiġijiet tas-settur u tal-port.
Tista' l-Ministru tgħid, issa li bdew id-diskussjonijiet dwar il-programm ta' finanzjament li jmiss mal-Unjoni Ewropea, jekk il-Gvern skattax dak li hemm fid-Dikjarazzjoni fuq Għawdex li hemm mat-trattat ta' adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni u ċjoè jekk Malta talbitx li l-Kummissjoni tirraporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' Għawdex u b'mod speċjali dwar id-differenzi fil-livelli ta' żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta? Tista' tgħid meta sar dan min-naħa tal-Gvern Malti u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba li saret min-naħa ta' Malta?
Response (DALLI, HELENA)
Il-Gvern għadu ma skattax dan il-mekkaniżmu. Infakkar li l-proposti għall-Politika ta’ Koeżjoni għad iridu joħorġu lejn l-aħħar ta’ Mejju, wara li fit-2 ta’ Mejju għadhom kemm ħarġu biss il-proposti tal-qafas ġenerali tal-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea. Infakkar ukoll li l-aħħar darba li ġie skattat dan il-mekkaniżmu sar diversi xhur wara li ħarġu l-proposti għall-qafas ġenerali u għall-Politika ta’ Koeżjoni.
Tibdil Leġislattiv fil-Kap. 440 tal-Liġijiet ta’ Malta
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2642, jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol fuq l-abbozz li skont it-tweġiba mogħtija f'Novembru kien 'fi stadju avvanzat ħafna' tenut kont ukoll li r-Regolamenti (UE) 2016/679 jibda japplika mill-25 ta' Mejju 2018?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab influrmat li t-test tal-abbozz huwa konkluz wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropeja u se jgħaddi għat-tieni qari.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex fl-aħħar jiem il-Klinika tar-Rabat, Għawdex, spiċċat għal iżjed minn darba u għal sigħat twal mingħajr tabib? Jista’ jgħid min hu responsabbli li jara li fil-Klinika tar-Rabat, Għawdex, ikun hemm tabib kull ħin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’okkazjoni waħda ċ-ċentru tas-saħħa fir-Rabat Għawdex għal ftit ħin (madwar sagħtejn) kien mingħajr is-servizz ta’ tabib minħabba sitwazzjoni anomala fejn iż-żewġ tobba li kellhom ikunu xogħol dak inhar irraportaw li kienu ma jifilħux. Sakemm wasal tabib ieħor minflokom, pazjenti li kellhom bżonn attenzjoni medika urġenti setgħu jieħdu l-kura mill-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Wasteserv jew il-Ministeru, kellux ilmenti mill-ħaddiema li jaħdmu fl-impjant Tal-Kus fix-Xewkija, Għawdex dwar irwejjaħ u ħmieġ ieħor li ġej mill-impjant li sar mill-privat fl-istess sit tal-Wasteserv biex jilqa’ u jitratta d-demel likwidu tal-farms tal-baqar kollha f’Għawdex? X’qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jara li l-ħaddiema jkollhom ambjent tajjeb fuq il-post tax-xogħol tagħhom? Qabel tpoġġa dan l-impjant f’Tal-Kus, saru l-istudji neċessarji speċjalment dwar is-saħħa u s-sigurtà tan-numru kbir ta’ ħaddiema li jaħdmu f’dan is-sit?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament il-Wasteserv irċeviet ilment tramite l-Unjin rappreżentattiva tal-Ħaddiema rigward irwejjaħ allegatament ġenerati mill-impjant li jilqa’ u jittratta dan id-demel.
Instantanjament, il-Wasteserv ħadet passi sabiex tinvestiga dan l-ilment. Filwaqt li nstab li kien hemm okkażjoni fejn munzell li dam biex ġie trattat minn razzett partikolari, u rejjaħ meta ġie ipproċessat fl-impjant, jirriżulta li sa’ l-għada ma kien hemm l-ebda riħa nsapportabbli. Minn testijiet li saru nstab ukoll li ma kien hemm l-ebda preżenza ta’ gassijiet tat-tip H2S, CH4 u CO.
Il-kuntrattur li jħaddem dan l-impjant ġie nfurmat b’dan il-każ u mwissi sabiex munzelli antiki ma jiġux ipproċċesati f’din il-faċilità.
Fir-rigward ta’ studji neċessarji qabel tpoġġa dan l-impjant f’tal-Kus, nikkonferma li l-kuntrattur kien ġie mitlub jipprepara
risk assessment
għal dawn ix-xogħlijiet, u r-riskji misjuba ġew mitigati mill-istess kuntrattur. Nikkonferma wkoll illi l-Wasteserv perjodikament taċċerta li l-kuntrattur qiegħed jaħdem skond ir-rekwiżiti speċifikati f’dan ir-
risk assessment
. Kopja ta’ dan ir-rapport qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4441, tista’ l-Ministru tgħid jekk preżentement il-Gozo Youth Council hux kostitwit? Tista' tgħid għaliex l-ammont ta' €25,000 li kien hemm ivvutat għal Gozo Youth Council fl-estimi għas-snin 2016, 2017 u 2018 ma ntefaq xejn minnhom f’kull sena?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li preżentement il-Gozo Youth Regional Council huwa kostitwit. Ir-raġuni għaliex l-ammont ta’ €25,000 li kien ivvutat għal Gozo Youth Regional Council għas-snin 2016, 2017 u 2018 ma ntefaq xejn minnhom f’kull sena hija li l-ftehim propost mill-Ministeru għal Għawdex u approvat mill-Ministeru tal-Finanzi ma ġiex iffirmat min-naħa tal-Gozo Youth Regional Council. Inoltre, minn kemm ilu li ġie ri-kompost il-GYC, ma ressqu ebda proposta, proġett jew inizjattiva li magħhom hi marbuta talba għall-fondi.
Nadur – Triq l-Imġarr u Għajnsielem – Triq Sant’Antnin – survey report
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4429, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-survey report li sar fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur u Triq Sant'Antnin f'Għajnsielem? Tista' tgħid min għamel dan is-survey report u kemm kienet l-ispiża biex sar? Tista' tgħid x’inhu l-pass li jmiss fuq dawn iż-żewġ toroq?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-survey sar mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. Peress li se ikun hemm proċess ta’ procurement mhux għaqli li s-survey jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għajnuna MEUSAC – organizzazzjonijiet f’Għawdex li gawdew mill-fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
B'referenza għar-risposta tagħha għall-mistoqsija parlamentari 4603, fejn ġiet mistoqsija tgħid min huma s-70 organizzazzjoni f’Għawdex li mill-2008 ibbenefikaw ’il fuq minn €6.2 miljun f'fondi tal-Unjoni Ewropea permezz tal-għajnuna tal-MEUSAC kif ukoll tgħid minn kemm ibbenefikat kull organizzazzjoni u għal liema proġett u mil-liema programm, tista’ l-Ministru tgħid kif din l-informazzjoni hija waħda ta' natura fiduċjarja meta fil-fatt dawn huma fondi pubbliċi u l-pubbliku għandu kull dritt li jkun jaf kif qed jintużaw, kif inhuma fondi pubbliċi dak li qed tuża l-MEUSAC biex tagħti l-għajnuna tagħha lil dawn l-organizzazzjonijiet?
Response (DALLI, HELENA)
Il-MEUSAC ma qassam ebda fondi lil dawn l-organizzazzjonijiet. Il-MEUSAC assistihom fil-proċess ta’ applikazzjoni għal proġetti finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Għasri Għawdex – Skola Primarja tal-Knisja Laura Vicuna – għalliem tal-P.E.
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel id-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex fl-iSkola Primarja tal-Knisja Laura Vicuna tal-Għasri, Għawdex ikun hemm teacher tal-P.E. u dan peress li issa din l-iskola ilha sentejn bla għalliem ta' dan is-suġġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fir-rigward ta’ Edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja il-Ministeru jara li jiffinanzja l-Edukaturi kollha li jkollhom bżonn dawn l-iskejjel biex ikunu jistgħu jagħtu l-edukazzjoni sħiħa lill-istudenti li jattendu fihom. Infurmat li l-iskola msemmija għandha approvazzjoni min-naħa tad-Direttorat biex timpjega għalliem tal-P.E.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni għandux pjan li jamalgama xi skejjel primarji f’Għawdex? Jekk iva, jista’ jispjega x’hemm ippjanat u meta hu mistenni jseħħ dan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li ma jeżistix tali pjan.
Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex isir impjant ta' reverse osmosis fil-bajja ta' Ħondoq ir-Rummien? Jista' jgħid fiex waslet din l-applikazzjoni u x’inhi l-pożizzjoni tal-case officer fuq l-istess applikazzjoni? Intalab li jsir EIA fuq din l-applikazzjoni?
Response (BORG, IAN)
L-Awtorità tal-Ippjanar waslet quddiemha applikazzjoni għall-screening datata 23/03/2017 bin-numbru PA 00937/17 li tipproponi “Reactivation of use of building for desalination purposes. Restoration of the building envelope and changing cladding of the roofing system and main doors. Internal alterations within the building to include for a sea water reservoir, potable water reservoir and rainwater cistern, and workshop space and stores for equipment related to the plant. Use of existing office space as a training and experimental area and for exhibitions on related subjects. The reactivation for an existing pipeline to serve as a sea water overflow from wells and sea water reservoir. The boring of rock below the seabed for the laying of a pipeline below seabed for brine reject.”
L-Awtorità ħarget ‘screening letter’ datata 17/04/2017 li talbet lill-applikant jipprovdi fost informazzjoni oħra, l-istudji rikjesti mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Risorsi (ERA). Skont l-ERA, il-proġett ma jikkwalifikax għall-EIA (Environmental Impact Assessment). Però minħabba li s-sit huwa maġenb “Marine Protected Area”, intalab Appropriate Assessment skont artiklu 19 ta’ S.L.549.44.
Bħalissa, l-Awtorità tal-Ippjanar qegħdha fl-istadju li tistenna lill-applikant jipprovdi l-informazzjoni mitluba fl-i’screening letter’, sabiex tkun tista’ tivvalida u tibda tipproċessa l-applikazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux ippjanat li x-xogħol fi Triq it-Tiġrija ġewwa n-Nadur jinbeda matul is-sena 2018? Jekk iva, tista’ tgħid jekk inħarġux it-tenders? F’liema xahar tas-sena huwa ppjanat li jibda x-xogħol fuq din it-triq li tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta saret il-konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali dwar xogħlijiet fit-toroq din ma ġietx indikata għax-xogħol tal-2018.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa l-iscore board li twaħħal reċentement fis-sala tal-Gozo Sports Complex? Tista’ tgħid jekk ħarġitx tender biex jinxtara u jsir ix-xogħol fuqu? Tista' tgħid meta twaħħal u beda jintuża u minn min qed jitħaddem dan l-iscore board u kemm-il darba ġie użat sa issa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-iscore board li twaħħal riċentement fis-sala tal-Kumpless Sportiv ġie jiswa €33,004,60 (inkluż il-VAT). Dan inxtara permezz ta’ Direct Order approvata mill-Ministeru għall-Finanzi. Filwaqt li l-istallazzjoni saret mill-kuntrattur, it-tqegħid tal-cables tad-dawl u xogħol anċillari sar mill-Uffiċċju taċ-Chief Information Officer tal-Ministeru għal Għawdex u mill-ħaddiema tal-istess Kumpless Sportiv. L-iscore board twaħħal fis-7 ta’ Diċembru 2017 u beda jintuża l-Ħadd, 17 ta’ Diċembru 2017. Il-ħaddiema tal-Kumpless Sportiv qegħdin iħaddmu l-iscore board u sal-lum intuża kull darba li kien hemm attività tal-massa jew kampjonati sportivi fil-Kumpless Sportiv. Inżid ngħid li dan sar fuq talba ta’ diversi għaqdiet sportivi.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li ma hemmx Wi-Fi f'kull parti tal-Gozo Sports Complex fi Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex biex ikun jista’ jintuża mill-atleti u spettaturi? Hemm ħsieb li fil-futur qrib ikun hemm aċċess għall-Wi-Fi f'kull parti ta' dan il-Kumpless Sportiv?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li preżentement jeżisti Wi-Fi fis-sezzjoni tal-amministrazzjoni tal-Kumpless Sportiv t’Għawdex u fis-sezzjoni tal-Gozo Sports Board fl-istess kumpless. Qed tiġi evalwata l-possibbiltà li jkun hemm il-Wi-Fi f’kull parti ta’ dan il-kumpless bħala parti mill-proġett tal-Ministeru għal Għawdex li nestendu l-Wi-Fi madwar Għawdex u Kemmuna.
Tista’ l-Ministru tgħid x'investiment infrastrutturali sar sena b'sena mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum ġewwa d-Dwejra f'Għawdex? X'investiment hemm ippjanat li jsir matul is-sena 2018 fid-Dwejra?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-perijodu msemmi ma sar l-ebda xogħol ġewwa d-Dwejra f’Għawdex. Hemm ippjanat li matul is-sena 2018 tingħata l-aħħar kisja ta’ tarmak minn Triq il-Ġebla tal-Ġeneral sad-Dwejra.
Ministeru għal Għawdex – nefqa fuq tabelli li saru fit-toroq
Question
Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tagħha fuq tabelli li saru fit-toroq sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid min kienu l-kuntratturi li ħadu u għamlu dan ix-xogħol u kemm tħallsu ta' kull biċċa xogħol? Tista’ tgħid jekk għadx fadal kontijiet pendenti u jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni għal tali pendenzi fil-ħlasijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li bħalissa għaddej tender li preżentament jinsab fil-fażi tal-adjudication tiegħu.
Ministeru għal Għawdex – nefqa fuq żebgħa għas-sinjali u marki fl-art li saru fit-toroq
Question
Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tagħha fuq żebgħa għas-sinjali u marki fl-art li saru fit-toroq f'Għawdex sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid min kienu l-kuntratturi li ħadu u għamlu dan ix-xogħol u kemm tħallsu ta' kull biċċa xogħol? Tista’ tgħid jekk għadx fadal kontijiet pendenti u jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni għal tali pendenzi fil-ħlasijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid ngħid li x-xogħol ta’ żebgħa jsir mill-ħaddiema tar-Roads section fil-Ministeru għal Għawdex.
Attachments:Copy of PQ5257 - Żebgħa fit-toroq - Infiq.pdf