B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30101, jista’ l-Prim Ministru jelabora dwar il-miżuri li qed jittieħdu biex tiġi assikurata implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2024/900 tenut kont tal-fatt li l-imsemmi regolament jesiġi li Malta bħala stat membru tistabbilixxi regoli dwar is-sanzjonijiet jew miżuri oħra, skont kif neċessarju, applikabbli għall-isponsors jew għall-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għall-ksur tal-Artikoli 5 sa 17, 20 u 21 tal-imsemmi Regolament?
Ta’ Sannat - Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29497, li ngħatat fit-2 ta’ Lulju 2025 dwar meta ser jitkomplew ix-xogħlijiet fi Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri, f’Ta’ Sannat, fejn intqal li “x-xogħlijiet mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma tkompla ebda tip ta’ xogħol f’dawn it-toroq matul dawn ix-xahrejn? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħlijiet humiex ser jitkomplew immedjatament peress li l-livelli issa ilhom iktar minn xahrejn li ġew stabbiliti u hemm inkonvenjenti kbar għar-residenti u n-nies li ta’ kuljum jużaw dawn it-toroq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li, issa li f’dawn it-toroq ġew mgħoddija s-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ. Il-kuntrattur mistenni jkompli x xoghol fil gimghat li gejjin.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min ġie appuntat fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) minflok il-mibki Benny Borg Bonello? Jista’ jgħid xi proċess intuża biex intgħażlet din il-persuna?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Sur Etienn Caruana ġie appuntat membru fuq l-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur minflok is-Sur Benny Borg Bonello . Dan il-membru ġie appuntat skont it- termini t’artikolu 9(1)(b)(vii) tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap.510).
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22537, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret s’issa fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2024/1309?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-analizi ta’ dan ir-regolament ġew identifikati numru ta’ emendi leġislattivi. Id-Direttiva 2014/61/UE dwar miżuri biex titnaqqas l-ispiża tal-installazzjoni ta' netwerks ta' komunikazzjoni b'veloċità għolja, li dan ir-regolament qed jemenda, hija implimentata permess tal-Att nru XVIIII tal-2016 li primarjament emenda l-Att dwar l-Utilitajiet u s-Servizzi (Regolamentazzjoni ta' Ċerti Xogħlijiet) (KAP 81) u leġiżlazzjoni rilevanti oħra.
Ġew abbozzati emendi leġislattivi biex jemendaw dan li ġej:-
· Att dwar Ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi Kap.81
· Regolament Ġenerali dwar in-Networks u s-Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Ġenerali) (L.S. 399.48)
· Att għat-Twaqqif ta’ Awtorita ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni (Kap.418)
· Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva (Kap. 490)
· Att dwar l-Awtorita tal-Bini u l-Kostruzzjoni (Kap. 623)
· Regolament dwar aċċess għal Servizzi ta’Komunikazzjonijiet Elettroniċi fl-Infrastruttura Fiżika tal-Bini (L.S. 623.05).
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern jikkunsidrax li l-ħatriet tal-membri ta’ bordijiet regolatorji jsiru fuq bażi staggered (kif diġà inhu l-każ għar-Regolatur tal-Enerġija u Servizzi tal-Ilma (REWS), b’tali mod li l-ħatriet tal-membri ma jintemmux kollha fl-istess żmien u b’hekk tiġi żgurata ċerta kontinwità fil-ħsieb u fil-mod ta’ tmexxija tar-regolatur ikkonċernat?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern jikkunsidra l-idea ta’ skema ta’ rotazzjoni għall-ħatriet tal-membri f’bordijiet regolatorji, hekk kif diġà hija l-proċedura f’numru minn dawn il-bordijiet
.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29712, jista’ l-Ministru jagħti l-isem tad-ditti tal-avukati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer mal-entitajiet imsemmija fl-istess tweġiba? Jista’ wkoll jelenka l-IM u l-MATS b’mod preċiż għal liema entitajiet pubbliċi qed jirreferi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-ditti msemmija huma:
· Infrastructure Malta - Camilleri Preziosi u Dalli Advocates
· Malta Air Traffic Services - Sciberras & Associates.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2024/900?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li r-Regolament (UE) 2024/900 huwa applikabbli b'mod dirett, fejn il-provedimenti rispettivi jidħlu fis-sehh minn Ottubru 2025. Għal dan il-għan f’dan l-istadju għaddejja l-hidma necessarja sabiex jigi żgurat l-implimentazzjoni effettiva tal-provedimenti tar-Regolament rispettiv.
Jista’ l-Prim Ministru jelenka l-ismijiet tas-CEOs ta’ kull entità pubblika li taqa’ taħt id-dekastru tiegħu? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll meta ġiet appuntata l-persuna kkonċernata fil-kariga ta’ CEO, meta tiġi fit-tmiem il-ħatra tagħha u a bażi ta’ liema kriterji ntgħażlet?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 23760 fejn ma kien hemm l-ebda tibdil għas-CEOs appuntanti għajr (i) il-ħatra ta Brendan Zerafa bħala CEO fl-MCESD u (ii) l-fatt li s-SEM u l-NDSF m’għadħomx fid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Liġijiet li jirregolaw il-ħolqien ta’ regolaturi — Inkonsistenza
Question
Fid-dawl li fil-liġijiet li jirregolaw il-ħolqien ta’ diversi regolaturi hemm inkonsistenza rigward persuni li huma esklużi milli jkunu membri tal-bordijiet tar-regolaturi konċeranti, pereżempju f’xi istanzi hemm esklużjoni fir-rigward ta’ Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) u/jew kunsilliera lokali, waqt li f’oħrajn m’hemmx, jista’ l-Prim Ministru jikkunsidra li dawn l-inkonsistenzi fil-liġi jiġu eliminati?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern mhuwiex kontra l-prinċipju tal-uniformita’ fil-liġijiet li jirregolaw il-ħatriet ta’ regolaturi. Fl-istess waqt il-Gvern jifhem ukoll li jista’ jkun hemm ħatriet irregolati b’kundizzjonijiet aktar stretti minn dawk li japplikaw għal regolaturi oħra.
Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma — Bord tat-tmexxija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn fil-konfront tal-Bord tat-tmexxija tar-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS), skont il-paragrafu (a) tal-artikolu 3(9) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545 m’hemmx ukoll imsemmija membri tal-Parlament Ewropew bħala persuni li allura huma esklużi milli jkunu fuq il-Bord?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tip ta’ projbizzjoni msemmija minnu bdiet tiġi inkluża fl-Atti maħruġin b’liġi mill-Parlament ta’ Malta fi żminijiet riċenti, bħal fil-każ tal-Att tal-2024 fuq Azzjoni dwar il-Klima.
Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-entità pubblika li attwalment qed taqdi r-rwol ta’ Digital Services Coordinator għal Malta a tenur tar-Regolament tal-UE 2022/2065? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fi ħdan l-entità li qed taqdi din il-funzjoni li allura huma assenjati biex jassistu fil-ħidma tad-Digital Services Coordinator?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) ġiet maħtura bħala d-Digital Services Coordinator.
L-MCA ġiet maħtura bħala Digital Services Coordinator f'Marzu tal-2024. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-MCA investiet, u għadha qed tinvesti, fir-riżorsi tagħha biex twettaq dan ix-xogħol.
B'kollox, hemm primarjament erba’ persuni full-time equivalent involuti b'mod attiv f'xogħol relatat mar-rwol ta' Digital Services Coordinator.
Ta’ Sannat Għawdex - Triq it-Tabib Anton Tabone — Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq Triq it-Tabib Anton Tabone (magħrufa wkoll bħala ‘l-Qasam’), li twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat, huwiex lest minn kollox, peress li f’dawn l-aħħar ġranet reġgħet infetħet għat-traffiku u ma baqax isir xogħol fiha? Jista’ jgħid għaliex ma ġietx asfaltata l-parti kollha ta’ din it-triq iżda ġie asfaltat ġenb wieħed biss tat-triq? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-ġenb tat-triq li ġie asfaltat huwiex lest minn kollox?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq għandha tkun lesta fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqalgħu siġar tal-palm mill-ġonna tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mill-20 ta’ Marzu 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għaliex inqalgħu? Jista’ jgħid ukoll fejn ġew imħawla mill-ġdid dawn is-siġar tal-palm?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li mid-data msemmija nqalgħet siġra żgħira tal-palm li kienet marida. Sa issa ma nqala’ l-ebda palm ieħor. Madanakollu, sar xogħol ta’ tiżbir fil-kumplament tas-siġar tal-palm.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Gradi tal-entraturi prinċipali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew aktar minn tliet ġimgħat minn meta nqalgħu l-gradi taż-żewġ entraturi prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u sal-lum għadu ma twaħħal xejn minflokhom? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li dawn il-gradi jitwaħħlu mill-ġdid?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qiegħed isir xogħol ta’ tisbiħ fiż-żewġ entraturi prinċipali. Il-gradi taż-żewġ entraturi ta’ Għajn Qatet ġew imwaħħla u x-xogħol ta’ tisbiħ huwa lest. Intant, is-sejħa għall-offerti għal ‘automated barriers’ li se jitwaħħlu fl-entratura prinċipali li hemm fit-Triq l-Arċisqof Pietru Pace ingħalqet. Sadanittant, saret l-installazjoni elettrika biex appena jasal l-apparat tkun tista' teħel.
Awtorità tat-Trasport — Safety audits ta’ proġetti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26587, 27207, 27956 u 29586 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti f’Għawdex u Malta li għalihom saret talba lill-Awtorità tat-Trasport għal safety audit sal-aħħar ta’ Frar 2025? F’liema minn dawn saru rakkomandazzjonijiet għal titjib neċessarju, liema minnhom twettqu u liema minnhom għadhom ma twettqux?
Response (BONETT, CHRIS)
Ġejt infurmat li l-lista ta’ Road Safety Audits li qed taħdem fuqhom Transport Malta għal dawn l-aħħar sentejn hija kif ġej:
· Triq Manuel Dimech c/w Mdina Road, Qormi
· Triq l-Infetti, Mdina
· Mtarfa Bypass
· Marfa Road, Mellieħa
· Luqa interchange
· Kirkop tunnel airport interchange
· Triq il-Power Station, Marsaxlokk
· St Andrew’s Road, Pembroke
· Pjazza tal-Mosta
· Marfa Road, Għadira
· Mrieħel Bypass with Triq in-Negozju
· Msida Creek
· Tal-Barrani
· Ħal Far
· Swieqi / St Julian’s Junction
· Smart City link road
· Mdina Road, Żebbuġ
· Central Link Project
· Nadur
Kull proġett elenkat jinsab fi proċess ta’ awditjar.
CT2130/2025 — RECONSTRUCTION AND UPGRADING OF SEVERAL ROADS IN QALA AND NADUR, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex id-data tal-għeluq għas-sejħa CT2130/2025 - RECONSTRUCTION AND UPGRADING OF SEVERAL ROADS IN QALA AND NADUR, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE li kienet it-18 ta’ Ġunju 2025, ftit sigħat qabel ma kellha tagħlaq ġiet estiża għat-28 ta’ Awwissu 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispjega qiegħda ddettaljata fil-Clarification 2, ippubblikata fuq is-sistema tal-ePPS, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 30001 Clarification Note 2 CT2130_2025 Extension of Time.pdf
Il-Fontana Għawdex — Triq tal-Għajn - Bini mill-ġdid tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-bini mill-ġdid ta’ Triq tal-Għajn fil-Fontana, bejn Pjazza Santu Wistin u l-Knisja Parrokkjali, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid jekk it-tender ġietx abbozzata u f’liema xahar tas-sena 2025 hi mistennija li toħroġ din is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux rapporti dwar l-istat ta’ din it-triq u jekk iva, min għamilhom? Jista’ jqiegħed kopja ta’ dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġiet abbozzata u mistennija toħroġ fis-sena 2025.
Tista’ l-Ministru tgħid l-Enemalta kemm għandha generators mikrija mingħand il-privat f’Għawdex mill-bidu tas-sajf tal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll x’saħħa ta’ KVA għandhom dawn il-generators, mingħand min qed jinkrew, kif qed jinkrew u jekk humiex jinkrew wara li ħarġet sejħa pubblika jew permezz ta’ direct order?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta m’għandha l-ebda generator mikri mingħand il-privat f’Għawdex imma għandha 2 generators li jintużaw biex meta ssir manutenzjoni fis-substations, il-klijenti jingħataw il-provvista sakemm ix-xogħol ikun lest.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-preżent li jagħmlu xogħol ta’ ġardinara fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u kemm ilhom jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 5 ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ ġardinara fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fuq bażi ta’ xift u ilhom jagħmlu dan ix-xogħol madwar sena.