Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett imħabbar minnha f’Jannar li għadda u li kien ukoll imħabbar fl-aħħar baġit li kellu jiswa madwar €4 miljun ġewwa l-Port tal-Mġarr għas-sajjieda Għawdxin? Tista’ tgħid jekk it-tenders għal dan il-proġett ħarġux u ġewx awarded? Jekk le x'inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux u meta hu ppjanat li joħorġu t-tenders u jibda x-xogħol infrastrutturali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
L-evalwazzjoni tat-tender relatat mal-pontoon qed jiġi konkluż. L-ewwel abbozz tat-tender relatat mas-civil works ġie ppreparat u bħalissa qed jiġi evalwat mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Direttur għas-Sigurtà Soċjali – appelli ta’ persuni residenti f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex appelli mid-deċiżjonijiet tad-Direttur għas-Sigurtà Soċjali li jsiru minn persuni residenti f'Għawdex, ma jinstemgħux f'Għawdex? Jista' jikkunsidra li dawn l-appelli jibdew jinstemgħu f'Għawdex aktar u aktar meta ħafna minn dawk li jappellaw huma persuni li jkunu qed jiffaċċjaw ċertu problemi u b'hekk jiġi evitat skariġġ u tbatija bla bżonn għal dawn il-persuni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, t-talba tiegħu qed tiġi kkunsidrata għalkemm hemm xi diffikultajiet x’jingħelbu biex tkun tista titwettaq.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk max-xogħol li qed issir bħalissa fit-tieni parti ta’ Triq Għajn Qatet ġewwa r-Rabat Għawdex humiex se jsiru l-affarijiet kollha bl-ammonti kollha mniżżla fil-Bill of Quantities bħal:
a. BRC Fabric;
b. Concrete Hard Shoulder;
c. Precast Concrete Curb; u
d. bini tal-bankini?
Jekk le, x'inhi r-raġuni, u min ħa d-deċiżjoni u assuma r-responsabilità ta' dan kollu biex ma jsirux?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull fejn kien meħtieġ, l-items imsemmija, cioe` mill- “A” sa “D”, ġew attwati, u llum ix-xogħol kollu fuq Triq Għajn Qatet huwa konkluż.
Ir-Rabat Għawdex – Poliklinika – konsultazzjoni għar-rilokazzjoni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ konsultazzjoni saret, ma’ min saret u meta saret dwar ir-rilokazzjoni għall-post ieħor tal-poliklinika tar-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex issir din ir-rilokazzjoni u jekk iva meta saret u meta ħarġu l-permessi meħtieġa? Jista' jagħti n-numru ta' din l-applikazzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li flimkien mal-Ministeru Ta’ Għawdex qed isir xogħol sabiex il-popular Għawdxi jkollu Ċentru tas-Saħħa ġdid u modern fir-Rabat. Dan wara illi ċ-ċentru eżistenti sar żgħir wisq għal ħtiġijiet tal-pazjenti Għawdxin.
Fil fatt hu ppjanat illi jiżdiedu sew is-servizzi li ser jingħataw miċ-ċentru l-ġdid.
Tista’ l-Ministru tgħid fejn sar xogħol ta’ major patching bil-hot asphalt ġewwa Għawdex mit-3 ta’ Ġunju 2017 sal-lum? Tista' tgħid kemm kienet l-ispiża fuq kull waħda minn dawn ix-xogħlijiet? Tista' tgħid fejn hemm ippjanati li jsiru interventi ta’ major patching ġewwa Għawdex fil-ġimgħat li ġejjin (sal-aħħar tas-sena)?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li xogħol bil-Hot Asphalt jsir madwar Għawdex kollu, skont fejn ikun meħtieġ. Mill-aħħar tender tal-Hot Asphalt li ħarġet, sar xogħol maġġuri fi Triq Għajn Ħosna, Xagħra.
Marsalforn u r-Rabat Għawdex – frekwenza tal-karozza tal-linja
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li tiżdied il-frekwenza tal-bus bejn Marsalforn u r-Rabat Għawdex kemm fix-xitwa kif ukoll fis-sajf u dan peress li l-popolazzjoni ta' Marsalforn qed kulma jmur tiżdied u ħafna drabi qed tħalli n-nies l-art? Jista' jgħid hux possibbli li f'ċertu ħinijiet l-istess bus fuq ir-rotta ta' Marsalforn tibqa' dieħla sax-Xwejni?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward iż-żieda fil-frekwenza fuq ir-rotta 310, li isservi bejn ir-Rabat, Għawdex u Marsalforn, ittieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni. Madankollu ninsab infurmat li mhux possibli li din ir-rotta tiġi estiża għax-Xwejni minħabba diffikulta’ ta’ manuvrabilita’ tal-karozzi tal-linja fl-akwata.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq ġewwa Għawdex, li qegħdin fil-pjani ta’ Transport Malta jew tal-Aġenzija li qed tiġi mwaqqfa għat-toroq, biex jingħataw wiċċ ġdid minħabba l-istat ħażin li jinsabu fih?
Response (BORG, IAN)
Nitolbu lil Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijijiet parlamentari 4264 f’Seduta 92 u 5010 f’Seduta 101 rispettivament.
Campus ta’ Barts ġewwa Għawdex – sit ta’ kostruzzjoni — ħaddiema
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema u x'nazzjonalità huma li qed jaħdmu fuq is-sit ta’ kostruzzjoni fejn hu maħsub li jinbena l-campus ta’ Barts ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk it-timeframes prefissi għal meta għandha tinfetaħ l-iskola ta’ Barts humiex on target u meta hu mistenni li l-binja l-ġdida ta' din l-iskola tilqa' fiha l-ewwel studenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm madwar 30 ħaddiem jaħdem fis-siti ta’ kostruzzjoni relatati ma’ Barts fl-isptar Ġenerali ta Għawdex. Ix-xogħol hu miexi skont il-pjan u t-timeframes mifthema. L-iskola hi mistennija li tilqa` fiha l-ewwel studenti fl-2019.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-paga medja f'Malta u kemm kienet il-paga medja għal dawk li jaħdmu f'Għawdex f'għeluq is-sena 2017?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni li tinsab fit-tabella hawn taħt inħadmet mill-Labour Force Survey.
Salarju medju annwali għall-impjegati skont il-post fejn jaħdmu: 2017
Post tax-Xogħol
Paga Medja
Malta
18,309
Għawdex
16,046
Nota
:
Paga medja fis-sena tirreferi għal dik il-paga li jirċievu l-impjegati qabel ma jitnaqqsu
kontribuzzjonijiet soċjali u l-ammont taxxabli. Dan l-ammont jeskludi ħlas ta’ sahra,
allowances oħra u bonuses.
Il-paga medja influenzata mid-daqs tas-settur, tal-pajjiz jew reġjun.
Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex – Għajnuna għal ġbir tal-Iskart minn Marsalforn
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk għas-Sajf 2018 hemmx l-intenzjoni li l-Ministeru jgħin finanzjarjament lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ sabiex matul ix-xhur sajfin jagħmel it-tieni ġabra tal-iskart mil-lokalità ta' Marsalforn fejn f'dawn ix-xhur il-popolazzjoni tiżdied sew? Jekk iva, kemm se tkun l-għajnuna li se tingħata u jekk le, għaliex mhux ser tingħata għajnuna?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tieni ġabra tal-iskart mil-lokalità ta' Marsalforn diġà bdiet. Din qiegħda ssir b’għajnuna finanzjarja mill-Ministeru u li tammonta bejn it- €13,000 u l- €14,000 VAT inkluż.
Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri hawn fis-seħħ biex jiġi kkontrollat l-użu tad-drones? Jaħseb li hawn miżuri biżżejjed? Jekk le għandu l-ħsieb li jkun hemm regolamenti dwar l-użu ta' drones li dejjem qed jiżdied?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispazju tal-ajru ta’ Malta u Għawdex huwa klassifikat bħala spazju tal-ajru kkontrollat u għalhekk kull tip ta’ aircrafts inklużi drones iridu japplikaw għal permess.
Is-sit eletroniku ta’ Transport Malta toffri informazzjoni dwar il-permessi meħtiega għall-użu ta’ drones. Infatti qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-formola ta’ dikjarazzjoni għal użu sikur ta’ drones maħruġa minn Transport Malta. Fiha ssib informazzjoni rigward il-permessi meħtieġa kif ukoll il-parametri ta’ żoni restritti.
Inħarġu diversi permessi għall-operaturi ta’ drones wara li ddikjaraw li d-drone ser jiġi użat fil-parametri restritti.
Fix-xhur li ġejjin huwa antiċipat li l-European Aviation Safety Agency – EASA - se tippubblika r-regolamenti tad-drones meħtieġa li jiġu applikabbli għall-Ewropa kollha.
Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – dispożizzjonijiet fil-każ tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-artikolu 48B tal-Kap. 497, l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, fir-rigward tal-awtoritajiet u entitajiet oħra pubbliċi elenkati fil-Ħames Skeda tal-istess Kapitlu, jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-istess artikolu fil-każ tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma japplikaw kemm għaċ-chairman u membri tal-Bord tal-istess regolatur filwaqt li fil-każ ta’ awtoritajiet oħra pubbliċi msemmija fl-istess lista hemm biss imsemmija ċ-chairman jew il-persuna li għandha l-headship tal-awtorità jew entità konċernata?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Membru għall-fatt illi t-tielet parti tat-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap 497 ssemmi biss “Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-enerġija u l-Ilma”.
Tista' l-Ministru tgħid x'oġġetti kienu mdaħħla fl-inventarji rispettivi, li hemm f'kull uffiċċju, sezzjoni jew taqsima ta' kull Dipartiment li jaqa' fid-dekasteru tagħha fl-aħħar ta' April 2018? Tista' tagħti l-valuri ta' dawn l-oġġetti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Copy of PQ NRU 6602 MINISTERU GĦAL GĦAWDEX - OĠĠETTI INVENTARJU.pdf
Ministeru għal Għawdex – standard item of expenditure — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa taħt kull standard item of expenditure tal-vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex sena b'sena mis-sena 2013 sal-lum? Jista jgħid x’hemm flus kommessi biex jitħallsu din is-sena taħt kull standard item?
Programmi Operattivi I u II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2014-2020 – Fondi Strutturali u Fond ta’ Koeżjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi proġetti/skemi taħt il-Programmi Operattivi I u II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2014-2020 – Fondi Strutturali u Fond ta’ Koeżjoni – li huma proposti u li qed jistennew l-approvazzjoni tal-gvern li minnhom se jibbenefika Għawdex? Liema huma dawn il-proġetti/skemi? Kemm se jibbenefika f’kull każ? Meta mistennija li jiġu approvati?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti approvati s’issa li minnhom se jibbenifika Għawdex minn diversi Fondi Ewropej (2014/2020).
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4779, dwar il-proġett li kien ġie mħabbar minnu u li kellu jqum €30 miljun kif imħabbar mill-Gvern f'Marzu 2017, liema proġett għandu jsir mill-kumpanija tal-avjazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk in-negozjati ngħalqux u l-kuntratti sarux? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, ta’ dan l-iżvilupp? Jista’ jgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali hux ser jibda matul is-sena 2018? Jista’ jikkonferma jekk dan il-proġett hux ser iseħħ kif imwiegħed iktar minn sena ilu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett għadu għaddej kif pjanat. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew kif joħorgu il-permessi meħtieġa mid-Dipartimenti tal-Gvern inkluż dawk tal-avjazzjoni.
Il-parametri tal-proġett kif tħabbru ma nbiddlu xejn. Ix-xogħlijiet se jibdew mill-aktar fis possibli.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett taċ-ċentru reġjonali għad-distribuzzjoni f’Malta mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li kien tħabbar minnu f'Marzu 2017 u kellu jimpjega 120 ruħ, huwiex ser isir jew le? U jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol infrastrutturali u jitlesta?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà weġibna f’mistoqsijiet parlamentari preċedenti, l-proġett tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jirrikjedi ammont ta’ art sostanzjali biex ikun vijabbli. Għaldaqstant, iż-żewġ partijiet qed jiddiskutu biex jaslu għal ftehim vijabbli għaż-żewġ partijiet.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5128 li ġiet imwieġba fit-23.4.2018 fejn intqal li x-xogħol fi Triq Ta’ Ġorf ix-Xagħra kellu jinbeda fil-ġranet sussegwenti, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li wara tmien ġimgħat, ix-xogħol fuq din it-triq għadu ma bediex? X’inhi r-raġuni li għadu ma bedix ix-xogħol? Meta ser jinbeda u ser jitlesta x-xogħol fuq din it-triq ġewwa x-Xagħra Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ġie awarded it-tender, saru diskussjonijiet mal-Water Services Corporation dwar servizzi meħtieġa, iżda l-Ministeru ġie mwaqqaf permezz ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni hekk kif kienu se jibdew ix-xogħlijiet
Ministeru għal Għawdex – Senior Management – transport allowance
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm uffiċjali mis-senior management tal-Ministeru għal Għawdex inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, qegħdin jirċievu Transport Allowance? Tista’ tgħid ukoll il-pożizzjoni ta’ kull uffiċjal, kif ukoll id-data li beda jirċievi tali allowance?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Copy of PQ 6456 Senior Management Transport Allowance.pdf
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5967 li fiha saret referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5900, tista' l-Ministru tgħid jekk skont Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations, l-awtoritajiet kontraenti huma obbligati li jippubblikaw fil-Gazzetta tal-Gvern il-kuntratti li jkunu ngħataw minnhom b’valur li jeċċedi l-€5,000 biss? Għaldaqstant, peress li d-direct orders li jammontaw għal anqas minn €5,000 ma jiġux ippubblikati, tista’ tgħid kemm ingħataw tali direct orders bejn Marzu 2013 sal-lum mill-Ministeru għal Għawdex inkluż id-direttorati u l-entitajiet li jaqgħu taħtha? Tista’ tgħid ukoll lil min ingħataw u kemm kien l-ammont ta’ flus għal kull tali direct order? Tista’ tagħti dan it-tagħrif xahar b’xahar u sena b’sena?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpllant li l-informazzjoni għal din il-mistoqsija parlamentari għadu qed jinġabar. Ta’ min japprezza l-fatt li informazzjoni ta’ dan it-tip tieħu ammont konsiderevoli ta’ żmien biex tiġi miġbura.