Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #6995 Sitting 158 2018-11-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5744 u tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-Ministeru tagħha jew mad-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid f’liema grad ġew impjegati u f'kull każ saritx sejħa pubblika għal dawn il-postijiet? Tista' tgħid f'kull każ x'kienu r-rekwiżiti u l-kwalifiċi mitluba għal dawn il-pożizzjonijiet? Tista' tgħid kemm minn dawn il-persuni impjegati għadhom fl-istess pożizzjoni sal-lum u jekk ma għadhomx fil-pożizzjoni li fiha ġew impjegati, wara kemm żmien ġew trasferiti għal xogħol ieħor u f’liema grad qegħdin illum?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini ta’ toroq f’Għawdex — allegazzjonijiet dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet - investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet li ħarġu f'Lulju 2017 dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet oħra fil-bini ta‘ toroq f'Għawdex ġietx konkluża? Jekk ġiet konkluża x'passi ttieħdu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha għaddejja u li għaddejja wkoll Inkjesta Maġisterjali.

Ħondoq ir-Rummien – Reverse Osmosis

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-Reverse Osmosis ġdid f’Ħondoq ir-Rummien bediex jipproduċi ilma u jekk iva, jista’ jagħti kemm il-kubu ilma ġie prodott minn dan ir-RO sal-lum? Jekk dan ir-Reverse Osmosis għadu ma bediex jipproduċi ilma, jista' jgħid meta hu mistenni li jibda jipproduċi ilma? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet jew ser tkun l-ispiża totali fuq dan ir-RO?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għar-Reverse Osmosis ġdid f’Ħondoq ir-Rummien qiegħed fit-tmiem tal-proċess u dalwaqt ikun iffirmat il-kuntratt.
Leg 13 PQ #7011 Sitting 158 2018-11-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skola Medika ta’ Barts — studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid, issa li bdiet is-sena skolastika, kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-Iskola Medika ta' Barts f'Għawdex? Liema korsijiet qegħdin isegwu dawn l-istudenti u kemm hemm studenti f'kull kors? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalità huma dawn l-istudenti u kemm minnhom qed isegwu l-kors bi scholarship?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4317.

Għawdex – rapport ta’ serq ta’ karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza ġiet irrappurtata misruqa u kemm minn dan is-serq ta' karozzi kien rappurtat f'Għawdex mill-bidu tas-sena 2015 sal-lum, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid kemm minn dawn il-karozzi rrappurtati nieqsa fil-fatt instabu u jagħti ċifra għall-Malta u oħra għal Għawdex? Jista' jgħid għall-istess perjodu u sena b'sena kemm kien rappurtat serq minn karozzi u kemm minn dan is-serq minn karozzi kien f'Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta’ Jannar 2015 u t-tletin ta’ Settembru 2018 ġew irrapurtati misruqa elf u tlieta u sittin (1,063) vettura. Minn dawn instabu ħames mija u ħamsa u erbgħin (545) filwaqt li ħames mija u tmintax (518) għadhom mhux irkuprati. Informazzjoni dettaljata kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #7047 Sitting 158 2018-11-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex – laqgħat ta’ konsultazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa ta' konsultazzjoni saret dwar il-proċess għat-Twaqqif ta' Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta' Għawdex fil-perjodu li kien miftuħ għall-konsultazzjoni? Tista' tgħid għal kull laqgħa min kien preżenti u tippreżenta kopja tal-minuti miżmuma ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat? Tista' tgħid kemm saru sottomissjonijiet bil-miktub dwar it-twaqqif tal-istess Awtorità matul l-istess perjodu ta' konsultazzjoni? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess sottomissjonijiet li saru?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni skatta fit-3 t’Awwissu 2018 f’liema okkazzjoni l-Onorevoli Interpellant kien ukoll preżenti. Issa li spiċċa dan il-proċess, l-abbozz sar u ġie ppreżentat lill-Membri Għawdxin tal-Oppożizzjoni għar-reazzjoni u/jew kummenti tagħhom. Jonqos issa li jiġi ppubblikat l-abbozz formalment fejn wkoll sal-istadju tat-tielet qari ser ikun possibbli għall-pubbliku u stakeholders li jgħaddu l-kummenti u suġġerimenti tagħhom.
Leg 13 PQ #6989 Sitting 155 2018-11-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Każini tal-baned f’Għawdex li bbenefikaw minn għajnuna finanzjarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid, kemm kien hemm każini tal-baned f'Għawdex li bbenefikaw minn xi għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Ministeru jew xi entità li taqa' taħt id-dekasteru tagħha mis-sena 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena? F'kull każ liema kienu dawn il-każini u x'kien l-ammont finanzjarju li ħadu? X'kien l-iskop tal-għajnuna li ngħatat?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar il-Ġdid f’Għawdex

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jibda jopera l-Isptar il-Ġdid f'Għawdex u dan peress li f'Konferenza Stampa li kienet ġiet irrapurtata fil-mezzi tax-xandir fit-18 ta' Ġunju 2016 kien tenna li dan l-Isptar ġdid kellu jkun fih 450 sodda, 250 acute beds u 200 geriatric beds? Jista' jgħid jekk ix-xogħol ta' kostruzzjoni ta' dan l-Isptar, issa li għaddew aktar minn sentejn, bediex? Jista’ jgħid jekk inħarġux il-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar u jekk iva x'numru fih dan il-permess? Jekk għadhom ma nħarġux il-permessi, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-kampus tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex miexi sew. Tant hu hekk illi fil-ġranet li ġejjin ser tiġi inawgurata l-Anatomy School ġdida waqt illi x-xogħol fuq il-Medical School ta’ Barts issa tela’ sat-tielet sular.
Leg 13 PQ #6991 Sitting 155 2018-11-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn Għawdex – Ġnien tat-Tliet Għoljiet — tiswija

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li ser issir it-tiswija li hemm bżonn fid-dwal maħruqin u l-feature tal-ilma li hemm fil-Ġnien tat-Tliet Għoljiet f'Marsalforn, Għawdex? Tista' tgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li ssir manutenzjoni lill-apparat tal-logħob li hemm f'dan il-Ġnien u li huwa bis-sadid?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn stħarriġ li għamlu l-inġiniera tal-Ministeru nstab li d-dwal fil-fatt mhumiex maħruqa. Jidher li numru ta’ ġrieden għamlu ħsara fil-wires li jipprovdu l-kurrent lil dawn id-dwal. Qegħdin isiru preparamenti sabiex dawn il-wires jinbidlu u d-dwal jitranġaw. Il-feature tal-ilma għandha problemi iktar serji. Jidher li l-ġibjun li minnu jittella l-ilma għandu leakage qawwi u ma jżommx ilma. Din trid iktar ħin sabiex tissewwa. Rigward l-apparat tal-logħob li jinsab f’dan il-ġnien, bħalissa għaddejjin arranġamenti mal-kuntrattur sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa.

Xagħra Għawdex – Park tal-Familja fil-Qortin – xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5887, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Park tal-Familja fil-Qortin fix-Xagħra Għawdex fejn qabel kien hemm il-miżbla u li din ġiet magħluqa u rijabilitata? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar u jekk inħarġux it-tenders biex isir ix-xogħol fuq dan il-Park tal-Familja? Jista' jgħid ukoll jekk dan il-park hux ser ikun aċċessibbli u lest għall-familji Għawdxin matul is-sena 2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għax-xogħol fuq il-landfill tal-Qortin ġiet ippublikata, filwaqt li l-applikazzjoni għal-permess tax-xogħlijiet għada fil-proċess tal-Planning Authority. Madankollu l'ebda offerta ma daħlet għas-sejħa tax-xogħlijiet u b'hekk ma jistax jiġi garantit li l-park se jkun miftuħ għal pubbliku sal-aħħar ta' 2018. Is-sejħa tax-xogħlijiet se terġa’ toħroġ fuq is-suq sakemm ikun hemm kuntrattur disponibbli.
Leg 13 PQ #6993 Sitting 155 2018-11-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – kastig mogħti lill-impjegati

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 5643 u 6009, tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-perjodu minn Marzu 2013 sal-lum, kienx hemm impjegati li ngħataw kastig minimu bħalma hija twiddiba bil-miktub eċċ. għal nuqqasijiet imwettqa minnhom? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid x' kien il-grad ta' kull impjegat li ngħata dan il-kastig minuri u x'tip ta' kastig minuri kien?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqisja parlamentrari 6009.
Leg 13 PQ #6994 Sitting 155 2018-11-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Persuni ingaġġati ġodda

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5787 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni impjegati ġodda, fuq bażi permanenti/kuntratt indefinit jew b'kuntratt definit jew impjegati ingaġġati permezz ta' xi skema tax-xogħol, f'kull dipartiment jew entità li taqa' taħt il-Ministeru tagħha minn Marzu 2013 sal-lum, maqsuma xahar b'xahar u sena b'sena? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-grad u l-iskala ta' salarju ta' kull impjegat?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqisja parlamentrari 5787s.
Leg 13 PQ #6980 Sitting 153 2018-10-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – għajnuna għaż-żamma ta’ festivals tematiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid, matul is-sena 2018, liema festivals tematici ġodda saru għall-ewwel darba f'Għawdex? F'kull każ, minn min ġie organizzat kull festival tematiku ġdid li sar għall-ewwel darba? Kemm kienet l-għajnuna li ngħatat mill-Ministeru għal Għawdex għal kull wieħed minn dawn il-festivals tematici ġodda?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #6981 Sitting 153 2018-10-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – għajnuna lill-għaqdiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid, mis-sena 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena, kemm kien hemm għaqdiet sportivi f'Għawdex li bbenefikaw minn xi għajnuna finanzjarja? F’kull każ, liema kienu dawn l-għaqdiet u x'kien l-ammont finanzjarju li ħadu? X'kien l-iskop ta' kull għajnuna li ngħatat?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #6982 Sitting 153 2018-10-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Għajnsielem — xogħol fuq it-taraġ tal-Pjazza San Franġisk u d-Dar tal-Anzjani

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq it-taraġ li jwassal għal Pjazza San Franġisk u d-Dar tal-Anzjani f'Għajnsielem u dan peress li fil-Baġit li nqara sena ilu kien ntqal "Proġetti kapitali li kienu nbdew fil-Leġiżlatura li għaddiet, bħat-taraġ ta' San Franġisk u d-Dar tal-Anzjani f'Għajnsielem, għaddejjin bil-proċess tas-sejħiet tal-offerti, biex dawn il-progetti jiġu finalizzati"? Peress li għaddiet sena minn meta nqara dak il-Baġit, tista' l-Ministru tgħid jekk dawn il-proġetti ġewx finalizzati? Jekk le, tista' tgħid x'xogħol sar matul din is-sena fuq dawn il-proġetti? Tista' tgħid meta se jibda jintuża t-taraġ ta' Pjazza San Franġisk u meta d-Dar tal-Anzjani se tilqa' l-ewwel anzjani?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dwar it-tarag issa ser isir Ċentru tas-Saħħa u ġew ippublikati t-tenders il-ġodda filwaqt li t-taraġ ser isir bil-możajk li ġie kkummissjonat minn Fr Roberto Gauci. Iċ-Ċentru tas-Saħħa mistenni jkun funzjonabbli fl-2019. Nel frattemp ħareġ ukoll it-tender tal-Pjazza ta’ San Franġisk fejn ix-xogħolijiet ser jiġu kkordianti flimkien biex jinħooq l-inqas inkonvenjent possibbli għall-pubbliku. Dwar id-Dar tal-Anzjani, wara li ħarġu l-permessi l-ġodda, tlestiet il-wing il-ġdida tad-dimensja u bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ restawr tal-parti l-antika. It-tender għall-finishings, operations and management qed jiġi rivedut mid-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex jiġi ppubblikat.
Leg 13 PQ #6983 Sitting 153 2018-10-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Farms sperimentali – faċilitajiet ġodda għall-bdiewa u sajjieda

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-faċilitajiet ġodda għall-bdiewa u sajjieda li kellhom isiru fil-farm sperimentali tal-Gvern f'Għawdex matul is-sena 2018, sarux? Jekk iva, x’inhuma dawn il-faċilitajiet ġodda u meta bdew jintużaw? Kemm kienet l-ispiża fuq dawn il-faċilitajiet ġodda?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa ġie mwaqqaf l-uffiċċju għas-servizz tan-New Water. Dan filwaqt li tlestiet il-faċilita’ ta’ park għall-Animal Welfare flimkien ma’ kennels ġodda. Il-proċess ta’ tendering għal fażijiet oħra għadu għaddej.
Leg 13 PQ #6984 Sitting 153 2018-10-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħol ta’ restawr fuq l-Għar ta’ Calypso u l-Akwedott tar-Rabat

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol ta' restawr li skont l-aħħar Baġit kellu jsir fuq l-Għar ta' Calypso u fuq l-Akwedott tar-Rabat, Għawdex? Tista' tgħid kemm kienet l-ispiża s’issa fuq dan ir-restawr u meta hu mistenni li jitlesta? Meta hu maħsub li l-Għar ta' Calypso jerġa' jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kif tlesta xogħol ta’ 3D scanning fuq l-Għar ta’ Calypso minn ġewwa u kif ukoll tal-inħawi viċin tal-għar. Dan it-3D scanning sar mill-Università ta’ Malta. It-tagħmir teknoloġiku li ntuża ma tax riżultati ċari ħafna fejn jirrigwarda l-iscanning tal-għar minn ġewwa. Għalhekk issa qegħdin nistennew li l-Università takkwista scanner ieħor li jista’ jagħti riżultati aħjar. L-ispiża fuq dan il-proġett s’issa tammonta għal €900 (VAT eskluż). L-għar ser jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku meta jkunu saru x-xogħlijiet meħtieġa sabiex jiġi kkonsolidat u jiġi ċċertifikat li huwa sigur u li m’hemmx periklu għal min iżuru. L-ewwel fażi tar-restawr tal-Akwedott tlestiet fejn ġew irranġati żewġ arkati li kienu fi stat ħażin. Qegħdin jitħejjew id-dokumenti neċessarji sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni mal- Awtorità tal-Ippjanar sabiex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet tal-fażijiet li jmiss. L-ispiża totali għal dan il-proġett tammonta għal 1.48 miljun ewro VAT eskluż.
Leg 13 PQ #6985 Sitting 153 2018-10-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Park and Ride tar-Rabat – site plan

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan fejn hu ppjanat li jsir il-Park and Ride li jkun jagħti għar-Rabat, Għawdex? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-proġett jew kopja tal-applikazzjoni jekk għadha ma ġietx approvata? Tista' tgħid min hu l-perit inkarigat minn dan il-proġett u kemm tħallas s’issa u kif intgħażel il-perit għal dan ix-xogħol? Kemm hu ppjanat li jesa karozzi dan il-Park and Ride?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant ser jingħataw waqt konferenza Stampa li ser tkun iddedikata għal dan il-proġett. Nel frattemp, diġa ħarġu żewġ tenders, u l-perit inkarigat huwa perit tal-Ministeru għal Għawdex stess.
Leg 13 PQ #6974 Sitting 150 2018-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Malta University Holding Company – Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Malta University Holdings Company? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Contracts of Service u Letter of Appointment tal-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Malta University Holding Company li hi l-id kummerċjali tal-Università ta' Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta University Holding Company Limited huwa l-persuna li isimha qiegħed jingħata separatament lill-Onor. Interpellant. Ix-xogħol tiegħu huwa regolat minn kuntratt ta' xogħol u l-informazzjoni dwar dan il-kuntratt tax-xogħol hija kummerċjalment sensittiva.

Għawdex – flus tal-Unjoni Ewropea għat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intużaw flus tal-Unjoni Ewropea fuq toroq f'Għawdex sal-lum matul is-sena 2018 u jgħid liema toroq saru b'dawn il-fondi Ewropej mill-Ministeru tiegħu jew minn Transport Malta? Jista' jgħid kemm-il triq saret f'Għawdex minn Infrastructure Malta matul is-sena 2018 u liema kienu dawn it-toroq? Liema toroq f'Għawdex hemm ippjanati li jsiru minn Infrastructure Malta ġewwa Għawdex sal-aħħar tas-sena 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjonijiet mill-flus Ewropej normalment isiru fuq toroq li huma parti minn network tat-Ten-T. It-toroq f’Għawdex li huma fuq din in-network kienu saru xi snin ilu (2011) u għaldaqstant ma kienx hemm allokazzjonijiet ta’ fondi fit-2017. Fl-istess ħin huwa ta’ sodisfazzjon li fl-aħħar l-Oppożizzjoni tidher qed tibda tappoġġja t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, minkejja li f’Lulju li għadda, f’dan l-istess Parlament, ivvutat kontra din l-istess entità, u kontra l-investiment bla preċedent li l-Gvern qed jibda jwettaq fit-toroq ta’ pajji¿na permezz tagħha. Infrastructure Malta bdiet il-ħidma tagħha fis-sajf u mill-ewwel qabdet ritmu ta’ xogħol mgħaġġel ħafna, b’għadd ta’ proġetti ta’ titjib u bini mill-ġdid ta’ toroq arterjali, residenzjali u rurali. Fl-istess waqt qed tiffinalizza l-pjanijiet tagħha biex fix-xhur li ġejjin u s-sena d-dieħla żżid din il-ħidma b’ferm aktar proġetti ta’ titjib ta’ toroq arterjali u bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali f’Malta u Għawdex. Il-ħidma ta’ Infrastructure Malta f’Għawdex qed tiġi ppjanata wkoll b’kollaborazzjoni mal-Ministeru t’Għawdex u l-kunsilli lokali tal-lokalitajiet konċernati. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati.