Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #7691 Sitting 166 2018-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi – riġenerazzjoni tal-Boat Houses

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-preparamenti biex jibda x-xogħol ta’ Riġenerazzjoni tal-Boat Houses ġewwa x-Xlendi? Ħarġu t-tenders? F’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali u kemm hi stmata li tkun l-ispiża?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li t-tender tax-xogħlijiet għall-boathouses inħarġet fl-24 ta 'Awwissu 2018. L-offerenti kollha kienu ’l fuq mill-baġit allokat u b'hekk l-offerta ma setgħetx tingħata. Jekk ma jkunx hemm appelli, s-sejħa għall-offerti tkun tista’ terġa' tiġi ppublikata, bix-xoghol ippjanat li jitwetaq matul is-sena 2019. F'dan l-istadju l-istima ma tistax tiġi kkomunikata lill-pubbliku ġenerali billi l-offerta għadha għaddejja. Offerti għall-fabbrikazzjoni u l-installazzjoni tal-bibien tal-injam se jiġu ppubblikati dalwaqt flimkien mal-offerta għas-sistema tad-dawl.
Leg 13 PQ #7692 Sitting 166 2018-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex –Xagħra — Triq Ta’ Ġorf - xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aktar dettalji dwar it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6614 u tgħid fiex kien jikkonsisti dan il-mandat u fuq xiex sar, rigward Triq ta’ Ġorf ġewwa x-Xagħra? X'sar mill-Ministeru għal Għawdex? Jekk kien hemm deċiżjoni mill-Qorti, tista’ l-Ministru tpoġġi kopja tad-deċiżjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, tista' tgħid xi ftehim sar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-inkartament kollu tal-proċess. Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif beda x-xogħol il-ġimgħa l-oħra, reġa ġie preżentat Mandat ta’ Inibizzjoni ieħor.
Leg 13 PQ #7309 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema li qed jagħmlu xogħol ta’ tindif

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema li qed jagħmlu xogħol ta' tindif f'kull sezzjoni/uffiċċju (eskluż dawk li qed jagħmlu xogħol fuq barra jew f'latrini pubbliċi) ta’ kull dipartiment li jaqa' fid-dekasteru tagħha? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – Orthopaedic Unit

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5781, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sala mibnija ftit tas-snin ilu u li kellha tintuża bħala Orthopaedic Unit ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bdietx tintuża għal dan l-iskop kollha kemm hi? Ġew ingaġġati infermiera Għawdxin sabiex ikunu jistgħu jaħdmu f'dan il-unit? Sar il-programm ta' taħriġ għall-infermiera dwar din il-kura speċjalizzata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sala ta l-Ortopedija ser tibda tintuża għal pazjenti tal-Orthopaedic Outpatients għal-aħħar ta’ din is-sena u tiftaħ kollha kemm hi bħala Sala tal-Ortopedija fil-bidu tas-sena d-dieħla. Numru ta’ infermiera Għawdxin ġew deployed minn Malta biex ikunu jistgħu jaħdmu f’dan il-unit. Ninfurmah ukoll illi sar it-taħriġ għal min ser jamministra dan il-unit u ser jitkompla iktar taħriġ għal infermiera fil-ġranet li ġejjin.

Mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar xahrejn u ċjoè matul Settembru u Ottubru 2018 x’progress sar fuq il-preparamenti biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq il-mina ta’ taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex? Meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol fuq l-istess proġett?

Response (BORG, IAN)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru PQ 7311, nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa. Fost oħrajn, f’dawn l-aħħar xahrejn tlesta l-mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni, li minnha hu meqjus li titħaffer il-mina. F’dawn l-aħħar ġimgħat, ir-riżultati ta’ dan il-mudell ġew diskussi ma’ diversi esperti u entitajiet u awtoritajiet konċernati u issa qed jiġu mirquma u ffinalizzati. Fl-istess waqt, tkomplew l-istudji tekniċi speċifiċi li jiffurmaw parti mill-istudju għall-Impatt Ambjentali (EIA) meħtieġ mill-proċess tal-permessi tal-iżvilupp ta’ proġetti kbar bħal dan. Qed isiru wkoll is-surveys topografiċi fiż-żoni fejn qegħdin jiġu proposti l-fetħiet (portals) tal-mina f’Malta u Għawdex. Qed jitħejja wkoll il-conceptual design tal-mina nnifisha. Fl-istess waqt, minbarra l-kontinwazzjoni tal-ippjanar tekniku tal-proġett, sabiex ma jintilifx ħin, għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għad-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex joħorġu s-sejħiet pubbliċi għall-offerti għar-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq il-proġett, fosthom l-immaniġġjar tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tax-xogħol fil-post, kif ukoll ix-xogħol ta’ tħaffir u bini tal-mina u s-servizzi kollha relatati biex il-proġett jitlesta. Għaddejjin ukoll studji oħra ekonomiċi, li wkoll huma meħtieġa sabiex jiżguraw li din l-infrastruttura ġdida tintuża bl-aktar mod sostenibbli. Fi proġett ta’ dan id-daqs, l-istadju tal-ippjanar huwa parti integrali mill-proċess tat-twettiq tiegħu. Wara li jitlestew l-istadji tal-proġett li għaddejjin bħalissa, fosthom il-proċess tal-ippjantar tekniku, il-proċeduri tal-istudji u l-evalwazzjoni għall-permessi ta’ dan l-iżvilupp mill-awtoritajiet konċernati, kif ukoll l-għażla tal-kuntratturi meħtieġa permezz tas-sejħiet pubbliċi, ikun imiss li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq il-post.
Leg 13 PQ #7598 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għawdex — Skola Sekondarja tar-Rabat - għalliema tal-Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-Iskola Sekondarja tar-Rabat, Għawdex (Gozo College) hemm klassijiet li ma għandhomx għalliem tal-Malti u issa ilhom ġimgħat bla lezzjonijiet tal-Malti? Jista' jgħid x'qed isir biex dan in-nuqqas jiġi indirizzat u dawn l-istudenti jibda jkollhom lezzjonijiet tal-Malti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fil-bidu tas-sena skolastika kull klassi tal-Malti fl-iskola Sekondarja tar-Rabat, Għawdex (Gozo College) kellha għalliem tal-Malti. Minkejja li skont il-Ftehim Settorali li ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2017, l-għalliema jistgħu jkollhom 24 lezzjoni u oħra magħhom, b’direttiva individwali mill-Union for Professional Educators fi ħdan il-UĦM, erba’ għalliema qegħdin jirrifjutaw li jżommu l-24 lezzjoni bir-riżultat li għandna 4 (erba’) klassijiet mingħajr lezzjonijiet tal-Malti. Infurmat li għandha ssir laqgħa ta’ konċiljazzjoni dwar dan il-każ din il-ġimgħa.
Leg 13 PQ #7665 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – Cabin Attendants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jitħallsu għal kull siegħa l-ħaddiema fil-grad ta' Cabin Attendant u li huma impjegati direttament mal-Gozo Channel? Tista' tgħid ukoll kemm qed jitħallas il-kuntrattur għal kull siegħa ta' ħaddiem fil-grad ta' Cabin Attendant li jipprovdi lil Gozo Channel u kemm fil-fatt minn dan l-ammont jispiċċa għand il-ħaddiem li jaħdem mal-kuntrattur u li iżda joffri servizz lil Gozo Channel?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #7666 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — Seaman

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jitħallsu għal kull siegħa l-ħaddiema fil-grad ta' Seaman u li huma impjegati direttament mal-Gozo Channel? Tista' tgħid ukoll kemm qed jitħallas il-kuntrattur għal kull siegħa ta' ħaddiem fil-grad ta' Seaman li jipprovdi lil Gozo Channel u kemm fil-fatt minn dan l-ammont jispiċċa għand il-ħaddiem li jaħdem mal-kuntrattur u li iżda joffri servizz lil Gozo Channel?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex – barrieri liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hawn barrieri liċenzjati ġewwa Għawdex li għandhom il-permessi kollha meħtieġa min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex fihom jintefa’ skart tal-kostruzzjoni? Jista’ jagħti r-raħal u l-indirizz fejn jinsabu dawn il-barrieri? Jista’ jgħid ukoll għal kemm hu validu l-permess li għandhom kif ukoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess maħruġ għal kull barriera?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għas-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (https://era.org.mt/en/Pages/Quarries%20permitted.aspx) fejn hawn isib l-informazzjoni kollha li qed jitlob. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iscreenshot tal-website msemmija.
Leg 13 PQ #7215 Sitting 163 2018-11-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ir-Rabat – proġett tal-Gozo Museum

Question

Peress li l-proġett tal-Gozo Museum se jsir ġewwa l-qalba tar-Rabat Għawdex, kemm viċin tal-iskejjel kif ukoll tal-Gozo Examination Centre, tista’ għaldaqsant il-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-method statement li l-kuntrattur li se jaħdem fuq il-kostruzzjoni tal-Gozo Museum, beħsiebu jattwa għal dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari se ssir f'xi seduta oħra.

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – dispożizzjonijiet fil-każ tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6667, filwaqt li ssir referenza għall-artikolu 3 tal-Kap. 545 li jipprovdi li “r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) li jkun magħmul minn President u mhux inqas minn erbgħa u mhux iktar minn sitt membri oħra”, jista’ l-Ministru jgħid, fid-dawl ta’ dak li jingħad fl-imsemmi artikolu jekk ir-referenza għar-Regolatur fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap 497, tapplikax biss għall-President tar-Regolatur imsemmi jew inkella wkoll għall-membri l-oħra tar-Regolatur? Jekk tapplika biss għall-President, għalfejn tapplika għalih biss?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – tkabbir tal-enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, in vista li hemm bosta lmenti minn intraprendituri Għawdxin li ma jistgħux jiddependu biss fuq iċ-ċentri tad-distribuzzjoni tal-Qala u tax-Xewkija meta jiġu biex jippjanaw l-espansjoni tal-fabbriki tagħhom, kif jidħol Għawdex u x'hemm ippjanat b mod konkret għal Għawdex fis-settur tal-enerġija biex jiggarantixxi li d-domanda għall-enerġija ta' għada u l-ġejjieni biex l-intraprendituri tagħna jkunu jistgħu jippjanaw fit-tul, u Għawdex jilħaq il-potenzjal sħiħ fit-tkabbir ekonomiku? Jista’ jgħid Għawdex kif jidħol f'dan kollu, meta dan l-aħħar qal li l-pajjiż għandu bżonn viżjoni li jħares ‘il quddiem u viżjoni li tinkorpora l-aħħar teknoloġija fl-enerġija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-kumpanija Enemalta plc ma rċiviet l-ebda lmenti mingħand intraprendituri Għawdxin rigward id-domanda għall-enerġija. Il-Kumpanija qed tkompli bil-ħidma tagħha fuq proġetti ġodda ġewwa l-gżira ta’ Għawdex u tibqa’ kommessa li tkompli taqdi l-ħtiġijiet tal-enerġija ta’ Għawdex illum u fil-futur.
Leg 13 PQ #7307 Sitting 163 2018-11-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex u Kemmuna – ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ tindif fil-latrini pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex li qed jagħmlu xogħol ta' tindif f'kull latrina pubblika madwar Għawdex u Kemmuna? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari se ssir f'xi seduta oħra.

Għawdex – Awtorità tal-Ippjanar – permessi għal bini mill-ġdid tal-uffiċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġux il-permessi neċessarji biex l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar ġewwa Għawdex jitwaqqgħu u jinbnew mill-ġdid? Jekk iva meta nħarġu? Jista’ jgħid jekk biex sar dan ix-xogħol ġewx ippubblikati tenders u jekk iva fejn ġew ippubblikati, meta ġew ippubblikati u meta għalqu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar is-sit ta’ l-uffiċini ta’ L-Awtorità tal-Ippjanar ġewwa Għawdex huwa kopert bil-permess bin-numru PA 10396/17 – “To demolish existing offices and to construct parking at basement level, four office levels (Class 4A) and a receded floor level and the installation of PV Panels at roof level.” Il-permessi neċessarji biex l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar ġewwa Għawdex jitwaqqgħu u jinbnew mill-ġdid (PA 10396/17) inħarġu fit-22 t’Awwissu 2018. Il-Perit li ġie mqabbad biex iħejji l-pjanti u jagħmel l-applikazzjoni, intgħażel wara sejħa għall-offerti. Din is-sejħa saret fl-2016, u ntgħażlet l-irħas offerta li ġiet sottomessa.

Rispons għall-konsultazzjoni pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rispons kien hemm għal konsultazzjoni pubblika li nħarġet fl-10 ta’ Awwissu 2018 fir-rigward tal-emendi proposti għal Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379? Jista’ jelenka l-persuni jew l-entitajiet li wieġbu għal din il-konsultazzjoni u meta ser jiġi ppubblikat l-abbozz in segwitu għal proposti magħmula fl-imsemmija konsultazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm ħames (5) risposti għal konsultazzjoni. Dawn kienu: 1. Mamo TCV Advocates 2. Consumers Association 3. American Bar Association 4. Rappreżentant mill-European Commission's Services. Ġie riċevut wkoll rispons mingħand persuna privata li tixtieq tibqa anonima. Bħalissa qed jiġi meqjus ir-rispons riċevut sabiex naraw hemmx lok għal xi tibdil fl-abbozz, biex b’hekk jiġi ffinalizzat u ppreżentat fil-Parlament. Ir-rapport dwar ir-rispons li rċeviet l-Awtorità f’dan ir-rigward mistenni li jiġi ppubblikat sal-aħħar ta’ Novembru. Wieħed irid jieħu kont ukoll ta' żviluppi ġurisdizzjonali ricenti ħafna.

Direttorat għall-Ilmenti u l-Medjazzjoni – każijiet trattati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ittratta d-Direttorat għall-Ilmenti u l-Medjazzjoni bħala entità tal-ADR residwa fl-ambitu ta’ LS 378.19 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija,? Jekk kien hemm xi każijiet f’dan ir-rigward, jista’ jelenka wieħed wieħed dwar xiex kienu jittrattaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-ġurnata tat-tnedija tal-LS 378.19 sal-31 ta’ Ottubru 2018, id-Direttorat fil-kapaċità tiegħu ta’ entità tal-ADR residwa, tratta tlett każijiet. Dawn kienu jittrattaw reżoluzzjoni għal diżgwid fuq servizz ta’ telekomunikazzjoni, tqegħid ta’ madum u tiswija ta’ karozza. Matul l-istess perjodu, d-Direttorat tratta wkoll 1522 każ abbażi tal-proċedura ta’ medjazzjoni mandatorja skont l-artikolu 23(4) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 tal-liġijiet ta’ Malta.
Leg 13 PQ #7210 Sitting 161 2018-11-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Disposable income — Nefqa ta’ familji li jgħixu f’Malta u f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa d-disposable income ta' familja li tgħix f'Malta u kemm huwa l-istess disposable income ta' familja li tgħix f'Għawdex skont l-aħħar statistika li għandu l-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid x’inhi n-nefqa medja ta' familja li tgħix f'Malta u l-istess nefqa medja ta' familja li tgħix f'Għawdex ukoll skont l-aħħar statistika li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #7211 Sitting 161 2018-11-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – xiri ta’ gazzetti — nefqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa f'gazzetti ta' kuljum u ta' nhar ta' Ħadd f'kull dipartiment jew entità li taqa’ taħtha mis-sena 2013 sal-lum, maqsuma xahar b'xahar u sena b'sena? , X'inhu l-grad tal-uffiċjali li huma intitolati li jagħmlu użu minn dawn il-gazzetti u f’liema dipartimenti qed jaħdmu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #7212 Sitting 161 2018-11-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – parroċċi li ngħataw xi għajnuna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu dawk il-parroċċi f’Għawdex li ngħataw xi forma ta' għajnuna kemm jekk finanzjarja jew xort’oħra mill-Ministeru jew l-entitajiet tiegħu, mis-sena 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena? F'kull każ fiex kienet tikkonsisti din l-għajnuna?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wasteserv – Direct orders lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders, kemm kien il-valur u fiex kien jikkonsisti kull direct order li ngħata mill-Wasteserv Malta lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena u xahar b'xahar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.