Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #8279 Sitting 185 2019-01-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex –Xagħra — Triq Ta’ Ġorf - xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aktar dettalji dwar it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7692 u tgħid fiex kien jikkonsisti t-tieni mandat u fuq xiex sar, rigward Triq ta’ Ġorf ġewwa x-Xagħra? X'sar mill-Ministeru għal Għawdex? Jekk kien hemm deċiżjoni mill-Qorti, tista’ l-Ministru tpoġġi kopja tad-deċiżjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, tista' tgħid xi ftehim sar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-digriet mogħti mill-Qorti li qed jiġi anness bħala Dok ‘A’.

Għawdex — Uffiċċju tal-Artijiet – bdiewa li qed iħallsu l-qbiela tar-raba’

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li qed iħallsu l-qbiela tar-raba' tal-Gvern fl-Uffiċċju tal-Artijiet f'Għawdex? Għal kull każ f'liema lokalitajiet f'Għawdex qiegħed ir-raba' li għalih qed titħallas il-qbiela u kemm hu n-numru ta' bdiewa li qed iħallsu l-qbiela? Tista' tgħid jekk humiex bdiewa part-time jew full-time?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet illi l-klijenti tal-istess Awtorità għandhom il-faċilità li jħallsu l-kontijiet tagħhom fl-uffiċini ta’ din l-Awtorità ġewwa Malta u Għawdex, fil-kunsilli lokali, online, jew permezz ta’ transazzjoni bankarja. L-Awtorità tal-Artijiet ma jkolliex informazzjoni dwar jekk il-bdiewa li jħallsu l-qbiela humiex part-time jew full-time. Lista ta’ numru ta’ bdiewa f’kull lokalità fejn qed jitħallsu l-qbiela qed tidher hawn taħt; Lokalità fejn tinsab il-qbiela Numru ta’ bdiewa li jħallsu qbiela fil-lokalità Fontana 5 Għajnsielem 18 Għarb 8 Għasri 14 Kerċem 88 Munxar 3 Nadur 33 Qala 4 Rabat 34 San Lawrenz 5 Sannat 58 Xagħra 67 Xewkija 74 Żebbuġ 37 Oħrajn (Tal-Ħatar, Il-Wileġ, Ta’ Willraf, Tal-Għasri, Tal-Loġġa, Is-Saqwi, Ta’ Għajn Tuta, Ramla) 11
Leg 13 PQ #8281 Sitting 185 2019-01-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Fondi għat-toroq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-€140 miljun ta' investiment fit-toroq minn fondi tal-Unjoni Ewropea mħabbra f'konferenza tal-aħbarijiet li saret minn esponenti tal-Gvern nhar is-Sibt 11 ta' Novembru, kemm minnhom se jintużaw fuq toroq jew proġetti f'Għawdex? Tista’ tagħti lista ta’ toroq f'Għawdex li se jsiru b’dawn il-fondi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex hemm programm estensiv ta’ toroq. Il-lista ta’ dawn it-toroq tinsab qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #8282 Sitting 185 2019-01-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ramel u żrar li intuża mid-Direttorati

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7815 u tgħid kemm u x’tip ta’ ramel u żrar intuża mid-Direttorati li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex, sena b’sena u xahar b’xahar mis-sena 2013 sal-lum? Tista’ tgħid fejn intuża dan ir-ramel u żrar u tgħid ukoll fuq kull proġett/biċċa xogħol min kienet il-persuna li ordnat ir-ramel jew żrar u min kienet il-persuna li ċċertifikat li ntuża dan l-ammont u min kienu l-kuntratturi li ssupplixxew dan il-materjal u kemm kienet l-ispiża xahar b’xahar u sena b’sena fuq dan il-materjal?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 7815.
Leg 13 PQ #8218 Sitting 184 2019-01-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

FIAU — budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid id-disa' miljun ewro approvati fl-estimi supplimentari għas-sena 2018 għall-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) fiex ġew utilizzati u jagħti dettalji dwar kull nefqa? Jista' jgħid kif il-budget oriġinali kif approvat minn din il-Kamra għall-FIAU kien €1.6 miljun u dan f'sena sploda għal iżjed minn sitt darbiet għal €10.6 miljun?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-FIAU talbet għal budget addizzjonali matul is-sena 2018 minħabba dawn ir-raġunijiet: · Titjib fil-kontrolli tas-sigurtà ġewwa l-FIAU, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni kunfidenzjali, il-bini ta’ l-FIAU, u anke s-sigurtà tal-impjegati ta’ l-FIAU; · Żieda ta’ riżorsi umani u tibdil ieħor magħmul skont il-Pjan tar-Riżorsi Umani, kif ukoll; · Ingaġġ ta’ “International Skilled Persons” sabiex jassistu l-FIAU fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ supervizjoni ta’ Money Laundering u Financing of Terrorism, għajnuna fil-pjan ta’ ħidma ta’ l-FIAU, assistenza fil-preparazzjonijiet tal-Moneyval u review oħra etc. Dan kolllu sar sabiex l-FIAU timplementa r-riformi u r-rakkomandazzjonijiet neċessarji sabiex jissaħħaħ l-operat tagħha u anke sabiex jinlaħqu l-obligazzjonijiet istituzzjonali kurrenti u futuri tagħha. L-FIAU tixtieq tinforma li ma’ tistax tagħti iktar dettalji dwar ix-xogħol li sar minħabba l-obbligi ta’ kunfidenzjalita li joħorġu minn CAP 373 tal-liġijiet ta’ Malta.

Malta Enterprise – Investiment Incentives (Subvention) — estimi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex ġew minfuqa l-€31 miljun li ġew approvati fl-estimi supplimentari għas-sena 2018 bħala fondi addizzjonali għall-Malta Enterprise taħt Investment Incentives (Subvention)? Kif jista' l-Ministru jispjega li l-ammont approvat għal dan il-għan fil-budget għas-sena 2018 kien ta' €16 miljun u ntalbet u ġiet approvata żieda ta' kważi d-doppju bħala fondi addizzjonali għal dan l-iskop? Jista' jagħti rendikont fejn intefqu dawn il-€31 miljun?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont li qiegħed jirreferi għalih huma fondi approvati taħt l-iskemi varji li tħaddan il-Malta Enterprise. Dawn l-iskemi jgħinu intrapriżi jistabilixxu f’Malta, jkabbru, jinvestu u jinnovaw fl-operat tagħhom. Din iz-żieda kien hemm bżonnha biex tingħata assistenza fuq diversi investimenti minn kumpaniji ġodda u stabbiliti, kif ukoll biex tiġi onorata assistenza approvata fi snin ta’ qabel. Iż-żieda kien hemm bżonnha wkoll, minħabba li diversi kumpaniji aċċeleraw il-proġetti ta’ nvestiment li kienu ppjanati fuq medda itwal ta’ snin.

Għawdex – Ix-Xagħra – park tal-familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jiftaħ il-park tal-familja li qed isir fis-sit fejn qabel kien hemm il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, Għawdex? Jista' jgħid jekk għax-xogħol li kien fadal isir, reġgħux ħarġu t-tenders mill-ġdid? Ġew awarded? Meta ser jibda x-xogħol li fadallu jsir?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għax-xogħlijiet neċessarji biex jinfetaħ għall-pubbliku fejn qabel kienet il-miżbla f’Tal-Qortin, Għawdex, mistenni li jerġa’ joħroġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti fl-ewwel kwart tas-sena. Ix-xogħol ikun jista’ jibda wara li jiġi iffirmat kuntratt ma’ kuntrattur. Dan kemm il-darba jkun hemm min jagħti offerta tajba biex isir ix-xogħol meħtieġ.
Leg 13 PQ #8223 Sitting 184 2019-01-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – bajjiet – white flags

Question

Tista’ l-Ministru tagħti break down dettaljat ta’ x'intefaq, xi tħallas u min kienu l-benefiċjarji għaż-żewġ White Flags għaż-żewġ bajjiet ġewwa Għawdex? Tista' tgħid min approva dawn il-ħlasijiet?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #8224 Sitting 184 2019-01-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Negotiated Procedure — tenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders permezz ta' ‘Negotiated Procedure' u x'tip ta’ Negotiated Procedure kienu u dan sena b'sena u xahar b’xahar mis-sena 2013 sal-lum? F’kull każ, min ħa d-deċiżjoni u x'kienet ir-raġuni li ħarġu b’dan il-mod? Kemm kien il-valur ta' kull tender? Jista' jgħid taħt liema Ministeru, entità, aġenzija, awtorità ħarġu dawn it-tenders u fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #8225 Sitting 184 2019-01-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xewkija – Triq il-Ħamrija – Traffic Management Plan

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Traffic Management Plan imħejji mill-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol fi Triq il-Ħamrija fix-Xewkija Għawdex u dak imħejji mill-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol fi Triq l-Imġarr fin-Nadur? Tista' tikkonferma li dan it-Traffic Management Plan qed jiġi segwit u mwettaq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Traffic Management Plans huma approvati u qed jiġu mwettqa mill-kuntrattur skont direzzjonijiet mogħtija minn Transport Malta.
Leg 13 PQ #8171 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Malta ltd – Proġetti f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti saru minn Projects Malta Ltd ġewwa Għawdex sena b'sena minn kemm ilha kostitwita Projects Malta sal-lum? Jista' jgħid xi proġetti hemm ippjanati li jsiru minn Projects Malta matul is-sena 2019 f'Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5051. Projects Malta Ltd qed tevalwa wkoll il-possibilità li twettaq proġett għall-komunità Għawdxija. Intant il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiki qegħdha tikkolabora mal-Ministeru għal Għawdex fuq ir-riġenerazzjoni tax-Xlendi u titjieb fuq il-bajjiet.

Pjazza tax-Xagħra – Master Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar il-Master Plan għall-Pjazza tax-Xagħra li kellu jsir mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra? Meta hu ppjanat li jitlesta u jibda jitħaddem dan il-Master Plan għal Pjazza tax-Xagħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra qiegħed fil-fażi preparatorja biex jagħmel din il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Master Plan tal-pjazza tax-Xagħra Għawdex.

Proġett tal-White Rocks

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar żviluppi dwar il-proġett tal-White Rocks li diversi xhur ilu ġie deskritt minnu bħala proġett ambizzjuż? Jista’ jgħid fiex wasal il-proċess biex isir dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġett tal-White Rocks Malta wasal fi stadju avvanzat ta’ negozjati. Wieħed għandu jifhem li dan il-proġett huwa ta’ natura kumplessa u jeħtieġ li n-negozjati jsiru bir-reqqa u b’mod komprensiv qabel ma jkun jista’ jkun hemm ftehim.
Leg 13 PQ #8204 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija – Triq Sannat – xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex issir it-tieni parti ta’ Triq Sannat, Xewkija? Inħarġu t-tenders u ġew awarded? Min hu l-perit inkarigat minn din it-triq, kif intgħażel u kemm tħallas sa issa? Tista’ tgħid min ipprepara l-Bill of Quantities għal din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġiet evalwata, u eventwalment ġiet sottomessa oġġezzjoni għar-riżultat u bħalissa għaddej il-proċess relattiv.
Leg 13 PQ #8205 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – rapport ta’ ristrutturar – għażla ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif intgħażel l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex jagħmel rapport ta’ ristrutturar fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Kemm-il siegħa xogħol ħadem sa issa fuq dan ir-ristrutturar u kemm qed jitħallas għal kull siegħa xogħol li jagħmel u kemm tħallas sa issa? Tista’ tgħid x’ġie implimentat sa issa minn dak li ppropona dan l-individwu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-individwu ħadem bħala Policy Consultant fl-Istrategic and Priorities Unit tal-Ministeru għal Għawdex mit-3 ta’ Lulju 2017 sal-31 ta’ Mejju 2018. Skont il-kuntratt hu kien jaħdem fuq bażi part-time, ġimgħa ta’ 20 siegħa. F’dan il-perjodu tħallas total ta’ €22,853.20. Dan il-Konsulent għamel rakkomandazzjonijiet dwar l-istrutturar tal-Ministeru li qed jiġu evalwati biex jitwetqu flimkien ma’ xogħol ieħor marbut mal-irwol ta’ Poilcy Consultant.

Kap. 520 — Direttiva dwar Representative Action for collective Redress

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni ta’ Malta fir-rigward tal-proposti tal-Unjoni Ewropea għal Direttiva dwar representative actions for collective redress ukoll fid-dawl tal-liġi Maltija dwar l-istess suġġett kif provdut fl-Att Dwar Proċedimenti Kollettivi, Kap. 520?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposta li għadha qiegħda tiġi diskussa għandha l-għan li tipproponi mekkaniżmu għal proċedimenti kollettivi effettivi li jistgħu jittieħdu f’setturi ekonomiċi diversi u li tkopri kemm il-ksur domestiku kif ukoll il-ksur transfruntier. Mill-bidu nett tan-negozjati, Malta laqgħet l-għanijiet tan-New Deal for Consumers – pakkett ta’ proposti legiżlattivi li jinkludi il-proposta għal Direttiva dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, waqt li dejjem saħqet li għandu jiġi żżgurat il-bilanċ propju u ġust bejn il-protezzjoni tal-konsumatur u l-interessi tan-negozji. Dan fid-dawl tal-Att dwar Proċedimenti Kollettivi (Kapitolu 520 tal-Liġijiet ta’ Malta), li permezz tiegħu l-individwi li jkunu batew jew qegħdin ibatu ħsara u li t-talbiet tagħhom joriġinaw minn kwistjoni komuni jistgħu ifittxu rimedju kollettivament, permezz ta’ azzjoni wahda li tiġi stitwita b’rikors ġuramentat u mressqa mir-rappreżentant tal-klassi.
Leg 13 PQ #8155 Sitting 182 2019-01-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Il-Bajja tax-Xwejni – xogħol ta’ emerġenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għadu ma sar ebda tip ta’ xogħol ta’ emerġenza f’parti mill-ħajt tat-triq tal-Bajja tax-Xwejni peress li jinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu kbir għan-nies u turisti li jiffrekwentaw din il-bajja matul is-sena?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tender biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa ġiet ippubblikata. Il-ħruġ tat-tender kien meħtieġ minħabba li l-ħsara hija pjuttost estensiva.
Leg 13 PQ #8156 Sitting 182 2019-01-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra – Azzjonijiet fi Triq Marga u Triq Għajn Damm

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-immedjat, x’azzjoni qed tieħu rigward Triq Marga u Triq Għajn Damma, fix-Xagħra, Għawdex peress li dawn qed iċċedu u hemm periklu għan-nies, sewwieqa u għal bdiewa li għandom l-għelieqi fl-inħawi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp beda ħidma estensiva fejn qed jindirizza toroq bħal dawn, u anke oħrajn li jinsabu fi stat agħar, li snin twal qatt ma saret manutenzjoni fuqhom.

Ħal Far Industrial Estate — tender ta' skavar fi plot

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Malta Industrial Parks, fis-6 ta' Diċembru 2018 ħarġet tender għal skavar fi plot 039 f'Ħal Far Industrial Estate? Jista' jagħti aktar dettalji fuq dan il-proġett u min ħa jiffinanzja l-proġett kollu fuq din l-art?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett jirrigwarda plot HHF 039 li ħa tiġi diviża fi skema ta’ plots iżgħar sabiex dawn jiġu eventwalment żviluppati mill-fondi tal-inkwielini. Għaldaqstant it- tender li nħareġ mill-MIP jirrigwarda l-preparamenti għall-infrastruttura komuni u cjoè, site clearance sal-livelli tat-triq, service ducts , bankini u toroq komuni.
Leg 13 PQ #8167 Sitting 182 2019-01-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sports Complex — ħlas ta' miżati

Question

Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena u xahar b'xahar, mis-sena 2013 sal-lum, kemm kien hemm membri attivi li jħallsu l-miżata fi ħdan il-Gozo Sports Complex? X'nazzjonalità huma u x'etajiet għandhom? X'kien l-ammont ta' flus li nġabru sena b'sena mis-sena 2013 sal-lum u għalxiex intużaw dawn il-flus miġbura mill-miżati tal-Gozo Sports Complex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.