Jista' l-Ministru jgħid jekk a tenur tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 hux permissibbli li negozjant jagħmel każ kontra konsumatur tramite l-intervent ta' ADR entity? Jekk hu possibbli jista' l-Ministru jindika liema hi dik l-ADR entity li toffri tali faċilità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux permissibli li negozjant jagħmel każ kontra Konsumatur residenti Malta tramite l-intervent ta’ ADR entity a tenur tar-Regolament (UE) Nru 524/2013. Mill-banda l-oħra negozjant residenti Malta jista’ jagħmel każ kontra konsumatur residenti l-Belġju, l-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Polonja tramite l-intervent ta’ ADR entity.
Jista' l-Ministru jagħti lista aġġornata tal-entitajiet li huma rikonoxxuti bħala ADR entities a tenur ta' L.S. 378.18?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet rikonoxxuti bħala ‘ADR entities’ għall-finijiet u l-effetti tal-Avviż Legali 378.18 tal-Liġijiet ta’ Malta huma:
· Pardee Consulta
· eCOGRA
· MADRE
· EADR
· L-Uffiċċju tal-Arbitru Finanzjarju
· Id-Direttorat tal-Ilmenti u l-Konċiljazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur
· Dr Mario Caruana LL.D għall-‘ADR Malta Centre’
ADR – Complaints and Conciliation Directorate — każijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ġie riferut lill-Complaints and Conciliation Directorate fil-vesti tagħha ta' residual ADR skont l-L.S. 378.19 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jekk kien hemm każijiet, jgħid fir-rigward ta' liema setturi kienu u x'kien l-eżitu f'kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-ġurnata tat-tnedija tal-L.S. 378.19 sad-data ta’ meta ġiet imwieġba din il-mistoqsija, id-Direttorat fil-kapaċità tiegħu ta’ entità tal-ADR residwa, tratta erba’ każijiet. Dawn kienu jittrattaw reżoluzzjoni għal diżgwid fuq servizz ta’ telekomunikazzjoni, tqegħid ta’ madum u tiswija ta’ karozza.
Rigward ilment dwar tqegħid ta’ madum, il-kummerċjant irrifonda s-somma lill-konsumatur; fit-tieni każ ta' tiswija ta' karozza, il-konsumatur ġie ukoll rrifondat bi flus kontanti; fit-tielet każ, il-kumpanija ta' telekomunikazzjoni rrifondat lill- konsumatriċi. F’każ ieħor, kumpanija ta’ telekomunikazzjoni u l-Konsumatur ftehmu li dan jingħata ċekk u ż-żewġ numri ċellular tiegħu jiġu ttoppjati.
Għall-finijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 jista' l-Ministru jgħid min hu l-ODR contact point f'Malta? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ODR advisors u x'inhi l-professjoni jew grad tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ODR Contact Point f’Malta huwa ċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur ta’ Malta. ODR advisors hemm tnejn (2) li l-grad tagħhom huwa ta’ Adminstrative Officer u Legal Officer.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fi ħdan il-customer care tal-Awtorità tal-Artijiet u x'inhuma l-ħinijiet tal-uffiċċju tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-total ta’ uffiċjali fit-Taqsima tal-Customer Care fl-Awtorità tal-Artijiet huma sitta. L-uffiċjali tal-Customer Care jaħdmu l-ħinijiet normali tal-Uffiċċju bħall-kumplament tas-sezzjonijiet fi ħdan l-Awtorità. Apparti li jindirizzaw mistoqsijiet u lmenti permezz ta’ telefonati u emails, l-uffiċjali tal-Customer Care jilqgħu wkoll il-pubbliku fl-uffiċini tal-Awtorità, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-08:30 sa nofsinhar, kif ukoll nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar bejn is-13:00 u t-15:00.
Entitajiet pubbliċi — poter li jimponu penalitajiet amministrattivi
Question
Jista’ l-Ministru jelenka dawn l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li skont il-liġi għandhom l-poter li jimponu penalitajiet amministrativi (‘administrative fines’), kemm f’kull każ hu l-massimu tal-penali li tista’ tiġi imposta wkoll fir-rigward fejn hemm ta’ penali li tista’ tiġi mposta għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità mal-liġi?
Response (BONNICI, OWEN)
Hawn taħt hawn tabella bl-informazzjoni mitluba.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali
Ninsab infurmat li Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali skont Kapitolu 445, l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, Taqsima IX, Artikolu 53 ‘Reati’ minn jikkaġuna hsara lill-partimonjukulturali jew jaġixxi bi ksur tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att jeħel:
(1) multa ta’ mhux anqas minn elf u mija u erbgħa u sittin euro u disgħa u sittin ċenteżmu (€1,164.69) u ta’ mhux iżjed minn mija u sittax-il elf u erba’ mija u tmienja u sittin euro u sebgħa u sittin ċenteżmu (€116,468.67), jew priġunerija għal żmien mhux iżjed minn sitt snin, jew dik il-multa u priġunerija flimkien:
Iżda, bla ħsara għall-ogħla multa hawn aktar qabel imsemmija, l-inqas multa li ħati jista’ jeħel taħt dan l-artikolu m’għandhiex tkun inqas mill-valur ta’ xi xogħol meħtieġ biex jirrimedja l-effetti tar-reat.
(2) Ir-responsabbiltà ta’ ħati taħt subartikolu (1) għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-ħati li jħallas li s-Sovrintendent kull nefqa li ssir għar-reintegrazzjoni, jew ir-restawr tal-proprjetà kulturali minħabba fl-għemil tar-reat, jew li jħallas ġol-Fond il-valur tal-proprjetà kulturali meqruda jew danneġġata meta dik il-proprjetà ma tkun tista’ la tiġi reintegrata u lanqas restawrata. Dak il-ħlas jista’ jinġabar permezz ta’ kawża ċivili li ssir mis-Sovrintendent kontra l-ħati jew l-eredi tiegħu.
(3) Il-Qorti għandha, minbarra li tagħti l-piena msemmija f’dan l-artikolu, tordna lill-persuni misjubin ħatja li jneħħu dak kollu li jkun qed jikkaġuna r-reat u li jreġġgħu lura għal li kienet kull ħaġa li tkun saret mingħajr ebda permess meħtieġ taħt dan l-Att jew biex iħares il-kondizzjonijiet imposti f’tali permess, skont il-każ, fi żmien suffiċjenti għal dak l-iskop u f’kull każ ta’ mhux iżjed minn tliet xhur mid-data tas-sentenza u, jekk il-ħati jonqos milli jħares xi ordni bħal dik f’dak iż-żmien li jiġi hekk stabbilit, jista’ jeħel ukoll multa ta’ mhux inqas minn tmienja u ħamsin euro u tlieta u għoxrin ċenteżmu (58.23) u mhux iżjed minn mija u sittax-il euro u sebgħa u erbgħin ċenteżmu (116.47), kif il-qorti tista’ tistabbilixxi, għal kull ġurnata li jkompli n-nuqqas wara li jiskadi ż-żmien imsemmi.
MCCAA - Uffiċċju għall-Kompetizzjoni
L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għandu s-setgħa li jimponi penali amministrattiva ai termini tal-Att dwar il-Kompetizzjoni (Kap 379 tal-Liġijiet ta’ Malta) u r-regolamenti dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet(L.S 379.08).
Il-massimu li intrapriża jew għaqda ta’ intrapriżi tista’ teħel huwa multa amministrattiva ta’ mhux aktar minn għaxra fil-mija tad-dħul totali tal-intrapriża jew għaqda ta’ intrapriżi konċernati fis-sena ta’ negozju ta’ qabel.
Rigward penalitajiet li jistgħu jiġu imposti għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi fil-liġi artiklu 21(4)(a) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni jipprovdi illi:
Kull intrapriża jew għaqda ta’ intrapriżi li tonqos milli tħares xi ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija jew ordni ta’ konformità maħruġa skont l-artikolu 13, jew tonqos milli tħares miżura interim skont l-artikolu 15, jew tonqos milli tħares rabta magħmula vinkolanti skont lartikolu 12Ċ , jew li tonqos milli tipprovdi informazzjoni korretta u kompleta wara talba għal informazzjoni taħt l-artikoli 11A u 12 jew tonqos milli tissottometti lilha nnifisha għal spezzjoni taħt l-artikolu 12 tista’, fid-diskrezzjoni tad-DiretturĠenerali, teħel il-piena ta’ multa kwotidjana li ma tkunx aktar minn ħamsa fil-mija tal-medja tad-dħul ta’ kuljum tas-sena kummerċjali preċedenti tal-intrapriża jew l-għaqda ta’ intrapriżi konċernati għal kull ġurnata li l-nuqqas ta’ ħarsien tal-obbligu jkompli jseħħ.
L-artiklu 21(6) tal-Att dwaril-Kompetizzjoni jipprovdi illi:
Meta persuna, li tkun direttur, maniġer, segretarju jew uffiċjal ieħor bħal dawk ta’ intrapriża jew għaqda ta’ intrapriżi tonqos, mingħajr raġuni valida, li tagħti l-informazzjoni mitluba fiż - żmien lilha mogħti , dik il – persuna tista ’ teħel multa amminstrattiva ta’ mhux iżjed minn elfejn u erba’ mitt euro (€2,400) għal kull ġurnata ta’ nuqqas.
Dawn il-penalitajiet hawn fuq imsemmija japplikaw ukoll fil-kaz tal-applikazzjoni tar- regolamenti dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.
MCCAA- Affarijiet tal-Konsumatur
Skont l-artikolu 3 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378 tal-Liġijietta’ Malta), “Id-Direttur Ġenerali” (Affarijiet tal-Konsumatur) “huwa responsabbli għall-amministrazzjoni u l-infurzar ta’ dan l-Att u għal dan il-għan għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet vestiti fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur bl-artikolu 17tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, u b’dan l-Att ...”.
Skont l-artikolu 106A (1) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, id-Direttur Ġenerali jista’ jimponi multa amministrattiva fuq persuna li d-Direttur Ġenerali, wara investigazzjoni taħt l-artikolu 14A, jsib ħatja ta’ ksur ta’ disposizzjoni ta’ dan l-Att jew ta’ kwalunkwe regolament magħmul taħtu.
Skont l-artikolu 106A (2) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, il-multi amministrativi jistgħu jammontaw għall-massimu ta’ sebgħa u erbgħin elf Euro (€47,000), iżda “fil-każ fejn ordni ta’ tħaris ma jiġix obdut id-Direttur Ġenerali jista’ jimponi wkoll multa ta’ mhux anqas minn mija u sittax-il euro u sebgħa u erbgħin ċenteżmu (€116.47) u mhux aktar minn mitejn u tletin euro (€230) kull jum, għal kull ġurnata li fiha ma jiġix obdut.”.
Awtorità tax-Xandir
Skont il-ħames skeda tal-Att dwar ix-Xandir l-ogħla Penali Amministrattiva li l-Awtorita’ tista timponi tammonta għal €34,950. Din il-penali hija marbuta ma’ ksur ta’ paragrafi 5 u 6 ta’ L.S 650,34 (Regolamenti dwar Ġurisdizzjoni u Koperazzjoni Ewropea fix-Xandir).
Teatru Manoel
Jekk persuna tikri kostum u ddum ma’ tagħmel ritorn ta’ kostum trid tħallas l-ammont tal-kostum kull jum żejjed li żżommu.
Ma jeżistix massimu imma fil-kutratt hemm miktub li jekk issir ħsara trid titħallas mingħand dawk li jkunu krew it-teatru.
Pjazza Teatru Rjal
Fil-kuntratt tal-kiri tat-Teatru hemm stipulat jekk issir xi ħsara f’xi parti mill-binja jew tal-faċilitajiet, min ikun qed jikri ikun responsabli ta’ din il-ħsara.
Kif ukoll, hemm piena ta’ €250 jekk tiġi miksujra il-klawżola ta’ saħħa u sigurtà.
Fondazzjoni Kreattività
Fil-każ li issir xi ħsara lit-Teatru jew lill-
Exhibition Areas
, min ikun qed jikri il-faċilitajiet, jinżamm responsabli tal-ħsara li tkun saret.
Construction and Maintenance Unit – użu ta’ soft stone
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8120 u tgħid kemm intużaw soft stone (kantun) mill-Construction and Maintenance Unit u mid-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp minn Jannar 2018 sal-lum? Fuq liema proġetti ntużaw u kemm intużaw soft stone (kantun) fuq kull proġett? Tista' tgħid fuq kull proġett min kienet il-persuna li ordnat is-soft stone (kantun) u min kienet il-persuna li ċċertifikat li ntuża dan l-ammont?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqisja parlamentrari 8120.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8093 u jgħid meta ġie ppubblikat ir-rapport dwar ir-rispons li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) irċeviet kif imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7092? Jekk ir-rapport ġie ppubblikat, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? U jekk ir-rapport għadu ma ġiex ippubblikat, jista’ jgħid meta ser jiġi ppubblikat? Jista’ jpoġġi kopja tad-diversi risposti li saru fir-rigward tal-konsultazzjoni inkwistjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li r-rapport imsemmi ġie ppubblikat fl-4 ta’ Diċembru 2018 u qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ir-risposti fir-rigward tal-konsultazzjoni jinsabu fir-rapport.
Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b’xahar mill-bidu tal-2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il ordni ħarġet Transport Malta bħala r-regolatur kompetenti tal-infrastruttura għal finijiet tal-artikolu 4 tal-Kap. 81? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-ordnijiet ġew kontestati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta, bħala regolatur tal-Infrastruttura tħaddem is-sistema ta’ kordinament bejn l-entitajiet u l-privat mis-sistema eletronika magħrufa bħala RWP (Road Works Permit). Permezz ta’ din is-sistema kull min ikun se jagħmel xogħlijiet ta’ cables, trinek, pits, u oħrajn u li għalhekk dawn ix-xogħlijiet ikunu jinvolvu x-xogħol fit-triq jew mit-triq japplika sabiex issir il-kordinazzjoni neċessarja ma’ min ikun involut. Transport Malta tikkordina lill-entitajiet l-oħra involuti u eventwalment toħrog il-kundizzjonijiet li jridu jiġu segwiti meta titqiegħed l-infrastruttura proposta. Ninforma wkoll li Transport Malta ma kellha l-ebda talba speċifikament relatata ma’ Kap. 81 art. 4 minn “competent utility regulator” u wkoll lanqas kien hemm kontestazzjonijiet taħt dan il-kapitlu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8094 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7092 fejn il-Ministru għamel referenza għal ‘żviluppi ġurisdizzjonali riċenti ħafna’, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma dawn l-iżviluppi u x’inhu l-impatt tagħhom fir-rigward tat-tibdil li qed jiġi kkontemplat fil-liġi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’sentenza kostituzzjonali riċenti ġie stabbilit li filwaqt li entità pubblika li taqdi rwol regolatorju jista’ jkollha poter investigattiv, din ma jistax ikollha poter li tiġġudika u timponi piena, peress li mhijiex qorti skont l-Artikolu 39[1] tal-Kostituzzjoni. Apparti minn hekk, il-Qorti Kostituzzjonali stabbilixxiet ukoll li l-fatt li d-deċiżjoni ta’ entità pubblika setgħet tiġi kkontestata quddiem il-qrati ordinarji ċivili u eventwalment quddiem il-Qorti tal-Appell, ma kienx biżżejjed biex tali proċess ikun ikkunsidrat konformi mal-kostituzzjoni. Fid-dawl ta' dan, l-emendi proposti qed jiġu riveduti sabiex jirrifletti dan kollu.
Att dwar il-Kompetizzjoni – pubblikazzjoni tal-abbozz
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8095 u jgħid meta ser jiġi ppubblikat l-abbozz ta’ liġi li dwaru saret konsultazzjoni pubblika f’Awwissu 2018 fir-rigward tal-emendi proposti għall-Att dwar il-Kompetizzjoni u diversi liġijiet oħra, tenut kont ukoll tal-fatt li għaddew iżjed minn sentejn u nofs mid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fil-każ tal-Federation of Estate Agents, u li fl-intervall tul dan iż-żmien kollu d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) effettivament ma jistax jimponi sanzjonijiet qabel ma tinbidel il-liġi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-abbozz hu mistenni li jiġi ppreżentat din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti t-tender eCT3017/2014 u għal kemm kienet ġiet awarded u lil min ġiet awarded din it-tender u jekk kienx hemm variations u jekk iva, x'kienu (ġewwa l-eks Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex)? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-Bill of Items ta' din it-tender partikolari u jekk sarx ix-xogħol kollu rikjest minn din it-tender u mill-Bill of Items? Jekk ma sarx ix-xogħol kollu, x'kienet ir-raġuni u min ħa d-deċiżjoni biex ma jsirx ix-xogħol kollu li kien hemm fil-Bill of Items?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender kien jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ ġibjun biex iżomm l-ilma bl-iskop li jintuża għat-tisqija ta’ siġar u arbuxxelli li jinsabu mħawlin fis-sit fejn kien hemm il-Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex. It-tender kien ġie awarded għal €379,535.14 (VAT inkluż) lil Vella Brothers Ready-Mix Ltd. Waqt ix-xogħlijiet ma kienx hemm varjazzjonijiet mill-kuntratt. Kien hemm biss żewġ rikjesti approvati għal estensjoni taż-żmien sa ma jitlesta x-xogħol mingħajr ma ġie affettwat il-valur tal-proġett.
Il-
Bill of Items
kien jinkludi dawn ix-xogħlijiet:
- tħaffir fil-blat,
- kostruzzjoni ta’ pedament bil-konkos,
- ħitan tal-
hollow concrete blocks
mimli bil-konkos mad-dawra tal-ġibjun,
- ħitan diviżorji fl-intern tal-ġibjun,
-
silt trap
li jilqa’ l-ilma ġo fih biex inaddfu qabel ma jintefa’ ġol-ġibjun,
- saqaf bil-planki,
- kisi tal-ħitan kollha,
-
waterproofing
mal-intern kollu tal-ġibjun,
- kostruzzjoni ta’ kamra bl-iskop li tintuża bħala
pump room,
- installazzjoni ta’ numru ta’ slielem tal-
fibreglass
li jipprovdu aċċess ġol-ġibjun f’każ li jkun hemm bżonn ta’ manutenzjoni, u
- kisja ta’ asfalt fuq is-saqaf tal-ġibjun.
Dan kien ix-xogħol kollu rikjest u dawn ix-xogħlijiet saru kollha kemm huma.
Awtorità tal-Ippjanar – sottomissjonijiet mill-pubbliku għal Pjan Lokali għal Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7819 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru lill-Awtorità tal-Ippjanar mill-pubbliku dwar il-gżira ta’ Għawdex, bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika preliminari li saret mill-istess Awtorità bejn Lulju u Settembru tas-sena 2013 dwar il-Pjan Lokali għall-Għawdex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex – files jew dokumenti distrutti
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7822 u tgħid, f'kull Direttorat u entità li taqa' fid-dekasteru tagħha, kemm kien hemm files jew dokumenti li ġew distrutti a bażi tal-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data mis-sena 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena? X'tip ta' files jew dokumenti kienu u ta' liema uffiċċju jew taqsimiet kienu jappartjenu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqisja parlamentrari 7822.
Attivitajiet Kulturali f’Għawdex – ħaddiema tal-Gvern
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il mistoqsija parlamentari 8121 u tgħid kemm ġew organizzati attivitajiet kulturali f'Għawdex u kemm ġew inkarigati kemm ħaddiema tal-Gvern kif ukoll mill-privat, biex għamlu xogħol in konnessjoni ma' dawn l-attivitajiet mis-sena 2013 sal-lum, għal kull attività separatament u maqsuma sena b'sena?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-attivitajiet kulturali f’Għawdex huma mniżżla fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u fejn kien possibbli f’dawn l-attivitajiet intużaw ħaddiema tal-Gvern.
Attachments:PQ MISTOQSIJA PARLAMENTARI NRU 8285 Attivitajiet Kulturali fGħawdex Ħ.._.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu sejħiet permezz tad-‘Dynamic Purchase System' sena b'sena u xahar b’xahar mis-sena 2013 sal-lum? F’kull każ, min ħa d-deċiżjoni u x'kienet ir-raġuni li ħarġu b’dan il-mod? Kemm kien il-valur ta' kull sejħa? Jista' jgħid taħt liema Ministeru, entità, aġenzija, awtorità ħarġu dawn is-sejħiet permezz tad-'Dynamic Purchase System' u fiex kienu jikkonsistu dawn is-sejħiet?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm sejħa waħda li saret permezz tad-Dynamic Purchase System, liema sejħa saret f’Awwissu 2018.
Aktar dettalji qed jiġu mogħtija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8152 u jgħid xi proġetti saru u x'kien il-valur tagħhom fi flus matul is-sena 2018 ġewwa Għawdex mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u x'tip ta’ proġetti hemm ippjanati li jsiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2019 ġewwa Għawdex u x'inhu l-valur fi flus ta’ kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartimenti, Awtoritajiet, Aġenziji u entitajiet governattivi – ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8123 u jgħid kemm kien hemm u preżentament kemm hemm jaħdmu, ħaddiema Għawdxin ġewwa Malta f'Dipartimenti, Awtoritajiet, Aġenziji u entitajiet governattivi sena b’sena, mis-sena 2013 sal-lum? Jista' jgħid preżentament dawn il-ħaddiema ma' liema entità qed jaħdmu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed nipprovdi t-tagħrif mitlub mill-Onor Interpellant.
Sena
Dipartiment
2013
542
2014
958
2015
1065
2016
1260
2017
1216
2018
1247
Sena
Awtoritajiet, Aġenziji u Entitajiet Governattivi
2018
39
Għall-informazzjoni dwar l-entitajiet li ma jaqgħux taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeri kkonċernati.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji kollha dwar il-kiri ta' vetturi minn kull dipartiment u entità li taqa’ taħtha li saru mill-bidu tas-sena 2013 sal-lum? Tista' tgħid ukoll minn liema kumpanija jew individwi ġew mikrija, u jekk il-kirja f'kull każ saritx wara sejħa għall-offerti, sejħa għal kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu fuljetti u materjal ieħor stampat fid-djar mis-sena 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena? Tista' tagħti d-dettalji tal-materjal imqassam fid-djar, x'tip ta’ karta ntużat, fejn ġie stampat il-materjal, kemm sewa kull fuljett jew materjali li ntbagħat u jekk tqassamx bil-posta jew xi mezz ieħor? Jekk b'mezz ieħor kif tqassam u kemm sewa t-tqassim ta' kull fuljett jew materjal li ntbagħat, sew jekk bil-posta jew b'xi mezz ieħor?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:MISTOQSIJA PARLAMENTARI NRU 8227 Fuljetti u Materjal stampat fid-Djar - .._ (002).pdf