Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Sannat - Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30829 dwar meta ser jitkomplew ix-xogħlijiet fi Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri f’Ta’ Sannat, jista’ l-Ministru jagħti d-data (ġurnata, xahar u sena) ta’ meta se jitkomplew ix-xogħlijiet peress li hemm inkonvenjent kbir għar-residenti u kull min juża dawn it-toroq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li x-xogħlijiet f’Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri, Ta’ Sannat, huma skedati li jitkomplew f’Jannar 2026.

Għawdex - Tindif ta’ widien

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30831 dwar tindif ta’ widien, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-siteplan ta’ fejn qed isir ix-xogħol ta’ tindif f’Wied ta’ Xħajma fin-Nadur, Għawdex kif ukoll ta’ dak li hemm ippjanat li jsir fl-istess wied? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Commencement Notice u s-Summary Responsibility Form relatati ma’ dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex u Kemmuna – Traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ reati li seħħew f’Għawdex u f’Kemmuna li kienu relatati ma’ traffikar ta’ droga, mill-2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi  n-numru ta’ reati li seħħew ġewwa Għawdex li kienu relatati ma’ traffikar ta’ droga, mis-sena 2011 sal-aħħar ta’ Settembru 2025, kienu kif jidher fit-tabella. Sena Numru ta' Każi 2011 4 2012 11 2013 17 2014 4 2015 11 2016 5 2017 9 2018 5 2019 12 2020 6 2021 1 2022 5 2023 1 2024 1 2025 11 103

Marsalforn – Torri tal-Qbajjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għamlet fl-aħħar sena l-Awtorità tal-Artijiet dwar it-Torri tal-Qbajjar f’Marsalforn, Għawdex, liema fortifikazzjoni storika tinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li tiġġarraf? X’beħsiebha tagħmel l-Awtorità biex tassigura li dan is-sit ma jiġġarrafx u jispiċċa darba għal dejjem? Jista’ jgħid ukoll għaliex l-Awtorità qed tkaxkar saqajha fuq dan is-sit storiku u ma tgħaddix dan is-sit lil Din l-Art Ħelwa, hekk kif kien il-ħsieb li jsir?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Port tal-Imġarr Għawdex - Proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6678 dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr, Għawdex u Triq il-Madonna ta’ Lourdes f’Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr), u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22730 tat-XIII-il Leġiżlatura fejn kien ġie mwieġeb li “qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq dan il-proġett, il-Ministeru hu tal-fehma li ssir ukoll konsultazzjoni pubblika mill-GRDA sabiex jiġu wkoll diskussi l-effetti ambjentali li tali proġett jista’ jikkawża”, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx, fiex waslu u meta bdew il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) sabiex jiġu diskussi l-effetti ambjentali ta’ dan l-imsemmi proġett u x’kien l-eżitu? X’inhu jsir bħalissa fuq dan il-proġett u x’inhu l-pass li jmiss?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

GRDA

Question

Jista’ l-Ministru: a. jgħid kemm-il laqgħa tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) inżammet matul is-snin 2023, 2024 u 2025; b. iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti ta’ dawn il-laqgħat; ċ. jgħid min huma l-membri preżenti; d. jgħid x’deċiżjonijiet eżekuttivi ttieħdu mill-istess Awtorità matul is-snin 2023, 2024 u 2025; u e. jgħid fil-preżent liema infurzar huwa delegat lill-Awtorità skont il-liġi li waqqfet lill-istess Awtorità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-snin 2023, 2024 u 2025 l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) laqqgħet il-Bord tagħha b’mod regolari, skont ir-rekwiżiti tal-Att li waqqafha. Ir-Rapporti Annwali tal-Awtorità diġa’ ġew impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kompożizzjoni tal-Bord tal-GRDA hija dik prevista fl-Att tal-Awtorità (Kap. 600), u tinkludi rappreżentanti minn diversi entitajiet pubbliċi u reġjonali. Id-dettalji dwar il-membri preżenti huma disponibbli fuq il-link uffiċjali tal-Awtorità: https://grda.mt/about/ . Fir-rigward tal-infurzar, l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex taġixxi strettament skont il-funzjonijiet u l-kompetenzi stabbiliti fl-Att li waqqafha (Kap. 600). Barra minn hekk, ma jeżistux delegazzjonijiet oħra ta’ infurzar li ‘l hinn minn dawk imsemmija fil-liġi.

GRDA - Master plans u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema master plans u inizjattivi qed taħdem bħalissa l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA)? Jista’ jgħid kemm ilhom li nbdew dawn l-inizjattivi u l-master plans, kemm ilu jsir xogħol fuqhom, għal liema raġuni kienu meħtieġa u għal xiex se jintużaw? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew s’issa dawn l-inizjattivi u master plans u jekk ix-xogħol hux qiegħed isir kollu mill-ħaddiema tal-GRDA jew jekk tqabbdux persuni oħrajn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-“master plan” li qed isir referenza għalih ġie ppubblikat bħala Strateġija ta’ Għaxar Snin għall-Gżira ta’ Għawdex fl-2023. Informazzjoni dwar l-ħidma tal-GRDA u t-twettieq tax-xogħol tagħha huma elenkati f’rapport annwali li diga’ ġie impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

GRDA - Reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqet f’reklamar, billboards, reklami fuq il-midja soċjali u fuq kull tip ta’ reklamar ieħor l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA), minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm nefqet l-istess Awtorità fuq printing minn meta twaqqfet sal-lum? Għal kull każ ta’ reklamar u printing, jista’ jgħid fejn sar ix-xogħol u jekk dan ingħatax b’direct order, wara talba għal kwotazzjonijiet jew inkella wara ħruġ ta’ tender?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proposti għal żviluppi f’Għawdex - Twettiq

Question

Fid-dawl tat-30 proposta u aktar li kienu saru mis-Sindki kollha Għawdxin f’rapport li ppreżentaw lill-predeċessur tiegħu dwar l-iżvilupp f’Għawdex fil-bidu ta’ April 2021, jista’ l-Ministru jgħid kemm minnhom fil-fatt ġew attwati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex wasal ix-xogħol f’kull każ u fuq kull waħda minn dawn il-proposti, u meta hu mistenni li jitwettqu? Jekk hemm minn dawn il-proposti li ma ġewx aċċettati mill-Gvern, jista’ jgħid liema huma u x’inhi r-raġuni li ma ġewx aċċettati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 28087.

L-Għasri - Għolja ta’ Għammar - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li qed isiru bħalissa u li għad baqa’ jsiru ġewwa l-Għolja ta’ Għammar ġewwa l-Għasri? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew ix-xogħlijiet u meta huma maħsuba li jitlestew kollha? Kemm huma stmati li ser jiġu jiswew u kemm hu l-persentaġġ ta’ flus li ġejjin minn fondi Ewropej u minn liema fond? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan tal-area li fuqha qed isir u ser isir dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ix-xogħlijiet li qed isiru fiż-żona speċifikata bħalissa jinvolvu primarjament ir-rikostruzzjoni ta’ numru ta’ ħitan tas-sejjieħ li matul is-snin iġġarrfu minħabba l-effett tal-elementi tat-temp. Ix-xogħlijiet li fadal isiru jinkludu provvista ta’ ħamrija, taħwil ta’ numru ta’ siġar u arbuxelli endemiċi, sistema ta’ tisqija, u sistema ta’ CCTV. Ix-xogħlijiet inbdew fil-bidu ta’ Awwissu u l-pjan hu li jitlestew sal-aħħar tas-sena u qed ikun parzjalment iffinazjat minn fondi Ewropej mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2014-2022. Site plan tal-area qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra kif mitlub.

Għawdex u Kemmuna - Proġetti b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li għad irid jinbeda x-xogħol fuqhom minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex u Kemmuna, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nħarġu s-sejħiet għall-offerti – li għadhom fi stadju ta’ evalwazzjoni – biex jinbdew il-proġetti ta’ restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ fit-Triq ta’ Xurdin, Triq ir-Ramla il-Ħamra u Triq l-Inżul tal-Franċiżi fin-Nadur. Apparti dawn hemm ix-xogħlijiet fi Ulysses Grove. Min-naħa l-oħra, il-fondi għar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ huma mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Il-persentaġġ huwa ta’ 80% minn fondi Ewropej u 20% minn fondi nazzjonali. Il-fondi għall-proġett ta’ Ulysses Grove ġejjin parti mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali flimkien ma iparti oħra li ser tkun imħallsa mill-Fond Nazzjonali għall-Izvilupp Socjali (NDSF) u minn fondi Nazzjonali. Għal dik il-parti li ser tkun qed tinħareġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, Iil-persentaġġ hawnhekk huwa ta’ 100%.

Direct Order - Negotiated Procedure for the Provision of Spare Parts for DAF Hook-loader Trucks

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex kienet tikkonsisti d-direct order permezz tan-negotiated procedure ‘Negotiated Procedure for the Provision of Spare Parts for DAF Hook-loader Trucks’ WSM/153/25 li ngħatat ftit tal-ġranet ilu? Tista’ tgħid kemm hu l-perjodu ta’ żmien ta’ din is-sejħa u għal kemm ingħatat flus din id-direct order? Tista’ tgħid ukoll għaliex din is-sejħa ngħatat permezz ta’ negotiated procedure (Direct Order) u mhux permezz ta’ sejħa pubblika kif suppost għandu jsir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-kuntratt li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jikkonsisti fi provvista ta’ ‘spare parts’ differenti, esklussivament għal vetturi ‘Hook-loader Trucks’ ta’ ditta ‘DAF’. ‘Spare parts’ huma mmirati għal sitt mudelli differenti ta’ dan it-trakk li bħalissa diġà joperaw fi ħdan WSM, u jikkonsistu f’aktar minn 115-il part differenti għal kull trakk. In-numru ta’ parts differenti jvarja minn mudell għal ieħor. Il-kuntratt ikopri perjodu ta’ tliet snin u għandu valur potenzjali massimu ta’ €1,943,202.40.  Dan il-kuntratt inghata bl-użu tal-proċedura negozjata, li tajjeb ikun ċarat li hija proċedura approvata u aċċettata, minħabba li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jħallux lok għal kompetizzjoni minħabba raġunijiet ta’natura mekkanika teknika.

CfT: CT2108/2021 - Services Tender for the Administration of the Community Work Scheme including Training Services

Question

B’referenza għas-sejħa CfT: CT2108/2021 - Services Tender for the Administration of the Community Work Scheme including Training Services, jista’ l-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni f’din l-iskema, kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin, u ma’ liema Ministeru huma assenjati dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll meta (xahar u sena) tiskadi (tispiċċa) din is-sejħa?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex - Pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser tiġi operata u mmaniġġjata l-pixxina l-kbira ġewwa Għawdex issa li nfetħet uffiċjalment u qed tintuża wkoll mill-pubbliku? Jista’ jispeċifika x’kienu l-arranġamenti meħtieġa biex din il-pixxina tibda topera, inkluż l-obbligi ta’ garanziji u maintenance? F’liema xahar u sena għandha tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti għall-operat u l-immaniġġjar tagħha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Iż-Żebbuġ u ta’ Kerċem - Skejjel primarji

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġetti ta’ rinnovazzjoni sħiħa għall-iskejjel primarji taż-Żebbuġ u ta’ Kerċem? Jista’ jgħid ukoll meta x-xogħlijiet fuq dawn iż-żewġt iskejjel nbdew, x’sar s’issa, x’fadal isir u meta hu maħsub li x-xogħlijiet kollha jitlestew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Resurfacing ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ġewwa Għawdex sar resurfacing fuqhom mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien fiha tul kull triq u kemm ġiet tiswa? Jista’ jgħid ukoll liema toroq hemm ippjanati li jsir resurfacing tagħhom minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena, kemm fihom tul u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża fuq kull triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ix-Xewkija - Rapporti ta’ rwejjaħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet għaliex matul dawn l-aħħar xhur, hekk kif beda l-istaġun tas-sajf, qed ikun hemm irwejjaħ insapportabbli fiż-żona madwar l-eks fabbrika tal-ħalib fix-Xewkija Għawdex, u f’partijiet oħra ta’ din it-triq li tieħdok lejn ix-Xewkija u Għajnsielem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jipprovdi aktar dettalji dwar dak li qed isemmi.

Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29280, 29499 u 30519 u jaġġorna l-Kamra dwar il-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo? Jista’ jgħid ukoll meta nbeda dan il-proġett, x’sar s'issa, x’fadal isir u meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jitlesta dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlestew diversi xogħlijiet fl-Administration Center. Xogħlijiet oħrajn mistennija li jsiru fiż-żmien li ġej biex l-Administration Center ikun modernizzat.

TD-T-3749-2023 (7167) - TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar is-sejħa ‘TD-T-3749-2023 (7167) - TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER? Tista’ tgħid ukoll kif inhu għaddej l-andament ta’ dawn ix-xogħlijiet u meta huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol relatat ma’ din is-sejħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li minħabba ċirkustanzi li Enemalta ma kellhiex kontroll fuqhom, ix-xogħlijiet kellhom jiġu posposti u għandhom jissuktaw minn din il-ġimgħa.

WSC/T/110/2023 - Works - Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Water Services Corporation - Consolidation Of Existing Network For Improved Water Supply In Xagħra

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar ix-xogħlijiet relatati mas-sejħa WSC/T/110/2023 - Works - Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Water Services Corporation - Consolidation Of Existing Network For Improved Water Supply In Xagħra? Tista’ tgħid ukoll kif inhu għaddej l-andament ta’ dawn ix-xogħlijiet u meta huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol relatat ma’ din is-sejħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet għadhom għaddejjin u minħabba li mexa ż-żmien ta’ tlestija l-kuntrattur ġie mġiegħel iħallas penali kif stipulat fil-kuntratt.