Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li f’dawn l-aħħar ġimgħat, id-demel likwidu tal-baqar mill-farms ta' Għawdex ma ttieħidx ġewwa l-premises tal-Wasteserv li jinsabu ġewwa tal-Kus fix-Xewkija, Għawdex?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li is-sistemà li biha kien qiegħed jingabar id-demel likwidu tal-baqar u majjal ġo Għawdex, li kien jigi ttrattat minn kuntrattur privat li kien armat biswit l-impjant tal-Wasteserv ġo tal-Kus fix-Xewkija kienet waħda temporanja.
Sadanittant, daħlu fis-seħħ miżuri oħrajn biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-Iskola Primarja ġdida tar-Rabat Għawdex, li issa ilha mwiegħda iktar min ħames snin, tilqa' fiha l-ewwel studenti? Jista' jgħid jekk ħarġux il-permessi meħtieġa min-naħa tal-P.A? Jista' jgħid jekk it-tenders ħarġux u ġewx awarded? Jista' jgħid kemm se tkun tista' tilqa' studenti din l-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li t-timeframes tal-proġett ta' bini ta' skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, se jkunu determinati kif jinħarġu l-permessi mill-Awtorità għall-Ippjanar. It-tenders għadhom qegħdin jinħadmu.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-iskola se tkun tista’ tilqa’ 500 student.
Tista' l-Ministru tgħid, issa li bdew id-diskussjonijiet dwar il-programm ta' finanzjament li jmiss mal-Unjoni Ewropea, jekk il-Gvern skattax dak li hemm fid-Dikjarazzjoni fuq Għawdex li hemm mat-trattat ta' adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni u ċjoè jekk Malta talbitx li l-Kummissjoni tirraporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' Għawdex u b'mod speċjali dwar id-differenzi fil-livelli ta' żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta? Jista' jgħid meta sar dan min-naħa tal-Gvern Malti u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba li saret min-naħa ta' Malta?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9066.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ġietx notifikata b’xi rikors magħmul a tenur tal-artikolu 7(2) tal-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap. 81 tul is-snin 2017 u 2018? Jekk iva kemm kien in-numru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rikors sar quddiem il-Qrati tagħna a tenur tal-artikolu 7(2) tal-Att Dwar ir-Regolament Ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap. 81 tul is-snin 2017 u 2018?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx statistika dwar rikorsi li jistgħu jsiru a tenur tal-artikolu 7(2) tal-Att Dwar ir-Regolament Ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap.81.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5237, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-permessi għall-junction għad-daħla tar-raħal ta’ Sannat ġewx approvati? Tista’ tgħid jekk it-tenders ħarġux? Jekk iva x’inhi r-raġuni li ħarġu u l-permessi meħtieġa għal-junction fid-daħla ta' Sannat, għadhom ma ġewx approvati?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill lokali ta’ Sannat li l-Ministeru joħroġ il-fondi ul-Kunsill jieħu ħsieb l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-proġett.
Water Services Corporation u Enemalta – xogħol minn proprjetà privata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta għamlu xogħol ta’ cables, trinek u xogħol ieħor simili biex jgħaddu s-servizzi tagħhom minn proprjetà privata matul is-snin 2017 u 2018?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tal-Enemalta plc, ħlief f’każi biex jitwassal servizz tad-dawl mil-linja sal-meter tal-klijent, il-policy tal-Kumpanija hija li ma tgħaddi l-ebda cable u trinek fil-privat.
Fir-rigward tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
Ministeru għal Għawdex – Dipartimenti u Entitajiet – każijiet ta’ dixxiplina
Question
B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 5643, 6009 u 6993, tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-perjodu minn Marzu 2013 sal-lum, kienx hemm impjegati li ngħataw kastig minimu bħalma hija twiddiba bil-miktub eċċ. għal nuqqasijiet imwettqa minnhom fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid x'kien il-grad ta' kull impjegat li ngħata dan il-kastig minuri u x'tip ta' kastig minuri kien?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsijiet parlamentrari 5643 u 6009.
Għawdex u Kemmuna – ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ tindif fil-latrini pubbliċi
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7307 u tgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex li qed jagħmlu xogħol ta' tindif f'kull latrina pubblika madwar Għawdex u Kemmuna? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 8948 Victoria – Għawdex u Kemmuna – ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ tindif fil-latrini pubbliċi.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li t-tender li ħareġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti ‘CT2263/2018 Tender for the pavement and embellishment works at St. Francis Square Victoria Gozo' ġiet irrakkomandata għall-award mat-tieni Evaluation Round? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-raġuni li r-Recommended Bidder ġie rrakkomandat bi prezz ta’ €150,000 iktar mill-prezz li oriġinarjament kien tefa’ t-tender?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender CT 2263/2018 – ‘Tender for the pavement and embellishment works at St. Francis Square Victoria Gozo' ġiet pubblikata fis-17 ta’ Settembru 2018.
Għal din it-tender kien hemm tlett offerti. Fir-rapport tiegħu, il-Board tal-Evalwazzjoni irrakommanda li t-tender jiġi mogħti lill-irħas offerent, li kien ukoll amministrattivament u teknikment jilħaq il-kriterji ippubblikati fit-tender.
Wara l-ewwel prezentazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni lill-General Contracts Committee (GCC), l-istess GCC talab xi kjarifiki dwar l-aspett amministrattiv tal-proċess ta’ evalwazzjoni – u għalhekk ir-rapport intbagħat lura biex jiġi ċċarat. Dawn il-kjarifiki ma kellhom ebda effett fuq ir-rakkomandazzjoni.
Fil-konkluzjoni tiegħu, il-Board tal-Kuntratti, kiteb l-ammont differenti minn dak imnizzel fl-offerta finanzjarja, u din is-somma ġiet ripetuta fl-ittra li ntbgħatet lill-istess offerent.
Għalhekk id-Dipartiment ħa mizuri sabiex dan l-izball amministrattiv jiġi rettifikat billi l-‘award’ ġie rtirat permezz ta’ ittra lill-offerenti kollha, fejn dawn ġew infurmati li se jkun hemm rakkomandazzjoni ġdida, u se jkollhom iċ-ċans li jappellaw.
Billi d-Dipartiment tal-Kuntratti ma jistax jikkoreġi l-valur zbaljat, irid jistenna r-rakkomandazzjoni korretta mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni biex ikun jista’ jerġa’ jippubblikka l-‘award’ bl-ammont korrett.
Qrati sede kostituzzjonali – penalitajiet amministrattivi
Question
B’referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 8456, 8094 u 8095, ma jqisx il-Ministru li hemm urġenza pressanti li jsir il-bdil leġislattiv meħtieġ fl-iqsar żmien possibbli, dan ukoll peress li hu evidenti anke mill-istess tagħrif mogħti mill-Ministru li hemm diversi sentenzi tal-Qrati sede kostituzzjonali li qisu li l-poter ta’ diversi awtoritajiet pubbliċi li jimponu penalitajiet amministrattivi huma kontra l-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjonali, u li dawn is-sentenzi jistgħu jiġu riflessi f’każjiet simili fil-konfront ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra li għandhom il-poter li jimponu penalitajiet ta’ din ix-xorta, b’konsegwenzi serji jekk din is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata b’mod komprensiv?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-paga medja f'Malta u kemm kienet il-paga medja għal dawk li jaħdmu f'Għawdex f'għeluq is-sena 2018?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-aħħar valur disponibbli mill-NSO tal-paga medja hu dak ta’ l-ewwel 3 xhur tas-sena 2018. Il-paga medja f’Malta kienet ta’ €19,083, filwaqt dik f’Għawdex kienet ta’ €16,977.
Dawn l-ammonti ikopru l-paga bazika ta’ impjegat u ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances.
Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarriġ dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (Labour Force Survey), ippubblikat mill-NSO.
Policy għal free pass għall-użu tal-vapur tal-Gozo Channel
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-policy li kienet saret fi żmien il-Gvern Nazzjonalista u li kienet ippubblikata fuq il-website tal-Gozo Channel dwar min għandu dritt għal free pass biex juża l-vapur tal-Gozo Channel ġietx mibdula? Jekk ġiet mibdula, meta ġiet mibdula u fejn ġiet ippubblikata? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy dwar min għandu dritt għal dan il-pass kif kienet fi żmien Gvern Nazzjonalista u kopja tal-policy kif inhi llum? Tista' tara li din il-policy terġa' titpoġġa fuq il-website tal-Gozo Channel minn fejn kienet tneħħiet fil-leġiżlatura l-oħra?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel ma bidlet xejn mill-prassi li kienet tuża minn żmien l-aħħar amministrazzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista. Il-persuni li għandhom il-free pass għall-użu tal-vapur tal-Gozo Channel ivarjaw minn żmien għal żmien, fosthom membri parlamentari, korp diplomatiku u uffiċjali pubbliċi.
Jista’ l-Ministru jelenka x’toroq saru ġewwa l-Industrial Estate fix-Xewkija Għawdex matul is-sena 2018 u x’kienet l-ispiża u x'toroq hemm ippjanati li jsiru ġewwa l-Industrial Estate fix-Xewkija Għawdex matul is-sena 2019?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2018 ma kienx hemm xogħol ta’ toroq ġewwa l-Industrial Estate fix-Xewkija Għawdex ħlief għal xi manutenzjoni. Għas-sena 2019 hemm pjanat il-qlugħ u l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Qlugħ, dan b’kollaborazzjoni mall-MGOZ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bus shelters ġodda u fejn ġewwa Għawdex sena b'sena minn Marzu 2013 sal-lum u kemm hemm ippjanati li jsiru bus shelters u fejn ġewwa Għawdex fl-2019?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Trasport, li minn Marzu 2013 sal-lum ma twaħħlux bus shelters ġodda ġewwa Għawdex.
Hekk kif kien ġie aċċennat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 24652 tal-leġiżlatura preċedenti, Transport Malta kienet qed tiltaqa’ ma’ diffikultajiet mal-kuntrattur eżistenti sabiex jiġu nstallati bus shelters ġodda. Kien għalhekk li l-istess Awtoritá kienet ħarġet ‘talba għall-proposti’ mill-ġdid għall-aħħar tal-2016 sabiex ikunu jistgħu jitwaħħlu bus shelters ġodda. Sfortunatament il-perjodu ta’ l-aġġudikazzjoni ta’ din ir-Request for Proposal (RFP) ġie mtawwal minħabba appell kontra r-rakkomandazzjoni tal-Bord ta’ l-Għażla. Il-proċess ta’ twaħħil ta’ bus shelters ġodda beda għall-aħħar tas-sena li għaddiet fejn twaħħlu numru ta’ bus shelters f’diversi lokalitajiet. Huwa mistenni li dan il-programm ikompli matul din is-sena.
Infurmat li fil-preżent Transport Malta qiegħda fil-proċess li tidentifika siti ġodda ġewwa Għawdex fit-toroq arterjali u distributorji fejn jistgħu jitwaħħlu bus shelters ġodda.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li f'dawn il-ġranet ma kien hemm ebda ħaddiem u ebda makkinarju u allura ma sar ebda xogħol fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur li ilha għal dawn l-aħħar xhur magħluqa kompletament għat-traffiku?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet qegħdin fil-fażi ta’ korrelazzjoni mat-testijiet tal-intergrita ġeoloġika. Id-disinn tal-istruttura tar-rikostruzzjoni jiġi kkonfermat malli titlesta din il-fażi.
Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena u xahar b'xahar minn Marzu 2013 sal-lum, kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu fis-sezzjoni tal-afforestazzjoni fil-Ministeru għal Għawdex? X'inhu l-grad tagħhom, x'tip ta' xogħol għandhom u x'responsabilitajiet għandhom? Kemm ilhom jaħdmu kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema fiċ-Ċivil u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Kemm minnhom ingħataw promozzjoni mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum u xi promozzjoni ngħataw? X'kienu r-rekwiżiti biex jingħataw promozzjoni? X'korsijiet għandhom u ntbagħtu dawn il-ħaddiema fil-qasam tal-afforestazzjoni u x'korsijiet obbligatorji hemm ippjanat li jsirilhom matul is-sena 2019?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess għall-bini ta’ Qorti ġdid f’Għawdex? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-applikazzjoni mal-Awtorità għall-Ippjanar biex isir dan il-proġett u kopja tal-istess applikazzjoni li saret, kif ukoll min hu l-perit/kumpaniji inkarigat minn dan il-proġett, u kemm tħallas s’issa? Tista' tgħid meta hu ppjanat li dan il-Qorti ġdid jibda jiffunzjona?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-awtorità tal-ippjanar u qed nistennew sakemm jibda il-proċess ta’ screening. Fil-frattemp għadd ta' sejħiet qed jiġu ppreparati sabiex jsiru ix-xogħlijiet. Skont il-pjan ta' azzjoni, ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni mistennija jiġu konklużi f'Settembru 2020.
Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ restawr tal-Akwedott tar-Rabat, Għawdex u li kien imħabbar fil-Baġit tas-sena 2017? Tista' tgħid kemm kienet l-ispiża s’issa fuq dan ir-restawr u meta hu mistenni li jitlesta? Min qed jagħmel ix-xogħol ta' restawr?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel fażi tar-restawr tal-Akwedott tlestiet fejn ġew irranġati żewġ arkati li kienu fi stat ħażin. Ġiet sottomessa l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet tal-fażijiet li jmiss. Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel fażi saru mill-ħaddiema tal-Ministeru li huma speċjalizzati fir-restawr.