Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – appuntamenti għad-Dipartiment tal-Ophthalmic Out-Patients

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex daż-żmien meta pazjent jiġi riferut minn tabib għad-Dipartiment tal-Ophthalmic Out-Patients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-pazjent jingħata appuntament għal aktar minn erba’ xhur wara, meta qabel tali appuntamenti kienu jingħataw biss ftit ġimgħat wara li kien isir ir-riferiment? Jaf il-Ministru li dan qed iwassal għal inkonvenjenza kbira għall-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li kien hemm żieda fid-domanda għad-dipartiment imsemmi minnu, bħalissa fl-isptar Ġenerali t’Għawdex għaddej il-proċess sabiex jiġi mpjegat Konsultant addizzjonali għall-Oftalmoloġija.
Leg 13 PQ #9833 Sitting 218 2019-04-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra Għawdex – proġett tal-Għar ta’ Calypso

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex u tgħid jekk ix-xogħol ta' 3D scanning tas-sit u tal-għar tlestix? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux studji oħra, u x'kienu l-konklużjonijiet tagħhom u f’liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-3D scanning tas-sit minn barra u tal-għar minn ġewwa tlesta. Dan ta' l-aħħar għandu jerġa’ jiġi ripetut minħabba li r-riżultati miksuba ma kinux dawk mistennija. L-istudji l-oħra li hemm ippjanati mistennija jibdew meta jitlestew it-3D scanning. Xogħlijiet ta’ moniteraġġ fuq is-saff ta’ tafal li hemm u kif dan jaffettwa il-moviment tal-blat irid jsir fuq perjodu ta’ erba’ staġuni. Ix-xogħlijiet ser jiġu ippjanati meta jkollna l-istudji lesti.
Leg 13 PQ #9834 Sitting 218 2019-04-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Rabat Għawdex – Arkivji Nazzjonali – użu ta’ toilet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-toilet li kien jintuża mill-istaff (ħaddiema) ġewwa l-bini tal-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat Għawdex minn ftit ġranet ilu, ma jistax jiġi wżat iktar mill-istaff (ħaddiema) maskili? Min ħa din id-deċiżjoni u x'inhuma r-raġunijiet għalxiex ttieħdet din l-azzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat minn Malta Libraries li b’mod immedjat dan l-imsemmi toilet jintuża mill-istaff kollu ta’ Malta Libraries kif ukoll tal-Arkivji Nazzjonali.

Uffiċjali tal-Komunità — collective agreement

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8499 u jgħid jekk l-uffiċjali tal-komunità għandhomx collective agreement in vigore? Jekk iva, meta sar u meta jiskadi? Jekk le meta skada l-aħħar collective agreement u fiex wasal il-proċess għal collective agreement ġdid? Jista' jgħid x'benefiċċji bħal allowances, eċċ. li dawn il-persuni kienu jieħdu meta kienu gwardjani lokali u issa ma għadhomx jieħdu meta saru Uffiċjali tal-Komunità u r-raġuni għaliex ma baqgħux jeħduhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ftehim kollettiv kien sar mal-kumpanija G4s u kien validu sa Marzu 2016 fejn ġie estiż f'Settembru 2016. Dan il-ftehim għadu in vigore sal-ġurnata tal-lum anke fid-dawl tat-Transfer of Business li għadu kemm seħħ. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fuq collective agreement ġdid u wieħed jawgura li t-trattattivi jintemmu bla dewmien. Naturalment f'dan il-perjodu sakemm jintemmu t-trattattivi ma tnaqqas xejn minn dak li l-uffiċjali tal-kommunità kellhom fil-collective agreement.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Ħames Skeda tal-Kap. 595

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn fil-Ħames Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika Kap. 595 fir-rigward tal-entitajiet, hemm imsemmija li fil-każ tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) tapplika għal Chairman u l-bord kollu (referenza għal mistoqsija parlamentari 9510 fejn il-Ministru konċernat ġie mitlub jgħid min hu r-regolatur, u fejn allura mit-tweġiba mogħtija jirriżulta li r-regulator huwa ċ-Chairman flimkien mal-membri tal-Bord kollu), waqt li fil-każ tal-entitajiet l-oħra, hemm imsemmija li din tapplika biss għaċ-chairpersons ossia kapijiet biss tal-istess entitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Membru li l-Att tal-2015 dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma meta jirreferi għar-“Regolatur” jikkontempla lir-“Regolatur” bħala entità u mhux bħala persuna fiżika. Madanakollu l-Artikolu 38 (1) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika jirreferi għal persuni fiżiċi u jistipula li l-proċedura parlamentari kontemplata f’dak l-artikolu tapplika meta Ministru “jkollu l-intenzjoni li jinnomina persuna sabiex tkun f’kariga f’aġenzija tal-Gvern, entità, bord jew kummissjoni jew sabiex tmexxi xi istituzzjoni oħra stabbilita bil-liġi kif jista’ jiġi stabbilit b’ordni mill-Prim Ministru fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda”. Il-kliem “Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma” li hemm fit-Tieni Taqsima tal-Ewwel Skeda jagħmel sens biss jekk jirreferi għal min imexxi dik l-entità għax “Regolatur” li huwa fih inniffsu entità u mhux persuna fi¿iku qatt ma jista’ jissottometti ruħu għall-proċedura parlamentari. Il-gvern madanakollu huwa dispost li jagħmel kjarifika f’dan is-sens.
Leg 13 PQ #9816 Sitting 217 2019-04-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra Għawdex – Triq Gorf — xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ser idumu jgħixu fit-trab il-familji ta' Triq Gorf fix-Xagħra, Għawdex u dan peress li t-triq tagħhom inqalgħet fil-bidu ta' Diċembru u llum, aktar minn 4 xhur wara, ix-xogħol ma tkompliex? Tista' tgħid jekk dawn il-familji għandhomx tama li fi żmien qasir ikollhom is-servizz tad-drenaġġ u x’inhu l-pjan tal-Ministeru tagħha biex f'din it-triq jgħaddi s-servizz tad-drenaġġ?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f'din it-triq ġie ripetutament imwaqqaf mill-Qorti wara proċeduri li saru minn uħud mir-residenti f'din it-triq. Il-Ministeru jifhem li dan huwa ta' inkonvenjent għar-residenti l-oħra iżda x-xogħol irid isir fil-parametri tal-ordnijiet mogħtija mill-Qorti.

Għawdex – Triq Għajn Mhelhel – xogħol ta’ asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar ta' din is-sena hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol ta' asfaltar fuq Triq Għajn Mhelhel, it-triq li miż-Żebbuġ Għawdex twasslek għall-Bajja tax-Xwejni peress li t-tender ta' din it-triq ilu iktar min xahar u nofs li ġie awarded?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex li x-xogħol ta' asfaltar fuq Triq Għajn Mhelhel, it-triq li miż-Żebbuġ Għawdex twasslek għall-Bajja tax-Xwejni, huwa ppjanat li jibda fix-xahar t’April 2019 u jitlesta f’Lulju 2019.

Gozo Museum – Principal Curator

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Principal Curator tal-Gozo Museum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm grupp ta’ nies li jaħdem fuq il-Gozo Museum, iżda l-Kuratur Prinċipali tal-mużew hija s-Sa Daphne Sant Caruana.
Leg 13 PQ #9819 Sitting 217 2019-04-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Arkivji Nazzjonali u Librerija tal-Vajringa – Fire Alarm System u Intruder System

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6166 jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex issir il-Fire Alarm System u l-Intruder System ġewwa s-swali u l-kmamar tal-Arkivji Nazzjonali u l-Librerija tal-Vajringa? Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-diskussjonijiet biex issir l-Intruder System ingħalqux sal-aħħar tas-sena 2018 u x'kien l-eżitu tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja li preżentement tospita l-Iskola Primarja, il-Librerija Nazzjonali u l-Arkivji Nazzjonali se tiġi rinovata, liema rinovar jinvolvi anke xogħol strutturali. Għaldaqstant, infurmat li l-proġett tal-Fire Alarms qiegħed on-hold sakemm l-entitajiet li jagħmlu użu minn din il-binja jkollhom aktar informazzjoni fuq il-futur ta' din il-binja. Fir-rigward tas-security cameras, infurmat li d-Dipartment tax-Xogħol u Infrastruttura qed jieħu ħsieb id-dokument tat-tender, liema proċess għandu jitlesta din is-sena.

Qala Għawdex – triq li tagħti għal-Ħondoq ir-Rummien – perit

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq it-triq li tagħti għal Ħondoq ir-Rummien ġewwa l-Qala Għawdex? Tista' tgħid kemm kien it-tul ta' xogħol li sar f'din it-triq? Tista’ tpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Tista' tgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar f'din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Tista' tgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Tista' tpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet tista' tagħti r-raġuni għala ma sarux?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema xogħol qiegħed jirreferi għalih.
Leg 13 PQ #9724 Sitting 215 2019-04-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta' restawr tal-Fanal tal-Ġordan

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8922, tista' l-Ministru taġġorna dwar il-Proġett ta’ Restawr tal-Fanal tal-Ġordan ġewwa Għawdex? X’sar s’issa? Kemm qed ikun hemm ħaddiema jaħdmu kuljum u x’inhu l-grad tagħhom? F’liema xahar u sena huwa ppjanat li jitlesta dan il-proġett? Kemm kienet in-nefqa s’issa fuq dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ restawr fil-Fanal tal-Ġordan qed isir minn grupp ta’ 12-il ħaddiem tal-Ministeru għal Għawdex. Ix-xogħol jinvolvi restawr fuq il-binja kollha, kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa u qed isir skont il-permessi bis-sorveljanza tal-Heritage Planning Unit tal-Awtorità tal-Ippjanar minħabba li din hija binja ta’ importanza storika. Ix-xogħol qed ikun ikkordinat ma’ diversi stakeholders u huwa ippjanat li jitlesta f’Settembru 2019.

San Ġwann — triq il-Balal - Plate Bearing Tests

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9209 u jgħid jekk fit-Triq tal-Balal, it-triq ta' bejn in-Naxxar u San Ġwann, sarux it-testijiet tal-Plate Bearing? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il test sar? F'liema parti saru u jindika permezz ta' street plan fejn saru l-plate bearing tests u x'kien ir-riżultat? Jista' jgħid min għamilhom u min iċċertifika r-riżultat ta' dawn il-Plate Bearings Tests?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat minn Infrastructure Malta, il-proġett tal-bini mill-ġdid Triq tal-Balal, l-arterja prinċipali bejn San Ġwann u n-Naxxar, wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu hekk kif bdew jitqiegħdu s-saffi tal-asfalt fil-korsiji ġodda li nbnew f’din it-triq f’dawn l-aħħar xhur, u fiż-żewġ korsiji li kien hemm qabel, li qed jinqalgħu u jibnew mill-ġdid ukoll. Minn din it-triq ta’ madwar 1.8 kilometri jgħaddu aktar minn 2,100 karozza fis-siegħa fil-ħinijiet ta’ filgħodu u tard waranofsinhar (rush hours). B’dan il-proġett, hekk kif it-triq qed titwessa minn tnejn għal erba’ korsiji, il-ħin tal-ivvjaġġar mistenni jonqos b’bejn 30% u 40%, u jkun hemm kwalità tal-arja aħjar permezz ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet. Il-korsiji ġodda f’din it-triq ifissru 3.6 kilometri ta’ korsiji ġodda. It-triq qed titjieb ukoll b’bosta faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi u b’miżuri li jnaqqsu r-riskji ta’ aċċidenti. Minħabba l-importanza ta’ din l-arterja ewlenija, il-proġett ġie mfassal b’mod li t-triq tibqa’ miftuħa kull ħin, fiż-żewġ direzzjonijiet, matul il-ġurnata. Xogħlijiet li jkunu jeħtieġu għeluq tal-korsiji eistenti qed isiru bil-lejl, biex jonqsu d-diffikultajiet lill-pubbliku. Minbarra l-korsiji ġodda, il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ bankina ġdida matul it-triq kollha bejn in-Naxxar u San Ġwann, peress li din it-triq qatt qabel ma kellha aċċess sikur għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi f’dawn l-inħawi. Qed jinbnew ukoll madwar 2.5 kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ mal-ġnub tat-triq. Ħafna minnhom inbnew b’ġebel riċiklat li nqala’ waqt it-tħaffir tal-pedamenti tal-istess triq. Infrastructure Malta qed ittejjeb ukoll id-disinn ta’ erba’ roundabouts li hemm f’din it-triq biex titjieb is-sigurtà u l-effiċċjenza tagħhom. Uħud mill-korsiji ġodda li nbnew f’din it-triq se jkunu użati bħala shared priority cycle lanes għaċ-ċiklisti. It-triq se jkollha wkoll faċilitajiet għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku. Taħt il-livell tat-triq, waqt li kienu qed isiru l-pedamenti ġodda tat-triq, inbidlu jew żdiedu l-cables u l-pajpijiet tad-distribuzzjoni tad-dawl, ilma u telekomunikazzjoni biex jonqos ir-riskju li t-triq ikollha tinqala’ mill-ġdid fil-futur. Uħud minn dawn is-sistemi kienu antiki ħafna, u kien ilhom ma jinbidlu għexieren ta’ snin. Biex tiżdied is-sigurtà għal dawk li jivvjaġġaw minn din it-triq, qed issiru ukoll sistema ta’ dwal tat-toroq, b’madwar 160 arbli bil-bozoz. Għal din is-sistema, tpoġġew 10 kilometri ta’ pajpiet biex minnhom jgħaddu l-wires taħt l-art li se jissupplixxu dawn il-bozoz. B’hekk mhu se jkun hemm ebda wires imdendlin mal-arbli. Waqt it-tħaffir tal-pedamenti nstabu erba’ barrieri li meta oriġinarjament kienet saret it-triq imtlew b’materjal li ma kienx b’saħħtu biżżejjed. Dan wassal biex maż-żmien it-triq bdiet iċċedi. Dawn il-barrieri kellhom jitħaffru biex minflok it-terrapien qadim isiru pedamenti sodi bi strutturi bil-blokki tal-ġebel, tal-konkos u ħadid. Waqt li jkun qed isir it-tqegħid tas-saffi differenti li jkunu meħtieġa sabiex jinbnew l-uċuh tat-toroq, u qabel ma jsiru s-saffi li jkun imiss, Infrastructure Malta tagħmel diversi testijiet biex tiżgura l-kwalità u s-saħħa tal-materjal li jkun qed jintuża. Dawn it-testijiet isiru entitajiet jew kumpaniji indipendenti, li jkunu akkreditati biex jagħmlu dawn it-tip ta’ testijiet. Fil-każ ta’ Triq tal-Balal, it-testijiet indikati diġa saru fi 30 post differenti f’żewġ sezzjonijiet tat-triq, mir-roundabout tal-Għargħur sar-roundabout magħrufa bħala tal-Mekkek, u minn quddiem iż-żona residenzjali sar-roundabout tal-Għargħur. It-testijiet saru mill-laboratorji akkreditati ta’ Terracore Ltd u SolidBase Laboratory Ltd, taħt is-sorveljanza ta’ Infrastructure Malta. It-tagħrif miġbur waqt dawn it-testijiet jiġi analizzat minn Infrastructure Malta f’diversi stadji tat-twettiq ta’ proġetti bħal dawn, sabiex jekk ikun hemm xi nuqqasijiet, il-kuntratturi jintalbu jirranġawhom minnufih. It-testijiet kollha li saru s’issa kkonfermaw li l-materjali użati għandhom is-saħħa mitluba minn Infrastructure Malta, biex jilqgħu tajjeb għall-piżijiet tat-trasport fl-istess triq.
Leg 13 PQ #9733 Sitting 215 2019-04-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija – Triq Sannat – xogħol

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8709 u 8204 kollha u tgħid min hu l-perit inkarigat mit-tieni parti ta' Triq Sannat, Xewkija, kif intgħażel u kemm tħallas sa issa? Tista’ tgħid min ipprepara l-Bill of Quantities għal din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-perit inkarigat huwa uffiċjal fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Il-Bill of Quantities, ġie rreferut mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat. Jiżdied jingħad li l-parti l-oħra li twassal sal-Pjazza ukoll ġiet iffinanzjata mill-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Lokali ħa ħsieb li joħroġ it-tenders u huwa responsabbli mill-project management.

Ħondoq ir-Rummien — likwidu griż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għal diversi drabi f'dawn l-aħħar ġranet, qed joħroġ likwidu griż u qed jispiċċa fil-baħar minn ġewwa l-bini fejn hemm ippjanat li jsir ir-RO Plant ġewwa Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex? Jista’ jgħid x'azzjoni qed tittieħed mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)? Jista’ jgħid jekk hux ser isiru xi testijiet fuq l-ilma tal-Bajja ta' Ħondoq ir-Rummien biex iserraħ moħħ in-nies li jiffrekwentaw din il-bajja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-likwidu li qed issir referenza għalih huwa ilma baħar imħallat bir-ramel maħruġ mill-post stess li rriżulta b’mod naturali f’każi iżolati mit-tħaffir tal-bjar tal-ilma baħar. Dan ix-xogħol tlesta u b’kollox tħaffru sitt bjar ta’ mitt metru fond il-wieħed. Minn dawn il-bjar li jinsabu ġo l-impjant se jkun qed jinġibed l-ilma baħar li ser ikun qed jiġi msoffi biex Għawdex jirċievi ilma ta’ kwalità għolja. Ta’ min wieħed iffakkar kif l-investiment li qed isir f’Għawdex f’dan is-settur hu bla ebda preċedent.
Leg 13 PQ #9741 Sitting 215 2019-04-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem — Triq Sant’Antnin - tenders għal xogħlijiet

Question

Peress li l-Ministru qalet li sar Survey Report dwar Triq Sant’Antnin f'Għajnsielem Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jinħarġu t-tenders għal din it-triq u jekk hux ser jibda x-xogħol infrastrutturali fuq din it-triq matul is-sena 2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-toroq qed jiġu ppjanati b’tali mod li jkollhom l-inqas impatt possibbli fuq it-traffiku. Din it-triq għalhekk hija pjanata li ssir hekk kif tkun lesta Triq iż-Żewwieqa li diġà ħareġ it-tender tagħha u hekk kif Triq l-Imġarr fin-Nadur tilħaq stadju iktar avvanzat. Flimkien ma’ dawn hemm ukoll il-pjanijiet għat-triq alternattiva mill-Imġarr li wkoll qed jiġu studjati mill-esperti. Il-Ministeru diġà ħejja d-dokumenti kollha meħtieġa biex fil-mument opportun jinħareġ it-tender ta’ Triq Sant’Antnin li f’partijiet minnha trid tinbena mill-ġdid.

Courts of Justice of the European Union — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il każ intervjeniet Malta wara li ġiet notifikata b’referenza preliminari magħmula minn xi Qorti jew Tribunal f’xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea lil Court of Justice of the European Union (CJEU – preċedentement ECJ) għall-interprezzjoni tal-istess CJEU ta’ xi direttiva jew regolament tal-UE, sena b’sena mid-data tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea? Jekk kien hemm xi interventi, jista’ jgħid kemm kien hemm, sena b’sena u f’liema oqsma kienu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Membru li l-każijiet li fihom sar intervent minn Malta huma indikati fil-lista li qieghed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qorti tal-Familja f'Għawdex — medjaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il medjatur hemm jaħdem fil-Qorti tal-Familja f'Għawdex? Jista' jgħid jekk dan jew dawn jaħdmux fuq bażi part-time jew full-time? Jekk fuq bażi part-time jista' jgħid kemm-il siegħa fil-ġimgħa hu assenjat jew huma assenjati l-medjaturi fil-Qorti tal-Familja f'Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qorti tal-Familja f’Għawdex hemm medjatriċi waħda li taħdem fuq contract for service mal-Qrati tal-Ġustizzja (Malta). Hi ġiet assenjata erba’ sigħat mill-Qrati tal-Ġustizzja (Malta) biex tagħmel il-medjazzjonijiet tal-Qorti ta’ Għawdex.

Qorti tal-Familja f'Għawdex — każijiet ta' medjazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2015, 2016, 2017 u 2018, kemm-il każ ġie riferut għall-medjazzjoni mill-Qorti tal-Familja f'Għawdex? Jista' jgħid preżentament kemm-il każ hemm fl-istadju ta' medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja f'Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

It-twegiba tinghata f'seduta ohra.

Ix-Xagħra — Sit taċ-Ċirku tax-Xagħra - pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għas-sit taċ-Ċirku tax-Xagħra (Brockdorff Circle) fix-Xagħra, Għawdex? Jista' jgħid jekk dan huwiex miftuħ għall-pubbliku u jekk le meta hu mistenni li jinfetaħ għall-pubbliku? Jista' jgħid matul dawn l-aħħar sentejn x'investiment sar min-naħa tal-Gvern jew Heritage Malta fuq dan is-sit?

Response (BONNICI, OWEN)

It-twegiba tinghata f'seduta ohra.
Leg 13 PQ #9721 Sitting 214 2019-04-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xewkija — Plate Bearing Tests

Question

Peress li Triq il-Ħamrija fix-Xewkija Għawdex qed tinbena mill-ġdid u diġà bdiet tingħata l-ewwel kisja tarmak, tista' l-Ministru tgħid jekk f'din it-triq sarux it-testijiet tal-Plate Bearing? Jekk iva, tista' tgħid kemm-il test saru u d-dati meta saru? F'liema parti saru u jindika permezz ta' street plan fejn saru l-plate bearing tests u x'kien ir-riżultat? Jista' jgħid min għamilhom u min iċċertifika r-riżultat ta' dawn il-blate bearings tests?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din it-Triq saru testijiet tal-Plate Bearing kemm fuq il-wiċċ tas-sodda sekondarja (Type 1D) kif ukoll fuq il-wiċċ tas-sodda primarja (Type 1). Fuq l-ewwel tul ta’ circa 350m tat-triq saru xejn inqas minn dsatax (19) -il test. It-testijiet saru f’dawn id-dati: Type 1D: 3 ta’ Jannar 2019, 12 ta’ Frar 2019 Type 1: 12 ta’ Frar 2019, 18 ta’ Frar 2019 u 7 ta’ Marzu 2019 Intenni li dawn saru fuq l-ewwel tul ta’ circa 350m tat-triq, cioe’ fuq il-parti li tibda’ minn ħdejn Triq il-Mitħna sal-parti li tmiss ma’ Triq Widnet il-Baħar. Ir-riżultati kienu kollha sodisfaċenti għan-nies tekniċi tagħna ħlief għal tnejn li fallew għal-ftit. Fejn fallew it-testijiet, ġagħlna lill-kuntrattur jerġgħa jirrombla l-uċuħ tas-sodda tat-triq u jerġgħa jittestja sakemm joħroġu riżultati sodisfaċenti. Dan huwa proċess normali u kollu sar għas-spejjeż tal-kuntrattur. L-ebda tarmak ma ngħata qabel in-nies tekniċi kienu sodisfatti bir-riżultati tal-Plate Bearing. It-testijiet saru fil-maġġor parti mill-kuntrattur li kien obbligat iqabbad kumpanija tat-testijiet indipendenti. Fil-fatt dawn saru mid-ditta Solid Base Laboratory Ltd, u ġew iċċertifikati minn nies tekniċi tagħha. Minħabba li l-perit u n-nies tekniċi tal-Ministeru riedu korrelazzjoni tar-riżultati, tqabbad ukoll l-MCCAA Laboratory sabiex jagħmel testijiet ulterjuri fejn dawn iċċertifikaw riżultati sodisfaċenti ukoll, u li kkonfermaw dawk it-testijiet kollha li ċċertifikat id-ditta Solid Base Laboratory Ltd.