Tista' l-Ministru tghid jekk jekk ġiex identifikat ir-raba' vapur biex jitjieb is-servizz ta’ traġitt bejn Malta u Għawdex? Jekk iva, meta mistenni li jibda jopera? Tista' tikkonferma li dan ser jinkera bil-crew tiegħu b' kollox? Jekk iva għal kemm żmien ser tkun il-kirja u kemm ser jkun il-ħlas għal kull ġurnata?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ir-raba’ vapur ser jibda jopera fil-ġranet li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu ppjanat li jsir, biex jinbnew imħażen għad-dilettanti li jibnu l-karrijiet tal-Karnival ġewwa Għawdex? Tista' sserraħ ras id-dilettanti tal-Karnival li dawn l-imħażen se jkunu jistgħu jintużaw għall-Karnival tas-sena 2020?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret laqgħa mad-dilettanti tal-karrijiet u kull spjegazzjoni ingħatat lilhom direttament
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9996 rigward it-tender biex isir xogħol ta’ skavar u xogħol ieħor ta' piles fl-area fejn hemm ippjanat li tinbena l-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat Għawdex fejn ingħad mill-Ministru li din “it-tender saret skont ir-regolamenti kollha applikabbli f’każ ta’ din ix-xorta”, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li t-tender CT2134/2019 ma baqgħetx tidher fuq il-website www.etenders.gov.mt ftit ġranet qabel kellha tagħlaq? Jista' jispjega x'ġara u jekk din it-tender għadhiex fis-seħħ? Jekk iva għaliex ma baqgħetx tidher fuq il-website u jekk le x'kienet ir-raġuni li ġiet irtirata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li waqt li kienet miftuħa t-tender għal xoghol ta’ skavar u piling fis-sit fejn se nkunu qegħdin nibnu l-iskola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, waslu għand il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada l-ewwel riżultati tat-testijiet li saru fuq il-blat li hemm taħt dan is-sit. Dawn urew li dan il-blat hu aktar stabbli u b’saħħtu minn kif kien maħsub fil-bidu – u bis-saħħa ta’ hekk naqas l-ammont ta’ xogħol; naqas il-prezz ta’ dan ix-xogħol; u naqas ukoll iż-żmien meħtieġ biex dan ix-xogħol isir.
Fid-dawl ta’ dan kollu, ġie deċiż li s-sejħa għal tenders tinġibed lura u titfassal sejħa ġdida bbażata fuq specifications ġodda li tkun tirrifletti dawn iċ-ċirkostanzi ġodda.
Ninsab infurmat li meta sejħa għal tenders tiġi rtirata, hemm sett sħiħ ta’ proċeduri u regolamenti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti li jridu jiġu segwiti. Hekk ġara fil-każ ta’ tender CT2134/2019.
In-numru tat-tender ġdida li ħadet post dik imsemmija hawn fuq hu CT2179/2019.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-epidural injection tingħatax fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jekk le, għaliex din tingħata f' Malta iżda f'Għawdex ma tingħatax?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-epidural injection tingħata fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Infrastruttura Malta — Tiswijiet fuq il-Moll ta' Imġarr ix-Xini
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9150 li ngħatat fit-12 ta' Marzu 2019, jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux it-tenders u ġewx awarded u jekk le, meta hu ppjanat li toħroġ it-tender biex isiru t-tiswijiet meħtieġa minn Infrastructure Malta fuq il-Moll tal-Imġarr ix-Xini u l-area tal-madwar ix-xtajta, peress li huwa ta’ periklu għan-nies li jiffrekwentaw din il-bajja ġewwa Għawdex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew Infrastructure Malta bdiet ħidma maqsuma f’żewġ fażijiet biex tirranġa l-mollijiet tal-bajja ta’ Mġarr ix-Xini, bejn Għajnsielem u s-Sannat, Għawdex.
L-ewwel fażi tinkludi tiswijiet estensivi tal-pjattaforma antika, kbira madwar 300 metru kwadru, li hemm max-xatt. Din il-pjattaforma tal-konkos tintuża bħala parkeġġ żgħir għad-dgħajjes tas-sajjieda f’din il-bajja kif ukoll għall-karozzi tal-familji li jiffrekwentaw l-inħawi għal xi passiġġata jew xi għawma fis-sajf.
Din il-parti tax-xatt se tinżamm magħluqa sakemm titnaddaf u jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Biex jiġi ¿gurat li l-materjal li se jinqala’ mill-istruttura l-antika ma jniġġisx il-bajja, il-kuntratturi se jagħmlu purtiera ta’ lqugħ fil-baħar max-xatt.
Infrastructure Malta ppjanat dawn it-tiswijiet b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet ambjentali sabiex waqt ix-xogħlijiet ikun hemm spetturi ambjentali li jiżguraw li x-xogħol isir mingħajr ebda ħsara lill-ambjent naturali tal-bajja.
Wara s-sajf imbagħad, għandha tibda t-tieni fażi li tinkludi t-tiswija tal-moll twil madwar 30 metru li hemm mal-ġenb tal-bajja.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8203 li ngħatat fil-15 ta' Jannar 2019, peress li kien intqal 'li waslu fi stadju avvanzat ta' negozjati il-proġett tal-White Rocks Malta' jista' l-Ministru jagħti l-aħħar żviluppi dwar dan il-proġett li diversi xhur ilu kien deskritt minnu bħala proġett ambizzjuż? Jista' jgħid fiex was il-proċess biex jinbeda u jsir dan il-proġett?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-White Rocks qiegħed fi stadju avvanzat ta’ negozjati.
Wieħed għandu jifhem li sabiex ikun żgurat li l-proċess ikun wieħed trasparenti u jsir bir-reqqa, jeħtieġ li n-negozjati u kull xorta ta’ ftehim f’dan ir-rigward jkunu konklużi bl-aħjar mod possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex kull darba li qed jintalab permess mill-organizzaturi tal-festi f'Għawdex biex iġibu logħob tan-nar minn Malta lejn Għawdex, qed jiffaċċjaw problemi dwar fejn għandu jidħol dan in-nar f'Għawdex? Jista' jgħid liema huma l-portijiet f'Għawdex li huma dikjarati bħala siguri biex jiddaħħal logħob tan-nar li jiġi trasportat minn Malta? Jista' jgħid min jiddeċiedi fejn għandu jiddaħħal in-nar ta' kull festa f'Għawdex?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Pulizija u Trasport Malta, fejn il-materja indikata fil-mistoqsija qed tiġi indirizzata.
In-Nadur — Ta' Xħajma - kors taż-żwiemel - xogħol ta' skavar
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li x-xogħol ta’ skavar jew xogħol ieħor simili li kien ilu għaddej għal dawn l-aħħar ġimgħat ħdejn il-korsa taż-żwiemel f'Ta’ Xħajma fil-limiti tan-Nadur, Għawdex waqaf għalkollox f'dawn l-aħħar ġranet? F'liema xahar tas-sena hu ppjanat li jitkompla x-xogħol ta' skavar f'dan is-sit?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tal-iskavar li qiegħed isir skont il-Permitted Development li toħroġ mis-SL552.08-Class 13i u issa ser isir il-coring tas-sit.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux condition surveys u condition reports tat-toroq kollha li se jsir xogħol fuqhom mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2019? F'dawn ir-rapporti, kien ġie identifikat xi ħsarat għandhom dawn it-toroq bħal rutting, crocodile cracks, x'ammont mit-triq preżentement hemm mibnija, eċċ? Tista’ l-Ministru tpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika fuq liema toroq irid l-informazzjoni.
Għawdex — Kerċem u San Lawrenz - proċess ta’ screening
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti biex isiru Batching Plants (impjanti) tar-Ready Mix ġewwa l-irħula/areas f' ta' Kerċem u San Lawrenz Għawdex, anke dawk li qegħdin fil-proċess ta' screening quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, u kemm ilhom pendenti jew fil-proċess ta' screening? Jista' jagħti u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ applikazzjonijiet u d-dettalji ta' dawn l-applikazzjonijiet u s-site plans ta' fejn huma dawn l-applikazzjonijiet u jekk dawn l-applikazzjonijiet humiex fuq art privata jew inkella fuq art tal-gvern?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li ma hemm l-ebda applikazjoni jew talba għal Screening fil-konfini tal-Kunsilli Lokali Ta’ Kerċem jew San Lawrenz (Għawdex) li għandhom il-kliem “batching” jew “ready mix” fid-deskrizzjoni tal-proposta ta’ żvilupp.
Tista' l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex u tgħid jekk tlestix ix-xogħol ta' 3D scanning tas-sit u tal-għar u studji oħra, u x'kienu l-konklużjonijiet u f'liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li fi żmien Gvern Nazzjoanlista ma sar xejn fuq dan is-sit, dan il-Ministeru kellu jibda kollox mill-bidu. It-3D scanning tas-sit minn barra u tal-għar minn ġewwa tlesta. Dan tal-aħħar għandu jiġi ripetut minħabba li r-riżultati miksuba ma kinux dawk mistennija. L-istudji l-oħra li hemm ippjanati mistennija jibdew meta jitlesta t-3D scanning. Xogħlijiet ta’ moniteraġġ fuq is-saff ta’ tafal li hemm u kif dan jaffettwa l-moviment tal-blat irid isir fuq perjodu ta’ erba’ staġuni. Ix-xogħlijiet ser jiġu ppjanati meta jkollna l-istudji lesti.
Tista' l-Ministru tgħid meta beħsiebha tawtorizza u tagħti l-approvazzjoni tagħha biex jimtlew il-postijiet vakanti fil-kumpanija Gozo Channel u dan peress li t-talba biex jimtlew dawn il-postijiet ilha li saret minn Settembru 2018 u sal-lum għad ma hemmx l-approvazzjoni bil-konsegwenza li ħafna ħaddiema qed jaħdmu 12-il siegħa kuljum għal sebat ijiem fil-ġimgħa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant lil llum l-HR plan qed isir skont HR audit li sar u mhux mingħajr pjan skont kif kien isir taħt Gvern Nazzjonalista.
Tista' l-Ministru tgħid minn issa sal-aħħar tas-sena 2019 kemm-il ħaddiem tal-Gozo Channel hu mistenni li jirtira bl-età u x'inhu l-grad ta' kull wieħed minn dawn il-ħaddiema li mistennija jirtiraw?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlmaentari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-master plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jiġi approvat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni għall-master plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex (PA07491/16) li għaddiet mill-proċess ta’ “screening” u bħalissa l-Awtorità qiegħda tistenna l-informazzjoni li ntalbet fl-iscreening letter sabiex tkun tista’ tivvalida u tibda tipproċessa din l-applikazzjoni. Il-Perit talab estensjoni ta’ żmien fil-bidu ta’ din is-sena biex ikun jista’ jwieġeb għall-informazzjoni mitluba.
Id-deċiżjoni fuq il-Master Plan għanda tittieħed fi żmien 100 ġurnata minn meta tiġi validata l-applikazzjoni, sakemm ma tintalabx sospensjoni skont Regolament 12(1) ta’ l-Avviż Legali 162/16.
Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali — nuqqasijiet fi Djar tal-Anzjani
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9205, jista' l-Ministru jgħid jekk in-nuqqasijiet ġewwa d-Djar tal-Anzjani ġewwa Għawdex ġewx irranġati kollha u jekk le x'inhi r-raġuni li għadhom ma ġewx irranġati u x'azzjoni qed tieħu l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali qajmet in-nuqqasijiet illi ġew innutati f’diversi Djar tal-Anzjani ġewwa Għawdex, hekk kif ġie msemmi fil-Mistoqsija Parlamentari 9205. Ħafna minn dawn in-nuqqasijiet ġew indirizzati mill-provdituri tas-servizz filwaqt illi l-Awtorità qed tkompli tagħmel moniteraġġ meħtieġ u tara li l-punti mressqa jiġu ndirizzati fl-intier tagħhom. L-Awtorità ser tkompli tassigura u tesiġi li l-moniteraġġ ikompli jsir, permezz tal-ispezzjonijiet mill-Ispetturi tal-Awtorità, fuq is-servizzi kollha fis-settur soċjali, bil-għan illi jiġu ddentifikati n-nuqqasjiet u eventwalment tassigura li jingħata servizz tal-ogħla kwalità fil-qasam soċjali.
Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet — rikors
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8986 u jgħid jekk Transport Malta ġietx notifikata b’xi rikors magħmul a tenur tal-artikolu 7(2) tal-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap. 81 tul is-snin 2017, 2018 u 2019 s’issa? Jekk iva kemm kien in-numru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, l-Enforcement directorate ma rċieva l-ebda notifika ta’ rikors f’dan is-sens f’dawn l-aħħar sentejn.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8506 kollha u taġġorna lill-Kamra fuq il-varji Master Plans li qed iħejji u jagħmel il-Ministeru għal Għawdex bħalissa? Fiex jikkonsistu u għalxiex qed isiru dawn il-Master Plans u minn min qed isiru? Kif intgħażlu l-persuni li qed jagħmluhom, kemm tħallsu s’issa u meta huma ppjanati li ser jiġu konklużi dawn il-Master Plans? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Master Plans li ġew konklużi fl-aħħar sena u nofs?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9701, tista’ l-Ministru tgħid jekk in-Night Shelter fix-Xagħra Għawdex bediex jopera f’April 2019 u jekk iva kemm qed jilqa’ residenti? Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-bankina u t-triq ta' quddiem dan in-Night Shelter għadhom mhux lesti, iktar minn sitt xhur wara li ġie inawgurat dan in-Night Shelter?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, iva, in-night shelter beda jopera ( u minnu qed jibbenefikaw persuni li għandhom bżonn).
Dwar ix-xogħlijiet indikati, ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol msemmi ma kellux x’jaqsam mal-proġett.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-PA number 01606/19, 'Levelling of existing debris, to reinstate existing roads, create Park and Ride parking facilities with permeable ground covers, charging point for electric buses, Bus Terminal and roofed deck top house recreation areas' ġewwa ta’ Xħajma fix-Xewkija Għawdex f'dawn l-aħħar ġranet ma għadhiex tidher fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar? Jista’ jgħid x’intalab s’issa mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq din l-applikazzjoni u fiex wasal il-proċess ta’ din l-applikazzjoni?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li s-sistemi elettroniċi tal-Awtorità juru biss dettalji ta’ applikazjonijiet li jkunu kkunsidrati kompluti a terminu tar-regolament 4 tal-Avviż Legali 162 tal-2016. PA/01606/19, hija talba għal Screening (mhux applikazjoni għall-iżvilupp) fejn l-Awtorità tkun għadha qed tigwida lill-applikant kif għandu jipprepara l-applikazjoni. Jekk 'il quddiem, id-dokumentazjoni u l-ħlasijiet kollha meħtieġa jiddaħħlu, l-Awtorità tippublika l-applikazjoni fuq il-website tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, twaħħal tabella fuq is-sit in kwistjoni, u tagħmel id-dettalji tal-applikazjoni disponibbli għall-publiku fis-sistemi eletroniċi tagħha, kif inhu mitlub mill-istess liġi.
Jista il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li fit-8 ta' Frar 2019 saret spezzjoni mill-Uffiċjali tal-Water Services Corporation fin-niżla li twassal għal bajja ta' Ħondoq ir-Rummien?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma taf bl-ebda spezzjoni li saret nhar it-8 ta’ Frar 2019.