Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żebbuġ, Għawdex - Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29358 li ngħatat fit-30 ta’ Ġunju 2025 dwar il-parti ta’ Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ Għawdex twasslek għax-Xwejni u li kienet ċediet diversi xhur ilu, fejn ġie mwieġeb li “x-xogħol ser issir fix-xahar ta’ Lulju.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet sarux matul ix-xahar ta’ Lulju, fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, minn min saru, kemm ġew jiswew u meta u fejn ħarġet is-sejħa biex isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.

Regolament (UE) 2024/900 - Implimentazzjoni effettiva

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30101 fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2024/900, fejn intqal li ‘għaddejja l-ħidma neċessarja sabiex jiġi żgurat l-implimentazzjoni effettiva tal-provedimenti tar-Regolament rispettiv’, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienet din il-ħidma biex jiġu effettivament implimentati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-UE u jekk ġiex fit-tmiem? Jista’ jgħid ukoll liema entità ser tkun jew hi responabbli għat-tħaddim tar-regoli pertinenti u jekk ġewx imfassla xi regoli domestiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tal-UE?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija  f'Mistoqsija Parlamentari numru 30101.

Emendi leġiżlattivi - Pubblikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30165, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ippubblikati l-emendi leġisżattivi abbozzati li qed jagħmel referenza għalihom? Jekk iva, jista’ jgħid meta ġew ippubblikati u jekk saritx konsultazzjoni pubblika dwarhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ġejt infurmat li l-emendi leġislattivi sa issa ma ġewx ippubblikati.

Cyberbullying - Każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu każijiet il-Qorti mill-Pulizija dwar cyberbullying u abbażi ta’ liema dispożizzjonijiet tal-liġi saru? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu jinvolvu persuni taħt l-età ta’ 16-il sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi provedimenti speċifiċi fuq Cyberbullying ġew introdotti fil-Kodiċi Kriminali, Kap 9 tal-Liġijiet ta’ Malta taħt l-Artiklu 251 BC fil-5 ta’ Awwissu 2025. Infurmat illi matul is-sena 2025 sal-aħħar ta’ Settembru, il-Pulizija ħadu azzjoni fil-qrati kontra tlieta u għoxrin persuna fuq każi ta’ Cyberbullying. Minn dawn il-każi kien hemm persuna waħda li kienet taħt is-sittax -il sena u kienet l-awtur tar-reat. L-oħrajn kollha kienu persuni ta’ l-fuq minn sittax -il sena. Fuq dawn il-każi l-persuni responsabbli tressqu abbażi tal-provedimenti tal-Kap 399, Art. 49(c) u Kap 9 Art. 18 (fejn kien reat kontinwu) – Kap. 9 Artiklu 251A (1) (a) (b) u  Kap. 9 Artiklu 251B.

Online safety - Miżuri adatti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk attwalment hemmx normi preċiżi li jirregolaw online safety, fejn service providers li jipprovdu video-sharing platforms ikunu marbuta li jieħdu l-miżuri adattati biex iħarsu lill-utenti minn kull tip ta’ materjal li jinġarr online li hu ta’ ħsara, inkluż cyberbulling u l-promozzjoni ta’ self-harm?  Jekk m’hemmx, jista’ jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jintroduċi normi f’dan ir-rigward?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat mill-Awtorita tax-Xandir li fl-2020 saret it-traspożizzjoni tal-AVMS fil-leġislazzjoni nazzjonali _Kap 350 (L-Att dwar ix-Xandir). Din it-traspożizzjoni daħħlet provvedimenti fir-rigward ta’ video sharing platform. Artikllu 16S tal-Att dwar ix-Xandir jitratta dwar li fornituri ta’ pjattaforma ta’ video sharing (video sharing platforms) li huma taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Malta jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu l-minuri, fost l-oħrajn l-Artiklu 16S (1) (a) jgħid li dawn il-pjattaformi jridu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġu : (a)    Lill-minorenni minn programmi, videos iġġenerati mill-utenti u kommunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom f’konformità mal-Artiklu 16JA. Il-miżuri xierqa huma elenkati f’Artiklu 16S (6) (a) sa (j) tal-Att dwar ix-Xandir. L-Artiklu 16JA li ssemma aktar ‘il fuq jitratta provvedimenti dwar protezzjoni tal-minuri li jipproteġu lill-minuri minn servizzi li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni. Fil-fatt il-protezzjoni tal-minuri f’dan ir-rigward qegħda elenkata f’Artiklul 16JA (1) sa (4).

Ir-Rabat, Għawdex – Triq Ġorġ Pisani u Triq Santa Dminka – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbdew ix-xogħlijiet fuq il-junction bejn Triq Ġorġ Pisani u Triq Santa Dminka fir-Rabat, Għawdex u fiex ser ikunu jikkonsistu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq il-junction ta’ bejn Triq Ġorġ Pisani, Triq il-Belliegħa u Triq Patri Giacintu Camenzuli huwa lest.

Gradi tekniċi u industrijali - Ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hu t-total ta’ ħaddiema fi gradi tekniċi u industrijali mal-Gvern? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm jaħdmu f’kull Ministeru?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li hemm 1,489 ħaddiem fil- gradi tekniċi u 1,427 ħaddiem fil- gradi industrijali.

Għawdex – Stazzjonijiet tal-ippumpjar tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn u kemm inbnew stazzjonijiet tal-ippumpjar tad-drenaġġ (sewage pumping stations) ġodda f’Għawdex, mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu indikat f’din il-mistoqsija, f’Għawdex inbnew tliet stazzjonijiet tal-ippumpjar tad-drenaġġ. Dawn jinsabu fi Triq Daħlet Qorrot u oħra fi Triq l-Emigranti n-Nadur u l-oħra fi Triq San Pawl, ix-Xewkija.

Ta’ Sannat Għawdex – Triq it-Tabib Anton Tabone – Storm water culvert

Question

Peress li min-naħa Taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex jinżel ħafna ilma kull meta tagħmel ix-xita, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-water culvert li sar fi Triq it-Tabib Anton Tabone (li minn taċ-Ċawla twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat), sar sa nofs ‘il-Qasam’ biss, minflok mat-tul tal-Qasam kollu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol rikjest f’dan it-tender kien ikopri sa nofs Triq it-Tabib Anton Tabone.  L-imsemmi culvert huwa biss l-ewwel fazi minn proġett li se jinkludi storm water culvert matul it-triq kollha Anton Tabone.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq San Duminku - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu x-xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll kif inhu għaddej l-andament ta’ dawn ix-xogħlijiet u meta huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol relatat ma’ din is-sejħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata għandhom jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena kif stipulat fil-kuntratt iffirmat.

Sejħa għal Vapur ROPAX

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27683 li ngħatat fit-13 ta’ Mejju 2025 dwar fiex waslet is-sejħa għall-vapur ROPAX (ref. CT2379/2024) li għalqet fit-2 ta’ April 2025, fejn intqal li “l-Gozo Channel se terġa’ toħroġ sejħa ġdida fil-ġimgħat li ġejjin. Infurmat li l-Gozo Channel ħadet nota tal-kritika u qed jiġu kkunsidrati xi bidliet fir-rekwiżiti tas-sejħa l-ġdida”, jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sejħa ħarġitx u jekk kienx hemm tibdiliet fir-rekwiżiti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li infurmat li t-tender għandu joħroġ fiż-żmien li ġej hekk kif ikun komplut.

Gozo Channel (Operations) Ltd – Audited accounts

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts għas-snin 2022 u 2023 tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-mejda tal-kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Nefqa fuq Overtime

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29576, 29989 u 30515 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq overtime f’kull diviżjoni, dipartiment, direttorat, awtorità u fil-Ministeru stess mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gozo Channel (Holding) Company Ltd - Audited accounts

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts għas-snin 2022 u 2023 tal-kumpanija Gozo Channel (Holding) Company Ltd?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

NIrreferi l-Onor. Interpellant għall-audit accounts għas-snin 2022 u 2023 tal-Gozo Channel (Holding) Company Ltd li diġa tqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ras Ħanżir - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fuq moll ġdid u xogħol ieħor f’Ras Ħanżir f’dawn l-aħħar xahrejn? Jista’ jgħid ukoll: i.    jekk dan ix-xogħol sarx permezz ta’ direct order; ii.    x’hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin; u iii.    jekk ix-xogħol li ser isir fil-ġimgħat li ġejjin huwiex ser isir permezz ta’ direct order?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30522.

Għawdex – Għalliema fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm LSAs u għalliema tal-Kindergarten, tal-Primarja u tas-Sekondarja li bdew jaħdmu f’Għawdex fis-sena skolastika 2025-2026 u f’liema skola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28220 dwar ix-xogħlijiet fi Triq l-Emigranti, fin-Nadur, jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq din it-triq u jekk issa tkompliex? Jekk ma tkompliex, jista’ jgħid għaliex? Jista’ jgħid ukoll meta ser jitkompla (xahar u sena), kemm fiha tul din it-triq, meta x-xogħol ser jitlesta minn kollox u kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol f’din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq id-drenaġġ u s-servizz tal-ilma.  Wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet se jitkompla ix-xogħol fuq il-bini tat-triq.

Għawdex – Wied Sara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, bejn ir-Rabat u l-Għasri, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u qed tkun ta’ periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex - Tindif ta’ widien

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30831 dwar tindif ta’ widien, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol inbediex, liema widien ġew imnaddfa s’issa u liema widien qed jiġu mnaddfa fil-preżent? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol kollu relatat ma’ din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa beda x-xogħol ta’ tindif fil-wied ta’ Marsalforn, fiż-żona mgħarufa bħala ta’ Kittina u fil-Wied ta’ Xħajma. Mill-Wied ta’ Salve Reġina tneħħa skart mormi illegalment. It-tkomplija u t-tlestija tax-xogħlijiet tiddependi fuq it-temp.

Għawdex – Port tal-Imġarr – Tkabbir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar sa issa u x’hemm ippjanat li jsir fix-xhur li ġejjin dwar it-tkabbir tal-Port tal-Imġarr u l-madwar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa ħabbart fil-ġimgħat li għaddew, il-Gvern se jwaqqaf task force li l-għan ewlieni tagħha se jkun l-ameljorament tal-Port tal-Imġarr. Speċifikament, l-ameljorament li t-task force se tiffoka fuqu huwa t-tkabbir u titjib fis-servizzi offruti fil-Port tal-Imġarr. Apparti hekk, it-task force se tiffoka ukoll dwar kif għandu jitjieb l-aċċess minn u lejn il-Port tal-Imġarr.