Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #10603 Sitting 242 2019-06-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Negotiation Procedure — tenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders permezz ta' ‘Negotiated Procedure' ġodda minn meta ġiet imwieġba il-mistoqsija parlamentari 9722 sal-lum, u x'tip ta’ Negotiated Procedure kienu? F’kull każ, min ħa d-deċiżjoni u x'kienet ir-raġuni li ħarġu b’dan il-mod? Kemm kien il-valur ta' kull tender? Jista' jgħid taħt liema Ministeru, entità, aġenzija, awtorità ħarġu dawn it-tenders u fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #10506 Sitting 241 2019-06-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skola Primarja tar-Rabat Għawdex – trasferiment għall-iskola primarja tan-Nadur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fis-sena skolastika li jmiss li tibda f'Settembru li ġej, parti mill-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex hux ser timxi lejn l-Iskola Primarja tan-Nadur? Jekk iva liema klassijiet ser jiġu trasferiti, għal kemm żmien u b’liema kundizzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li, kif diġà ċċara l-Ministeru fi stqarrija pubblika, numru PR191325, l-istudenti mhux ser jimxu fi skola primarja oħra.
Leg 13 PQ #10507 Sitting 241 2019-06-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – L-area tal-Fessej f’Għajnsielem – open skips

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu l-kuntrattur li qed jipprovdi s-servizz ta' 'Open Skips' ġewwa l-area tal-Fessej f'Għajnsielem Għawdex? Tista’ tgħid ukoll ħarġitxt sejħa pubblika? Jekk le, x'inhi r-raġuni li ma ħarġitx sejħa pubblika? Kemm ilu jipprovdi dan is-servizz il-kuntrattur u kemm kien jitħallas għal kull open skip? Kif ġiet stabbilita r-rata ta’ ħlas? S’issa kemm tħallas globalment il-kuntrattur?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntrattur li qed jipprovdi s-servizz ta’ Open Skips huwa Sultech & Co. Dan il-kuntrattur ġie magħżul wara sejħa għal-offerti f’Diċembru 2018, liema sejħa ġiet mibgħuta lil diversi kuntratturi. Dan is-servizz beda jingħata minn Diċembru 2018 u r-rata ta’ ħlas ġiet stabbilita abbażi tal-prezzijiet mixħuta fl-imsemmija sejħa għall-offerti, liema offerent permezz ta’ din ir-rata kien l-orħos wieħed u li laħaq il-kriterji amministrativi, tekniċi u finanzjarji stabbiliti fis-sejħa għall-offerti. S’issa l-ħlasijiet marbuta ma dan is-servizz laħqu t-total ta’ €6,086.91 (VAT inkluż).

Għawdex — Port tal-Imġarr – Dredging

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex il-barkun u l-makkinarju l-ieħor li kien qed jintuża fid-dredging (tindif ta' qiegħ il-baħar) ġewwa l-Port tal-Imġarr Għawdex ma għadux hem, imma il-makkinarju qed jiġi wżat f'postijiet oħra ġewwa Malta fuq xogħol ta' Ministeru ieħor?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta varat dan il-proġett b’investiment ta’ €6 miljun biex ittejjeb il-faċilitajiet għas-sajjieda fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr, Għawdex. Permezz ta’ dan il-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea, qed jinbnew mill-ġdid il-mollijiet ta’ din iż-żona biex magħhom jitwaħħlu puntuni ġodda għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżjed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port. Bl-organizzazzjoni tal-Port, ser ikunu qed jiżdiedu madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sikur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għixien tagħhom minnhom. Infrastructure Malta se tagħmel ukoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tagħhom. B’hekk, dawn l-inħawi jkunu jistgħu jinżammu aktar indaf. Il-proġett jinkludi wkoll it-tħammil ta’ medda ta’ madwar 20,000 metru kwadru ta’ qiegħ il-baħar fejn hemm dawn il-mollijiet u puntuni. Matul is-snin f’qiegħ il-baħar f’dawn l-inħawi nġemgħu kwantitajiet kbar ta’ ħama u materjali oħra, tant li s-sajjieda ma tantx kien għadhom jistgħu jimmanuvraw il-bċejjeċ tagħhom mal-mollijiet. Il-proġett qed jitwettaq f’fażijiet differenti sabiex jiġu evitati diffikultajiet lix-xogħol tas-sajjieda u attivitàjiet marittimi oħra f’dan il-port. Fl-ewwel fażi ġie mħammel il-materjal ikkontaminat biss. Ma tkompliex isir iżjed tħammil minħabba li ma setax jitfannad iktar mal-mollijiet peress għax seta’ jirri¿ulta ta’ dannu għall-istrutturi eżistenti. Għaldaqstant, it-tieni fażi tal-proġett qed tiffoka fuq il-bini mill-ġdid tal-molljiet. Bħalissa qed jinbena mill-ġdid il-moll tan-naħa tat-tramuntana tal-Port. Dan ix-xogġol jinkludi kostruzzjoni ta’ pilastri mdeffsin f’qiegħ il-baħar (piles) biex fuqhom jinbena l-moll il-ġdid. It-tħammil f’din iż-żona tal-Port jitkompla wara li jitlesta x-xoghol fuq il-moll. Bħal f’kull każ Infrastructure Malta qed tesiġi li l-kuntrattur iwettaq ix-xogħol mitlub fil-ħin u skont l-istandards stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà. B’hekk jiġi żgurat li x-xogħlijiet isiru fl-inqas żmien possibbli, mingħajr ma jkunu kompromessi l-kwalità u s-sigurtà.

Għawdex – festi — nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-organizzaturi tan-nar fil-festi f'Għawdex qed ikollhom iħallsu ammonti konsiderevoli biex ikollhom pulizija fil-post fejn jinħaraq in-nar, minn meta jasal in-nar sa meta dan jinħaraq kollu, meta f'Malta dan ma jsirx u fil-mument li n-nar jasal fuq il-post fejn ikun se jinħaraq, ir-responsabilità tgħaddi fuq min għandu l-liċenzja u jkun nħareġ il-permess fuqu? Ma jaħsibx li din hija spiża żejda għall-festi f'Għawdex meta mqabbel ma’ Malta? X'passi se jieħu biex din id-differenza titneħħa u hekk ikun qed jitneħħa piż żejjed fuq l-organizzaturi tan-nar fil-festi li jsiru f'Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-punti mressqa mill-Onor. Interpellant dwar uniformità fuq preżenza tal-pulizija fil-postijiet fejn jinħaraq in-nar qed tiġi indirizzata.
Leg 13 PQ #10514 Sitting 241 2019-06-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Triq Mary Mejlaq – xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kien il-kuntrattur li ħadem fuq Triq Mary Mejlaq fir-Rabat Għawdex, li saret f'dawn l-aħħar ġimgħat? Tista' tgħid kemm ġiet tiswa din it-triq u min kien il-Perit li ċċertifika x-xogħol kollu li sar f'din it-triq? Tista' tgħid kemm-il servizz tal-ilma ġie mibdul f'din it-triq? Tista' tgħid jekk inbidilx il-main tal-ilma fl-istess triq? Tista' tgħid ukoll kemm-il servizz tad-drenaġġ kellu bżonn jinbidel f'din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din it-triq ma saritx mill-ġdid imma sar biss manutenzjoni tat-triq.
Leg 13 PQ #10515 Sitting 241 2019-06-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xewkija — Plate Bearing Tests

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9721, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux aktar testijiet tal-Plate Bearing fuq il-kumplament ta' Triq il-Ħamrija fix-Xewkija Għawdex? Jekk iva, tista' tgħid kemm-il test sar u d-dati meta saru? F'liema parti saru u jindika permezz ta' street plan fejn saru l-plate bearing tests u x'kien ir-riżultat? Jista' jgħid min għamilhom u min iċċertifika r-riżultat ta' dawn il-plate bearings tests? Fl-aħħar nett, tista’ l-Ministru tgħid meta suppost kellha tkun lesta din it-triq, u issa meta ħa tkun lesta minn kollox u terġa’ tinfetaħ kollha kemm hi għas-sewwieqa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’din it-Triq saru aktar testijiet tal-Plate Bearing fuq il-kumplament tal-bini ta’ Triq il-Ħamrija fix-Xewkija. Saru tmintax (18)-il test ieħor. It-testijiet saru bejn il-11 ta Marzu u t-30 ta Mejju 2019 u r-riżultati kienu kollha sodisfaċenti għan-nies tekniċi tagħna. It-testijiet saru mid-ditta Solid Base Laboratory Ltd, u ġew iċċertifikati min-nies tekniċi tagħha. Ix-xogħol fuq din it-triq kellu jitlesta sa Ġunju 2019 iżda kien hemm dewmien ikkawżat mill-maltemp li għamel minn Jannar sa April ta’ din is-sena, kif ukoll dewmien kawża ta’ loġistika ta’ immaniġġjar tat-traffiku, servizzi ġodda u permessi relatati. It-triq diġa’ tinsab asfaltata sat-tieni livell u miftuħa għat-traffiku għal 80% tat-tul u hu mistenni li terġa’ tinfetaħ kollha kemm hi għas-sewwieqa fi ftit ġimgħat oħra.
Leg 13 PQ #10500 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xagħra — Ex Miżbla tal-Qortin – water reservoir

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8509, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li fadal fuq is-sistema tal-pumping tal-ilma ġewwa il-ġibjun fl-ex miżbla tax-Xagħra (il-Qortin) sarx sabiex is-siġar ikunu msoqqija permezz tal-ilma miġbur fil-ġibjun, peress li s-sajf issa beda?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #10501 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender kanċellat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn it-tender MGOZ/MPU T 05/2019 ġiet ikkanċellata fl-10 ta Mejju 2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender reġa’ ġie ppubblikat fis-27 ta’ Mejju u bħalissa qed jiġi evalwat.
Leg 13 PQ #10502 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kiri ta’ Open Skips — tender

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li t-tender ta' kiri ta' Open Skips li kellha tagħlaq fil-10 ta' Ġunju 2019 fid-9.30am, ġiet mġedda b'ġimgħa oħra ftit ħin qabel għalqet it-tender u issa tagħlaq fis-17 ta' Ġunju 2019 fid-9.30am?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ta' kiri ta' Open Skips li kellha tagħlaq fil-10 ta' Ġunju 2019 fid-9.30am, ġiet mġedda b'ġimgħa oħra ftit ħin qabel għalqet it-tender u issa tagħlaq fis-17 ta' Ġunju 2019 fid-9.30am wara li d-Dipartiment tal-Kuntratti informa lil dan il-Ministeru li kien hemm problemi ta’ aċċess għas-sistema.

Is-Sannat – Triq Sannat — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li x-xogħlijiet fuq Triq Sannat, it-triq li twassal għal pjazza ta’ Sannat, waqfu kompletament f'dawn l-aħħar ġranet u dan b’detriment tar-residenti ta' din it-triq u ta’ mijiet oħra li jużawha b'mod regolari? Meta hu ppjanat li dan ix-xogħol f’din it-triq jitkompla u jitlesta minn kollox?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Sannat illi x-xogħol fi Triq is-Sannat jinsab għaddej, u huwa previst li jitlesta f’Settembru 2019.
Leg 13 PQ #10504 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex — films

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9829, jista’ l-Ministru jgħid x'produzzjonijiet/films inġibdu matul is-sena 2019 u kemm huwa ppjanat li jinġibdu ġewwa Għawdex matul il-kumplament tas-sena 2019 u kemm hu l-valur fi flus ta’ dawn il-produzzjonijiet/films?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li attwalment qed jinġibed film ġewwa Għawdex. Dan il-film qed isir permezz ta’ ko-produzzjoni bejn Malta u l-Kanada u l-baġit tal-istess produzzjoni huwa ta’ madwar miljun u nofs ewro. Fost l-inċentivi li Malta Film Finance Limited tat biex dan il-proġett ikun jista’ jseħħ, hija rabtet lill-istess ko-produzzjoni biex 50% ta’ dan il-film jinġibed ġewwa l-gżira Għawdxija. Din il-koproduzzjoni bbenfikat ukoll minn inċentivi fuq l-infiq eliġibbli kif ukoll fondi mill-Malta Film Fund. Intant, il-Kummissjoni Maltija għall-Films għaddejja b’ħidma kontinwa biex tattira aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna, inkluż lejn Għawdex.
Leg 13 PQ #10505 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – kirja tal-vapur

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hi l-kirja tal-vapur li nkera mill-Gozo Channel biex joffri servizz bejn Malta u Għawdex? Għal kemm żmien inkera dan il-vapur u taħt liema kundizzjonijiet?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vapur inkera għall-sitt xhur. It-tender biex jinkera vapur għall-perjodu itwal diġà qiegħed għand id-dipartiment tal-kuntratti. Dwar valur u kundizzjonijiet, din hija informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Għawdex – bdil ta’ mains tal-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn inbidlu mains tal-ilma ġewwa Għawdex mit-3 ta’ Ġunju 2017 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża globali u x’pjanijiet hemm għall-bdil ta’ mains tal-ilma ġewwa Għawdex sal-aħħar tas-sena 2019?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jgħid li t-total ta’ metri ta’ pipes tal-ilma mibdula huwa ta’ 6691 metru b’valur ta’ €165,550.00.

L-Għarb, Għawdex – Triq Franġisk Portelli – tieni kisja ta’ tarmak

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7806, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet li Triq Franġisk Portelli ma ngħatatx it-tieni kisja ta’ tarmak? Jista’ jgħid jekk din it-triq hux ħa tingħata l-aħħar kisja tarmak sal-aħħar ta’ Ġunju 2019?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt lill-entità konċernata biex ix-xogħol pendenti isir fl-iqsar żmien possibbli.

Għawdex – second class water – ħruġ ta’ tenders

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7697, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma toħroġ it-tenders meħtieġa ħalli tkun tista’ tikber il-firxa tan-network tas-Second Class Water ġewwa Għawdex sabiex jinqdew iżjed bdiewa? Jista’ jgħid f'liema xahar u sena huma ppjanati li joħorġu t-tenders għal dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-tender qiegħed fl-aħħar fażijiet ta’ preparazzjoni u mistenni li jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 13 PQ #10467 Sitting 239 2019-06-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Rabat Għawdex – xogħol ta’ emerġenza fil-Middle School

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ xogħol ta' emerġenza sar f'dawn l-aħħar ġimgħat fil-ħinijiet tad-dħul tat-tfal u waqt il-ħinijiet tal-iskola ġewwa l-Middle School fir-Rabat Għawdex? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u x'kienu r-raġunijiet li sar dan ix-xogħol f'dawn il-ħinijiet tal-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol kien jikkonsisti f'coring sabiex tkun stabbilita s-saħħa tal-blat ta' taħt is-sit. Din l-informazzjoni kienet neċessarja malajr kemm jista' jkun sabiex il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada tkun tista' tistabbilixxi b'mod aktar dettaljat l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender għat-twettieq ta' dan il-proġett maġġuri.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – master plan

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10076, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li l-applikazzjoni PA 07491/16 għall-master plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ma għadhiex tidher fuq il-Website tal-Planning Authority?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-każ tal-isptar ġenerali ta’ Għawdex, b’referenza PA/07491/16 għada mhijiex ikkunsidrata bħala applikazzjoni għax hija “screening request”. Jekk l-applikant u l-perit jikkompletaw l-applikazzjoni kif mistoqsi fl-istess ittra tal-“iscreening” inkluż il-pagament dovut, l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala applikazzjoni kompluta u din tiġi ippublikata fuq is-sit elettroniku tad-Dipartment tal-infomazzjoni u tistieden lill-pubbliku jirreġistra l-interess tiegħu għar-rigward tal-istess applikazzjoni. F’dan il-punt l-applikazzjoni issir tidher għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal- Awtorità tal-Ippjanar u fuq is-sistema tal-“eApplications” skont kif indikat fil-liġi. L-Awtorità dan l-aħħar irranġat is-sistemi tagħha sabiex ma tagħmilx pubbliku dettalji qabel ma applikazzjoni tiġi ppublikata fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Informazzjoni.
Leg 13 PQ #10499 Sitting 239 2019-06-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Il-Bajja tax-Xwejni – xogħol ta’ emerġenza

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8155, tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li għadu ma sar ebda tip ta’ xogħol ta’ emerġenza f’parti mill-ħajt tat-triq tal-Bajja tax-Xwejni, peress li jinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu kbir għan-nies u turisti li jiffrekwentaw din il-bajja matul is-sena u issa li beda l-istaġun tas-sajf? Ġiet awarded it-tender? Meta hu ppjanat li se jibda x-xogħol?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġiet awarded lill-kuntrattur u dan mistenni li jibda x- xogħol fi żmien qasir.

Għawdex – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, mill-1 ta’ Ġunju 2018 sal-lum: a. kemm-il serqa ġiet irrapportata lill-Pulizija f’Għawdex u kemm minnhom ġew solvuti; b. kemm-il persuna nqabdet tittraffika d-droga f’Għawdex u kemm minnhom ġew imressqa l-Qorti; c. kemm-il persuna taħt l-età nqabdet f’diskoteki jew f’postijiet fejn huma pprojbiti; u d. kemm-il persuna nqabdet tpejjep f’postijiet ipprojbiti u kemm minnhom tressqu l-Qorti jew quddiem Tribunal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li skont l-istatistika miġbura bejn l-1 ta’ Ġunju tas-sena 2018 u Mejju ta’ din is-sena, is-serq irrappurtat f’Għawdex kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Jirriżulta li kienu rrappurtati kważi 9.86% anqas każijiet mill-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Il-każijiet irrappurtati fil-perjodu indikat fil-mistoqsija kienu : 8 każijiet – Bar Restaurant - Klijenti 3 kazijiet – Bar Restaurant – Ġewwa 5 każijiet – Siti ta’ kostruzzjoni 5 każijiet – Irziezet u għelieqi Każ wieħed – Bini tal-Gvern Każ wieħed – Lukandi - Klijenti Każ wieħed – Lukandi - Ġewwa 2 każijiet – Mugging 2 każijiet – Uffiċini - Ġewwa 24 każ – Serq ieħor 22 każ – Pick pocketing Każ wieħed – Tempji reliġjużi - Viżitaturi 11-il każ – Residenza - Barra 19-il każ – Residenza - Okkupata 5 każijiet – Residenza – Mhux okkupata 10 każijiet – Ħwienet - Klijenti 4 każijiet – Ħwienet - Ġewwa 7 każijiet – Ħwienet – Shop lifting 31 każ – Toroq u postijiet pubbliċi 19-il każ – Bajjiet 5 każijiet – Opri tal-baħar 12-il każ – Karozzi (exterior) 37 każ – karozzi (interior) 10 każijiet - Karozzi Minn dawn erbgħa u tletin (34) każ ġew solvuti. Fl-istess perjodu, disa’ (9) persuni nqabdu jittraffikaw id-droga f’Għawdex u waqt li ħamsa minnhom diġà tressqu l-Qorti, l-erba’ persuni involuti fl-erba’ każi oħra ser jitressqu aktar ’il quddiem. Ma kien hemm ebda persuna taħt l-età li nqabdet f’diskoteki jew f’postijiet fejn huma ipprojbiti fl-istess żmien, filwaqt li tnax (12)-il persuna nqabdu jpejpu f’postijiet ipprojbiti u l-każijiet tagħhom ser ikunu appuntati għas-seduta tal-LESA.