Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — proġetti ta' afforestazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ta' afforestazzjoni saru s'issa matul is-sena 2019 ġewwa Għawdex u xi proġetti oħra ta' afforestazzjoni hemm ippjanati li jsiru sal-aħħar tas-sena 2019 ġewwa l-Gżira ta' Għawdex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena ġewwa Għawdex qiegħed isir proġett ta tħaddir mal-Kunsill Lokali tan-Nadur, fejn mistenni li jitħawwlu 197 siġra u arbuxxell ġewwa din il-lokalità. Ġewwa Kemmuna qiegħed isir proġett ta' restawr f'żona mhux il-bogħod minn żona li ġiet restawrata s-sena li għaddiet. Din iż-żona qiegħda tiġi mnaddfa kif ukoll qiegħda tiġi nstallata sistema ta' irrigazzjoni, fejn l-art tippermetti. S'issa tħawwlu 2,360 siġar u arbuxelli ġewwa Kemmuna din is-sena u mistenni li jiġu mħawwla 4,500 siġar u arbuxelli oħra, sa l-aħħar ta' din is-sena biex b’hekk nkunu ħawwilna l’fuq minn 6,800 siġra u arbuxell ġewwa Kemmuna sal-aħħar tal-2019.
Leg 13 PQ #10798 Sitting 251 2019-10-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skejjel f’Għawdex – manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ manutenzjoni hemm ippjanata għal matul is-sajf 2019 għal kull skola f'kull raħal ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm ħa tkun l-ispiża fuq kull skola, kemm-il tender ħarġet, meta ħarġet, meta ġiet awarded u għal kemm prezz ġiet awarded?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fl-iskejjel ġewwa Għawdex dan is-sajf. Ix-xogħol ta’ manutenzjoni msemmi sar mill-ħaddiema tal-Kulleġġ t’Għawdex u għalhekk ma ħarġux tenders għal dan ix-xogħol. Nirreferi wkoll lill-Onor. interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11203.

Għawdex – mains tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn inbidlu mains ta’ drenaġġ raħal b'raħal ġewwa Għawdex mit-3 ta’ Ġunju 2017 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża globali u x’pjanijiet hemm għall-bdil ta’ mains tad-drenaġġ raħal b'raħal ġewwa Għawdex sal-aħħar tas-sena 2019?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella. L-ispiża globali kienet ta’ €320,000.00 (inklż VAT). Triq Lokalità Tul/m Marsalforn Xagħra 312 Pietro Pace Rabat 282 Pawluzzu Għarb 193 Knisja Għasri 280 Pjazza Xewkija 80 Tamar Għasri 550 Wied Sara Għasri 100 Pitkalija Xewkija 100 Proposti sal-aħħar ta’ Diċembru 2019 Pjazza Sannat N/A Pjazza San Franġisk N/A
Leg 13 PQ #10810 Sitting 251 2019-10-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur Għawdex – Triq l-Imġarr – xogħol

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra u tgħid f’liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jitkompla x-xogħol biex tinbena u terġa’ ssir mill-ġdid Triq l-Imġarr fin-Nadur Għawdex liema triq issa ilha magħluqa għal kollox għal xhur sħaħ?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 10737. Inżid ngħid li matul il-perjodu li qed jirreferi għalih l-Interpellant, ġie utilizzat biex isiru studji mill-esperti lokali u barranin dwar it-tafal u l-moviment tiegħu kemm fi dry u wet season biex b’hekk seta’ jiġi osservat il-moviment tat-tafal u jiġi mħejji disinn li jilqa għall-isfidi kkaġunati mill-moviment tat-tafal.
Leg 13 PQ #10811 Sitting 251 2019-10-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – bajjiet – decking u railings

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm sar decking u railings ġodda fil-bajjiet f'Għawdex għas-sajf 2019 u f’liema bajjiet saru?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min iżid li x-xogħol sar mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #10812 Sitting 251 2019-10-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għalliema Għawdxin li jaħdmu f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema Għawdxin, kemm dawk li jgħallmu fi Skejjel Primarji kif wkoll dawk li jgħallmu ġewwa Skejjel Sekondarji, li jaħdmu fi skejjel ġewwa Malta sena b'sena mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid f’liema lokalità u x'etajiet għandhom dawn l-għalliema, u kemm ilhom snin jaħdmu ġo skejjel ġewwa Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant sena b'sena mill-2013 sal-aħħar tas-sena skolastika li għaddiet hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Esperti fil-qasam tat-toroq – laqgħat ma’ mistiedna mir-Renju Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratturi tat-toroq Għawdxin flimkien ma’ esperti u nies oħra mill-Ministeru għal Għawdex li jaħdmu fil-qasam tat-toroq ġewwa Għawdex kinux mistiedna għal-laqgħat li saru minn esperti tat-toroq li ġew mir-Renju Unit fl-aħħar ġranet ta' Ġunju 2019? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn l-esperti ltaqgħux mal-ħaddiema ta’ Infrastructure Malta u mal-kuntratturi tat-toroq lokali ta' Malta biex jiddiskutu l-opportunitajiet u l-isfidi fl-investiment tat-toroq u jiġu riveduti l-istandards tas-sigurtà u tal-kwalità tat-toroq?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta twaqqfet is-sena li għaddiet ħalli twettaq il-pjan nazzjonali biex pajjiżna jkollu infrastruttura ta’ kwalità għolja li tixraq il-progress ekonomiku u soċjali li kiseb f’dawn l-aħħar snin. Dan il-pjan jinkludi investiment sabiex toroq ewlenin isiru aktar siguri, aktar sostenibbli u akter effiċjenti, investiment bla preċedent sabiex intejbu l-kwalità u nsebbħu t-toroq residenzjali li fihom jgħixu eluf ta’ familji u programm intensiv ta’ manutenzjoni u tiswijiet ta’ toroq u infrastruttura oħra, fosthom dik marittima fi xtutna. Fl-istess waqt, sabiex ti¿gura li pajji¿na jikseb l-aktar gwadann possibbli minn dan l-investiment kbir, waqt li nibqgħu ngawdu r-riżultati tiegħu għal snin twal, Infrastructure Malta hija impenjata wkoll fl-ippjanar u t-twettiq ta’ proċeduri ġodda ta’ assikurazzjoni ta’ kwalità u manutenzjoni kontinwa. Dan l-impenn qed jitwettaq ukoll permezz ta’ reviżjoni sħiħa tal-istandards applikabbli għax-xogħol fit-toroq u l-infrastruttura pubblika, sabiex niżguraw li nadottaw l-aktar proċeduri sikuri u ta’ l-ogħla kwalità, b’materjali superjuri, li jservu aktar. Sfortunatament, ħafna minn dawn l-istandards ilhom ma’ jiġu aġġornati snin twal. Il-proċess sabiex dawn l-istandards jiġu riveduti jinkludi s-sehem ta’ dawk kollha konċernati, fosthom entitajiet differenti, kuntratturi u oħrajn, li gradwalment qed jiġu kkonsultati mill-periti, inġiniera u esperti oħra ta’ Infrastructure Malta. L-aġenzija qed tikkollabora wkoll m’esperti minn pajjiżi oħrajn, fosthom ir-Renju Unit, sabiex tiżgura li l-istandards ġodda li qed jitfasslu jilħqu l-aqwa livellu u teknoloġiji internazzjonali. Il-konsultazzjonijiet bħala parti minn dan il-proċess għadhom fi stadju inizjali. Il-laqgħa li qed issir referenza għaliha hija waħda minn serje ta’ inizzjattivi li Infrastructure Malta qed tieħu sabiex tixpruna din il-konsultazzjoni teknika. Sa tmiem dan il-proċess, se tkun iltaqgħet ma’ dawk kollha konċernati u ma’ dawk li huma interessati jikkontribwixxu biex pajjiżna jkollu infrastruttura tal-ogħla kwalità.
Leg 13 PQ #10737 Sitting 250 2019-10-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħruġ ta’ tender

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar it-Tender by Negotiated Procedure li nħarġet mill-Ministru għal Għawdex, MGOZ/MPU T 19/2018 (Tender by Negotiated Procedure for the Reconstruction and Resurfacing of Part of Triq l-Imġarr, Nadur, Gozo), liema tender ġiet awarded fl-aħħar ta' Lulju 2018? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol abbinat ma’ din it-tender u fiex kienet tikkonsisti din it-tender?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess kollu tal-procurement ġie eżawrit u qed jiġi ffinalizzat il-kuntratt biex ikun jista’ jibda x-xogħol. Bis-saħħa ta’ dan il-proġett, il-problemi ta’ din it-triq se jiġu indirizzati darba għal dejjem u n-Nadur u n-Nadurin se jgawdu minn investiment bla preċedent ta’ €8 miljun mingħand il-Ministeru għal Għawdex.

Aġġudikazzjoni ta’ tender

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar fiex wasal il-proċess biex tiġi aġġudikata t-tender IM005/2018 (Framework agreement for the Construction and Maintenance of Roads in different Localities in Malta on behalf of Infrastructure Malta) li ħarġet minn Infrastructure Malta u li t-Tender Submission Deadline tagħha għalqet fit-30 ta' Novembru 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta twaqqfet is-sena li għaddiet ħalli twettaq il-pjan nazzjonali biex pajjiżna jkollu infrastruttura ta’ kwalità għolja li tixraq il-progress ekonomiku u soċjali li kiseb f’dawn l-aħħar snin. Dan il-pjan jinkludi investiment sabiex toroq ewlenin isiru aktar siguri, aktar sostenibbli u akter effiċjenti, investiment bla preċedent sabiex intejbu l-kwalità u nsebbħu t-toroq residenzjali li fihom jgħixu eluf ta’ familji u programm intensiv ta’ manutenzjoni u tiswijiet ta’ toroq u infrastruttura oħra, fosthom dik marittima fi xtutna. Fl-istess waqt, sabiex tiżgura li pajjiżna jikseb l-aktar gwadann possibbli minn dan l-investiment kbir, waqt li nibqgħu ngawdu r-riżultati tiegħu għal snin twal, Infrastructure Malta hija impenjata wkoll fl-ippjanar u t-twettiq ta’ proċeduri ġodda ta’ assikurazzjoni ta’ kwalità u manutenzjoni kontinwa. Dan l-impenn qed jitwettaq ukoll permezz ta’ reviżjoni sħiħa tal-istandards applikabbli għax-xogħol fit-toroq u l-infrastruttura pubblika, sabiex ni¿guraw li nadottaw l-aktar proċeduri sikuri u ta’ l-ogħla kwalità, b’materjali superjuri, li jservu aktar. Sfortunatament, ħafna minn dawn l-istandards ilhom ma’ jiġu aġġornati snin twal. Il-proċess sabiex dawn l-istandards jiġu riveduti jinkludi s-sehem ta’ dawk kollha konċernati, fosthom entitajiet differenti, kuntratturi u oħrajn, li gradwalment qed jiġu kkonsultati mill-periti, inġiniera u esperti oħra ta’ Infrastructure Malta. L-aġenzija qed tikkollabora wkoll m’esperti minn pajjiżi oħrajn, fosthom ir-Renju Unit, sabiex ti¿gura li l-istandards ġodda li qed jitfasslu jilħqu l-aqwa livell u teknoloġiji internazzjonali. Fid-dawl ta’ dan il-proċess, li jista’ jibdel il-metodi ta’ twettiq u assikurazzjoni tal-kwalità ta’ Infrastructure Malta, inħass li din is-sejħa kellha tiġi rtirata u kkanċellata, sakemm tkun tista’ toħroġ mill-ġdid meta l-proċess ta’ tisħiħ ta’ standards ikun fi stadju aktar avvanzat.
Leg 13 PQ #10746 Sitting 250 2019-10-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex — Bajjiet - sand renourishment

Question

Jista' l-Ministu jgħid x'bajjiet ġewwa Għawdex sarilhom is-sand renourishment għas-sajf 2019 u x'bajjiet hemm ippjanati li jsirilhom is-sand renourishment matul is-sajf 2019 ġewwa Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena l-Ministeru għat-Turiżmu għamel diversi xogħlijiet u tella’ attivitajiet ġewwa Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. B’kollaborazzjoni mal-Ministeru t’Għawdex: · Ġew imħabbra pjanijiet għar-riġenerazzjoni tax-Xlendi maqsuma f’fażijiet differenti – riġenerazzjoni tal-parking area, il-bini tal-moll, riġenerazzjoni tal-boathouses u renourishment tal-bajja. · Għaddej xogħol biex jerġa’ jibda tittejjeb il-konnettivita’ bejn Malta u Għawdex u dan billi jibda’ jopera s-servizz tal-ħelikopter bejn iż-żewġ gżejjer. · Ittella’ ċ-Ċittadella Arts Festival li huwa festival ta’ kalibru li kompla jpoġġi lill-gżira Għawdxija fuq il-mappa internazzjonali tal-avvenimenti kulturali. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu: · Qed taħdem fuq proġett ta' scuttling ta' vapur li ser jitniżżel f'żona marittima Għawdxija, u li ser igawdu minnu skejjel tad-diving Għawdxin. · Tagħti mhux anqas minn kwart ta' miljun euro fuq immaniġġjar tal-bajjiet f'Għawdex u mal-€150,000 oħra għall-immaniġġjar ta' Kemmuna. Fost affarijiet oħra, dawn il-flus iservu sabiex ikun hemm lifeguards, first aiders u anke marine ambulances. · Sar infurzar fuq żewġ bajjiet biex il-bajjiet pubbliċi jkunu aktar aċċessibbli għal kulħadd. · F'Għawdex hemm ukoll żewġ Tourist Information Offices, (wieħed ir-Rabat u ieħor ġewwa l-Mġarr Terminal), li ta` kull sena jaqdu ‘l fuq minn tmenin elf turist. (80K). · l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu kienet katalista sabiex inġieb il-festival Abode on the rock direttament għal Għawdex, ġie organizzat wkoll l- International Fireworks Festival fejn waħda mis-serati sseħħ propju ġewwa Għawdex, ittellgħet ukoll il- Gozo Alive, 6 attivitajiet ta’ Daqq fil-Misraħ u għenet diversi attivitajiet li saru ġewwa Għawdex fosthom il- Gozo Carnival Malta Film Commission: · Inġibed film ġewwa Għawdex permezz ta’ ko-produzzjoni bejn Malta u l-Kanada u l-baġit tal-istess produzzjoni ikun ta’ madwar miljun u nofs ewro.
Leg 13 PQ #10747 Sitting 250 2019-10-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Belt Victoria — proġett ta' bini ta' car parks

Question

Tista' l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġetti ta' bini ta' car parks ġodda tal-karozzi ġewwa il-Belt Victoria?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata pubblikament fi stadju opportun bħal ma sar għal kull proġett maġġuri li qed isir.
Leg 13 PQ #10748 Sitting 250 2019-10-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Servizz ta' Helicopter bejn Malta u Għawdex — sejħa

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid jekk ħarġitx is-sejħa, b'liema mod ħarġet u jekk iva meta ħarġet u fejn ġiet ippubblikata u kemm damet miftuħa s-sejħa biex jingħata servizz ta' helicopter bejn Malta u Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għas-servizz ta’ helicopter bejn Malta u Għawdex ħarġet f’Mejju 2019. Din is-sejħa ġiet ippublikata fil-Gażżetta tal-Gvern, gażżetti lokali u internazzjonali.
Leg 13 PQ #10730 Sitting 249 2019-07-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn Għawdex – Toroq Santa Marija u Qbajjar — pjanijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9474, tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-pjanijiet għat-toroq Santa Marija u Qbajjar f’Marsalforn, Għawdex peress li dawn jinsabu fi stat ħażin ħafna peress li huma toroq li minnhom jgħaddi ħafna mit-traffiku li jkun sejjer għal Marsalforn? Tista’ tgħid jekk it-tenders ġewx imħejjija u tlestewx? Ħarġux u jekk ġewx awarded?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninofrma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru s-surveys tekniċi.
Leg 13 PQ #10731 Sitting 249 2019-07-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Raba’ vapur tal-Gozo Channel – ikliet lill-crew

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk il-crew ta' nazzjonalità barranija li qed jopera r-raba' vapur mikri mill-Gozo Channel bejn Malta u Għawdex, qiegħedx jingħata ikliet b’xejn ta' kuljum imħallsa mill-Gozo Channel? Jekk iva mingħand liema kumpanija/stabbiliment qiegħed jinxtara dan l-ikel? Tista’ tgħid kif intgħażlet u kemm qiegħda titħallas din il-kumpanija/stabbiliment biex tipprovdi dan l-ikel ta' kuljum?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel mhix tagħti ikliet b’xejn kuljum imħallsa mill-istess kumpanija.
Leg 13 PQ #10732 Sitting 249 2019-07-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Master Plan tal-Pjazza tax-Xagħra

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9303, tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-Master Plan tal-Pjazza tax-Xagħra u tgħid jekk irċevitx xi tip ta' informazzjoni mingħand il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, peress li fil-laqgħat tal-kunsill qed jingħad li dan qed isir u jitmexxa mill-Ministeru għal Għawdex? Tista’ tagħti timeframes ta’ x'inhu ppjanat li jsir fuq dan il-Master Plan u meta hu ppjanat li jitlesta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà hemm laqgħa skedata biex tiġi diskussa din il-materja.
Leg 13 PQ #10733 Sitting 249 2019-07-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett Għawdex – lista ta’ toroq

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tieni lista ta' programmi ta’ toroq taħt Proġett Għawdex? Tista’ tgħid kemm-il tender ħarġu sa issa, kemm ġew awarded u jekk bediex ix-xogħol fuqhom?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 10735

Użu tat-Trasport Pubbliku f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna użat it-trasport pubbliku f'Għawdex matul is-sena 2018? Jista' jgħid kemm-il bus għandha l-kumpanija li topera dan is-servizz f'Għawdex u kemm huma l-impjegati tal-kumpanija f'Għawdex? Jista' jgħid kemm mill-impjegati mhumiex ta' nazzjonalità Maltija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat, matul is-sena 2018 kien hemm total ta’ 2,506,881 persuna li wżat it-trasport pubbliku bi skeda f'Għawdex. Is-servizz jitħaddem permezz ta’ 17-il karozzi tal-linja. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu għar-rigward l-impjegati tikkonċerna direttament lill-Malta Public Transport Services Ltd li hija kumpanija privata. Għaldaqstant din l-informazzjoni mhix disponibbli li tingħata.
Leg 13 PQ #10735 Sitting 249 2019-07-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett Għawdex — press release

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 9653 u tagħti lista tal-ħamsin triq li skont il-Press Release maħruġa fit-18 ta' Marzu 2019, ingħata bidu għalihom minn Proġett Għawdex f'Għawdex? Tista' tgħid f'kull każ fejn wasal ix-xogħol fuq dawn it-toroq u meta hu mistenni li kull triq tkun lesta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li issa l-lista ta’ toroq żdiedet u l-informazzjoni hi kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rabat Għawdex – bini ta’ Skola Primarja ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-permess PA 01898/19 (Extension to existing school of 130 classrooms for 500 students multipurpose halls, playgrounds and roofing over of part of private road) u meta hu ppjanat li jiġi approvat u kemm ser jintilfu u kemm ser ikun hemm parking spaces ġodda biex ipattu għat-telf ta' parking spaces biex jakkomodaw id-domanda li ħa tinħoloq minħabba l-bini ta’ Skola Primarja ġdida ġewwa r-Rabat Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant dwar l-applikazzjoni PA1898/19 (Extension to existing school of 130 classrooms for 500 students multipurpose halls, playgrounds and roofing over of part of private road) illi dak li għandu x’jaqsam ma’ parking spaces, qed jiġi eżaminat it-Traffic Impact Assessment biex b’hekk wiehed ikun jista jikkalkula l-kobor ta’ l-impatt, kif ukoll jekk il-proposta tkunx tirrikjedi tibdil biex b’hekk jiġi mnaqqas l-impatt jekk jirriżulta li hemm. Din l-istess applikazzjoni qed tistenna aktar informazzjoni biex b’hekk tkun tista tiġi konkluża l-konsultazzjoni ma’ l-Awtorita’ Dwar l-Ambjent. It-termini tal- AL 162 ta’ 2016 japplikaw għal dak li għandu x’jaqsam ma’ żmien ta’ meta għandha tiġi determinata din l-applikazzjoni.
Leg 13 PQ #10725 Sitting 248 2019-07-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Master Plan tar-Ramla – periti inkarigati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-periti/kumpanija ta' periti inkarigati mill-proġett tal-Master Plan tar-Ramla? Kif intgħażel dan il-perit/kumpanija, x'esperjenzi u kwalifiċi għandhom fi proġetti marittimi u min ta l-awtorizzazzjoni biex jintgħażel/tintgħażel dan il-perit/kumpanija u kemm-il siegħa xogħol għamel/għamlet s’issa u x’tip ta’ xogħol għamel/għamlet fuq dan il-proġett u kemm tħallas/tħallset s’issa? Min ta l-awtorizzazzjoni biex jitħallas/titħallas? Kemm hu ppjanat li jitħallas/titħallas dan l-individwu/kumpanija fuq il-Master Plan tar-Ramla matul is-sena 2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn żmien għal żmien, il-Ministeru għal Għawdex jagħmel użu minn numru ta’ konsulenti fuq id-diversi proġetti tiegħu. Dawn il-konsulenti huma kollha mqabbda skont proċeduri stabbiliti, u mħallsa skont rati fissi, l-istess bħalma kien isir taħt amministrazzjonijiet preċedenti.