Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-bini ta' Qorti ġdid f'Għawdex? Fejn qed jinbena dan il-Qorti u meta hu maħsub li jibda jiffunzjona? Sadanittant, fiex wasal il-proċess biex jiġi installat lift mill-Pjazza tal-Katidral għal bini tal-Qorti fl-istess Pjazza fir-Rabat Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru qed jesplora sit iktar ċentrali għal Qorti l-ġdid, iżda għadu prematur wisq biex jingħataw dettalji.
Ministeru għal Għawdex – direttorati fil-Ministeru
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema huma d-direttorati li hemm fil-Ministeru tagħha u kull direttorat meta ġie mwaqqaf? Tista' tgħid min qed jokkupa l-kariga ta' direttur f'kull direttorat u meta beda jokkupa din il-kariga? Tista' tgħid kemm-il direttorat bħalissa ma għandux direttur u kemm ilu bla direttur u x’inhi r-raġuni li m’hemmx direttur?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fuq is-sit uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena 2019 sal-aħħar ta' Lulju 2019 kemm-il serqa ġiet irrappurtata mal-Pulizija f'Għawdex? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet kienu dawn is-serqiet? Kemm minnhom ġew solvuti u kemm minnhom għadhom ma ġewx solvuti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 11164.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu jew hemm maħsub li jittieħdu biex iħarsu l-interessi tal-konsumatur fosthom dawk li mhumiex daqstant familjarji ma' jew komdi bl-użu tat-teknoloġija moderna, biex dawn il-konsumaturi f'kull istanza jistgħu jħallsu għall-bżonnijiet tagħhom bi flus kontanti (cash)?
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena sal-lum l-għases kollha ta' Għawdex meta kienu miftuħa u bil-pulizija assenjati fihom u meta kienu magħluqa? Jista' jispjega għaliex l-għases ta' lokalitajiet kbar f'Għawdex bħax-Xagħra u n-Nadur qegħdin ikunu aktar magħluqa u bla pulizija milli miftuħa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-Għases prinċipali kollha f’Għawdex inkluż Kemmuna jiftħu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, filwaqt li għases oħra jinfetħu skont l-esiġenzi tas-servizz. Infurmat li madankollu f’kull raħal issir ronda regulari permezz tal-Iskwadra Mobbli tad-Distrett kif ukoll mit-Taqsima tat-Traffiku biex dawn ikopru l-ħtiġijiet fil-lokalitajiet kollha, inkluż ix-Xagħra u n-Nadur. Ma nħossx li tagħrif aktar dettaljat dwar l-operat tal-Pulizija għandu jkun ippubblikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija stazzjonati f'Għawdex fil-preżent u x’inhu r-rank tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm suppost huwa l-full complement tal-pulizija f'Għawdex u x'qed isir biex jintlaħaq dan in-numru?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li f’Awwissu 2019 kien hemm mija u sebgħa u għoxrin (127) membru tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati f’Għawdex, li kienu fir-rankijiet kif jidher fit-tabella hawn taħt:
Supretendent
1
Spetturi
2
Maġġuri
1
Surġenti (irġiel)
16
Surġenti (nisa)
1
Kuntistabbli (irġiel)
88
Kuntistabbli (nisa)
11
Kuntistabbli ta’ riserva
7
Total
127
Infurmat ukoll, li l-proposti għall-full complement ġewwa Għawdex hu ta’ mija u ħamsa ħamsin (155) uffiċjal tal-Pulizija, madankollu filwaqt li l-ammont jiżdied regulari, din il-figura tista’ tvarja u tiddependi mill-esiġenzi tas-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux jew jekk hux ser jittieħdu xi miżuri biex jiġi emendat l-Att dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi, Kap. 544 u/jew xi liġijiet oħra fid-dawl tas-sentenza mogħtija fit-8 ta’ Otturbu 2018 mill-Qorti Kostituzzjonali fl-ismijiet Thake Rosette noe et versus Kummissjoni Elettorali et.?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew bediex il-proċess biex jiġu riveduti l-ammonti minimi u massimi tal-multi kif preskritti fl-artikolu 11 tal-Kodiċi Kriminali?
In-Nadur — Triq it-Torri ta' Kenuna - xogħlijiet fuq triq
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk min-naħa tal-Ministeru tagħha sarx xi intervent fi Triq it-Torri ta' Kenuna fin-Nadur peress li jidher li din it-triq qed iċċedi u hemm partijiet fejn niżlet sew? Jekk ma sarx intervent s'issa, x'inhu ppjanat li jsir biex din it-triq ma ċċedix?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-pjan ta’ din is-sena fuq xogħolijiet ta’ toroq huwa lest u qiegħed jiġi mwettaq kif ippjanat.
Dwar din it-triq il-Ministeru jaf li hemm sfida ta’ tafal u allura diġa beda l-proċess biex isiru l-istudji meħtieġa biex għal din it-triq ukoll tinstab soluzzjoni permanenti.
Għawdex – Triq Għajn Mhelhel – xogħol ta’ asfaltar
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9817, jista’ l-Ministru jgħid jekk f'April li għadda x-xogħol ta' asfaltar u xogħol ieħor fuq Triq Għajn Mhelhel, it-triq li miż-Żebbuġ Għawdex twasslek għall-Bajja tax-Xwejni, bedix u tkompliex b'mod regolari? Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk dan ix-xogħol fuq din it-triq huwiex ser jitlesta kollu kemm hu, sal-aħħar ta' Lulju 2019, kif kien ġie imwieġeb fil-mistoqsija parlamentari 9817? Jekk le x'sar s’issa u x'inhuma r-raġunijiet li din it-triq mhux ser tkun lesta sal-aħħar ta' Lulju 2019, u f’liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li titlesta kompletament din it-triq u tibda titgawda mis-sewwieqa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex li x-xogħol beda iżda minħabba xogħlijiet oħra ta’ urġenza l-kuntrattur ma kompliex ix-xogħol b’mod regolari. Ix-xogħol ser jitkompla b’mod regolari fil-jiem li ġejjin.
Ninsab infurmat wkoll li minħabba l-aċċessibiltà għall-bajja tax-Xwejni u Marsalforn dan ix-xogħol ser jieħu ftit aktar żmien minn kif pjanat biex jitlesta kollu kemm hu.
Belt Victoria – Ċentru ġdid tas-Saħħa – perit/kumpanija
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10631 tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari kollha kemm hi u tgħid min hu l-perit/kumpanija, kif intgħażel, kemm tħallas sa issa u kemm-il siegħa xogħol għamel s’issa u jekk ilux jaħdem mill-bidu nett fuq il-proġett tal-binja tat-taraġ ta’ San Franġisk ġewwa l-Belt Victoria, li ħa jsir iċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa ġewwa Għawdex,? Tista’ tgħid ukoll jekk ħarġux il-permessi kollha meħtieġa biex isir change of use ta' parti mill-binja biex minflok sala tal-wirjiet issir Ċentru tas-Saħħa u jekk le, tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali li qed issir bħalissa ġewwa l-binja, għandux il-permessi kollha meħtieġa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif inbidel l-iskop tal-binja għall-Ċentru tas-Saħħa, inbidel ukoll il-perit li ntagħżel skont sejħa għall-servizzi ta’ periti mill-Ministeru u li jsiru minn żmien għal żmien. B’hekk Għawdex ser ikollu Ċentru tas-Saħħa ġdid u modern.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li t-tender CT2182/2019 Reconstruction of Triq Imġarr, Nadur (li ilha magħluqa għat-traffiku u għan-nies għal dawn l-aħħar xhur) and Triq Sant Antnin Għajnsielem Gozo, ħarġet fl-aħħar ġimgħa ta' Mejju mid-Dipartiment tal-Kuntratti għat-tieni darba konsekuttiva, wara li l-ewwel darba kellha tagħlaq fil-25 ta' Ġunju 2019, imbagħad kien ħareġ avviż u ġiet imġedda biex din it-tender tagħlaq fis-7 ta' Lulju 2019 u issa fit-3 ta Lulju 2019 reġa’ ħareġ avviż ieħor, li din it-tender tiġi imġedda mill-ġdid biex issa ġiet tagħlaq fis-16 ta' Lulju 2019? Jista’ jgħid min qed jitlob li tiġi mġedda din it-tender kull darba, u jekk hux qed ikun hemm xi tibdiliet fl-abbozz tat-tender oriġinali kull darba?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ix-Xewkija Għawdex – ex fabbrika tal-ħalib — irwejjaħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijet li matul dawn l-aħħar ġimgħat, hekk kif beda l-istaġun tas-sajf, qed ikun hemm irwejjaħ insapportabbli fl-akkwati ta’ fejn kien hemm l-ex fabbrika tal-ħalib ġewwa x-Xewkija Għawdex?X'azzjoni qed tittieħed biex tissolva l-problema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li malli feġġet il-problema fil-bidu tas-Sajf, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mill-ewwel ħadet azzjoni u t-tappieri ġew ssiġilati. Il-problema ippersistit u rriżulta li s-sors tal-irwejjaħ kien ġej mill-gradilji tal-kanali li jilqgħu l-ilma tax-xita. Dawn il-kanali ma jaqgħux taħt ir-responsabilita’ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Madankollu, l-entita’ konċernata ġiet infurmata biex tittieħed azzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa wara li rċieva ittra ffirmata min-numru ta' Learning Support Educators Għawdxin li jaħdmu f'Malta u liema ittra kienet iġġib id-data tal-11 ta' Marzu 2019? Jista' jgħid iltaqax ma' rappreżentanti ta' dawk li ffirmaw din l-ittra? Jista' jgħid jekk ġewx indirizzati l-ilmenti ta' dawn l-LSEs Għawdxin u jekk iva kif ġew indirizzati biex tonqos it-tbatija li jgħaddu minnha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-MEDE ġibed l-attenzjoni u talab lill-Bord Mediku biex jara l-każijiet proċessati minnu. Dan biex ikun stabbilit jekk il-kundizzjonijiet mediċi għadhomx effettivi u jekk fil-pożittiv jirristrinġux deċiżjonijiet fid-deployment.
Infurmat li l-individwi li ffirmaw l-ittra ġew ikkuntattjati.
Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li nħasset il-ħtieġa li tinħareġ sejħa pubblika mill-Gozo Channel biex ikollha servizz ta' Service Desk Personnel? Tista' tgħid kemm ser tkun l-ispiża u kemm ser jitqabdu ħaddiema? Tista' tgħid mil-liema post ser jagħmlu dan ix-xogħol il-ħaddiema li ser jiġu ingaġġati?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel determinata li tkompli ttejjeb is-servizz li toffri.
Dwar l-ispiża, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel topera fuq mudell ta’ kumpanija kummerċjali u allura hija ta’ natura sensittiva.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tissolva, u jekk hux ser tissolva sal-aħħar tas-sena 2019, il-problema kbira ta’ drenaġġ li ilha għal diversi xhur taffetwa lill-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom imissu ma’ Triq il-Marġa fix-Xagħra Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ilha diversi drabi tirranġa ħsarat li jiżviluppaw fuq il-katusi tad-drenaġġ matul din it-triq. Dawn il-ħsarat jiġu kkaġunati mill-moviment tat-triq li qiegħda fuq it-tafal. Għalhekk qed isiru tħejjijiet sabiex partijiet sostanzjali tat-triq tinbidel u tkun imsaħħa bil-konkos. Dan huwa ppjanat għal matul is-sena d-dieħla.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ bini ta' skola ġdida ġewwa l-Qawra u jekk din hux se tkun lesta kollha kemm hi mill-bini u mill-finishing u tkun tista’ tilqa’ l-istudenti tal-kinder u tal-primarja sal-bidu tas-sena skolastika l-ġdida jiġifieri Settembru 2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq l-Iskola Primarja l-ġdida fil-Qawra għaddej b'ritmu tajjeb tant li issa wasal fl-aħħar fażi tiegħu ta' kostruzzjoni. Għaddej b'pass qawwi wkoll ix-xogħol fuq installazzjonijiet mekkaniċi u elettrici, kif ukoll xogħlijiet oħra ta' finishings.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. interpellant li kien hemm dewmien fuq ix-xogħlijiet ta' dan il-proġett wara inċident li seħħ fis-sit, li kien suġġett ta' inkjesta maġisterjali, u l-kwistjoni relatata mar-regolamentazzjoni tal-bini f'pajjiżna. Waqt li l-iskola kienet ippjanata li tibda tilqa' l-ewwel studenti fis-sena skolastika 2019-2020, l-FTS qed tagħmel l-almu tagħha biex tibda tintuża parti mill-iskola kmieni s-sena d-dieħla fl-imsemmija sena skolastika.
Tista' l-Ministru tgħid meta l-aħħar li ġew miknusa t-toroq arterjali li ġejjin:
a. Triq San Ġwann;
b. Triq l-Qala;
c. Triq it-Tigrija;
d. Triq il-Knisja;
e. Triq tal-Ħanaq;
f. Triq ir-Ramla; u
g. Triq Għajn Qasab kollha fin-Nadur? Tista' tgħid kemm-il darba fil-ġimgħa suppost jinkinsu dawn it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Għalkemm dawn it-toroq normalment jinkinsu darba fil-ġimgħa, il-Ministeru ħass il-bżonn li l-ħaddiema inkarigati jiġu mibgħuta jikinsu toroq oħra li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru għal Għawdex u li fihom qed isir tneħħija ta’ ħaxix ħażin. It-tindif skont l-iskeda normali jerġa’ jibda meta t-tindif f’toroq oħra jkun komplut.
Jiżdied jingħad li l-Ministeru għal Għawdex qed inaddaf wkoll toroq u żoni taħt ir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali kemm fuq talba tal-Kunsilli stess kif ukoll fuq ilmenti li jirċievi l-istess Ministeru jew rapport li jidħlu mill-Intervention Team
In-Nadur — Triq it-Tiġrija u Trqi il-Qala - xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li jsir x-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala fin-Nadur liema żewġ toroq jinsabu fi stat ħażin ħafna u fl-aħħar sitt snin ma sar l-ebda tip ta' manutenzjoni fuqhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan għas-sena 2019 huwa lest u qed jitwettaq kif ippjanat. Dawn it-toroq huma inklużi f’ċiklu ieħor ta’ toroq wara li jitlestew t-toroq li diġà hemm pjanati għan-Nadur.
In-Nadur — Triq il-Ħanaq u Triq ir-Ramla - xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta se jitkomplew Triq il-Ħanaq u Triq ir-Ramla fin-Nadur li kien beda x-xogħol fuqhom erba' snin ilu qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u tħallew mhux kompluti għal erba' snin sħaħ bil-konsegwenza li x-xogħol li sar ġratlu ħsara kbira għax ma kienx komplut u hemm periklu bil-konkos fil-ġnub tat-toroq imsemmija?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjan tat-toroq għal din is-sena (2019) miexi kif inhu pjanat.