Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #11827 Sitting 277 2019-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – toroq – condition surveys u condition reports

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux condition surveys u condition reports tat-toroq kollha li se jsir xogħol fuqhom mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2020? F'dawn ir-rapporti, ġie identifikat xi ħsarat għandhom dawn it-toroq bħal rutting, crocodile cracks, x'ammont mit-triq preżentement hemm mibnija, eċċ, eċċ? Tista’ tpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull informazzjoni li tingħata dwar xogħol fuq toroq jista jippreġudika l-proċess ta’ tendering. Iżda, għas-serħan tal-moħħ tal-Onorevoli Interpellant nassigurak li sar eżerċizzju komplut u l-Ministeru mhux qed jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni tat-toroq, imma bini mill-ġdid tagħhom.
Leg 13 PQ #11828 Sitting 277 2019-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — widien rijabilitati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10029 li ngħatat fit-30 ta' April 2019 tista’ l-Ministru tgħid jekk il-widien li kienu se jiġu mnaddfa u jiġu rijabilitati fis-sena 2019 li kienu parti mill-Wied tax-Xlendi; Wied il-Għasri; Ta’ Kittina, Marsalforn u l-Wied tal-Grazzja ġewx imnaddfa u rijabilitati kollha kemm huma u jekk le x'inhuma r-raġunijet li ma ġewx imnaddfa u rijabilitati issa li qegħdin fl-aħħar ġimgħat tas-sena 2019? X'tenders għat-tindif ta' dawn il-widien diġà ħarġu u ġew awarded?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti tal-Wied tax-Xlendi li kienet ppjanata li titnaddaf din is-sena, tnaddfet matul is-Sajf li għadda. Il-permess biex jitnaddaf Wied il-Għasri ghadu ma inkisibx. It-tindif tal-parti magħrufa Ta’ Kittina fil-Wied ta’ Marsalforn se issir wara li tkun tnaddfet il-parti ta’ fuq tal-Wied ta’ Marsalforn. It-tindif tal-parti ta’ fuq se jsir b’fondi Ewropej u bħalissa qed jiġu abbozzati s-sejħiet għall-offerti. Min-naħa l-oħra, qed isir xogħol biex jiġi estiż il-permess għat-tindif tal-Wied tal-Grazzja biex b’fondi Ewropej, isir xogħol ta’ tindif fuq parti oħra li ma kienetx fil-pjan originali tat-tindif.
Leg 13 PQ #11829 Sitting 277 2019-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur — Bajja ta’ San Blas - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet saru fil-Bajja ta’ San Blas fin-Nadur, Għawdex wara l-ħsarat kbar li kien hemm f'din il-bajja konsegwenza tal-maltemp qawwi li għamel fix-xitwa li għaddiet? Tista' telenka x-xogħol li sar sa qabel beda is-sajf 2019 u x'tip ta' xogħlijiet hemm ippjanti li jsiru qabel jibda is-sajf 2020?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jaħdem mal-Kunsill Lokali biex isir dak kollu meħtieġ. Il-problema tidher li hi l-kuntrattur, Said Construction Ltd. mhux qed jikkoopera.

Għawdex – proġetti Marittimi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9901 u jgħid jekk il-proġetti Marittimi tal-gżira ta' Għawdex jaqgħux taħt Infrastructure Malta u jekk iva liema huma?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta twaqqfet is-sena li għaddiet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna. Fil-fatt, fil-bidu ta’ din is-sena Infrastructure Malta ħadet f’idejha t-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex. Bħalissa, Infrastructure Malta għaddejja bil-proġett ta’ titjib tal-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr. Dan l-investiment ta’ €6 miljun b’fondi tal-Unjoni Ewropea kien ippjanat minn Transport Malta flimkien mal-Ministeru t’Għawdex u s-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali. Infrastructure Malta mill-ewwel ħadmet biex dan il-proġett ikun jista’ jibda minnufih. It-titjib li qed isir jinkludi t-tħammil ta’ parti minn qiegħ il-baħar fil-port tal-Imġarr li għal snin twal tħalliet timtela b’ħama u materjal ieħor, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-mollijiet fil-Menqa tal-Port, l-inħawi li jużaw is-sajjieda. Ma’ dawn il-mollijiet, Infrastructure Malta se tinstalla wkoll puntuni ġodda b’aktar spazji u aktar aċċessibilità għall-irbit tad-dgħajjes u l-bastimenti ta’ dawn is-sajjieda. Fil-Port tal-Imġarr, se jsiru wkoll tiswijiet tal-mollijiet 2 u 3 (lil hinn miż-żona tal-konċessjoni tal-kumpanija Gozo Channel). Infrastructure Malta matul dawn l-aħħar xhur għamlet ukoll xogħlijiet oħrajn mal-kosta Għawdxija, fosthom tiswijiet ta’ strutturi f’Imġarr ix-Xini - it-tieni parti ta' dan il-proġett ser titkompla fix-xhur li ġejjin. Inbena wkoll mill-ġdid il-moll fil-Bajja ta’ Santa Marija, f’Kemmuna. Infrastructure Malta hi wkoll involuta fil-proġett tal-Fast Ferry Landing Site li hi ppjanata li tinbena fil-Port tal-Imġarr.
Leg 13 PQ #11753 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — in-Nadur - Ta' Xħajma – proġett ta' Multi Modal Hub

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'sar s’issa dwar il-proġett ta' Multi Modal Hub ġewwa Ta' Xħajma fin-Nadur Għawdex? Tista’ tgħid ukoll f'dawn il-ġranet kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan il-proġett u x'tip ta' xogħol infrastrutturali qed isir u meta hu ppjanat li jitlesta dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa ġie skavat il-materjal eċċessiv li kien mormi illegalment f’dan is-sit. Bħalissa għaddejjin l-istudji ġeotekniċi u l-proġett mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena 2020.
Leg 13 PQ #11754 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

LSAs Għawdxin li jaħdmu f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm LSAs, LSA 1 u LSA 2 Għawdxin, kemm dawk li jaħdmu fi Skejjel Primarji kif ukoll dawk li jaħdmu ġewwa Skejjel Sekondarji, li jaħdmu fi skejjel ġewwa Malta sena b'sena mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid f’liema lokalità u x'etajiet għandhom dawn il-ħaddiema, u kemm ilhom snin jaħdmu ġo skejjel ġewwa Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant hu kif muri fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet se jkunu qed isiru matul is-sena 2020 jew qegħdin isiru bħalissa ġewwa Għawdex mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha mibdijin, pendenti u ppjanati għas-sena d-dieħla ġewwa Għawdex huwa skont kif ġej: Xogħlijiet mibdijin - Bdil ta’ servizzi tal-ilma fi Triq Munxar ġewwa l-Munxar - Xogħol ġewwa is-sit ta’ Ħondoq fuq ir-RO il-ġdid - Xogħol fil- borehole ġewwa s-sit tal-MMU - Bdil ta’ servizzi tal-ilma u drenaġġ ġewwa Pjazza San Franġisk. Dan huwa proġett tal-Ministeru għall-Għawdex. Dalwaqt ser jinbeda xogħol ta’ bdil ta’ servizzi ta’ drenaġġ u ilma flimkien mal-Kunsilli u l-Ministeru għall-Għawdex fil-lokalitajiet ta: - Triq Sannat, Sannat - Triq Mġarr, Nadur - Triq Sant Antin, Għajnsielem - Menqa, Marsalforn Xogħlijiet proposti għas-sena 2020 - Tkomplija tar-RO ta’ Ħondoq - Bdil ta’ servizzi ta’ drenaġġ u ilma f’diversi lokalitajiet - Jitkompla x-xogħol fi triq ġewwa l-Għarb u San Lawrenz - Manutenzjoni ta’ kmamar ta’ diversi boreholes - Estensjonijiet tas-sistema ta’ New Water – ilma msaffi għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’.

Għawdex — festi - nar

Question

B' referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10513 dwar uniformità fuq preżenza tal-pulizija fil-postijiet fejn jinħaraq in-nar ġewwa Għawdex u Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk din ġietx indirizzata kollha kemm hi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-kwistjoni dwar uniformità fuq preżenza tal-pulizija fil-postijiet fejn jinħaraq in-nar, ġiet indirizzata u sal-istaġun tal-festi li jmiss għandha tkun riżolta.
Leg 13 PQ #11757 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Belt Victoria — Ċentru ġdid tas-Saħħa - perit/kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 10834 li saret fil-5 ta' Lulju 2019 fl-intier tagħha u tgħid min hu l-perit/kumpanija, kemm tħallas s’issa u kemm-il siegħa xogħol għamel s’issa, fuq il-proġett tal-binja tat-Taraġ ta’ San Franġisk ġewwa l-Belt Victoria, li ħa jsir iċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa ġewwa Għawdex? Tista’ tgħid ukoll jekk ħarġux il-permessi kollha meħtieġa biex isir change of use ta' parti mill-binja biex minflok Sala tal-Wirjiet issir Ċentru tas-Saħħa u jekk le, tista’ tgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali li sar u li qed issir bħalissa u li ilhom għaddejjin għal diversi ġimgħat ġewwa l-binja, għandux il-permessi kollha meħtieġa u jekk iva meta ħarġu dawn il-permessi u ntbagħtu l-karti kollha meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar biex ikun jista’ jsir ix-xogħol infrastrutturali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett hu kopert bil-permessi kollha u peress li l-proġett għandu komponenti diversi, dwar il-ħlasijiet tal-perit marbuta max-xogħol taċ-Ċentru tas-Saħħa dawn qed jitħallsu mill-FMS.

Sentenzi tal-Qrati — website

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu ż-żmien prefiss biex sentenzi tal-Qrati jiġu riprodotti fuq il-website tal-justiceservices.gov.mt u dan peress li f’xi instanzi qed ikun hemm dewmien qabel ma’ sentenza tiġi riprodotta fuq il-website tal-justiceservices?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali tal-Qorti għandhom struzzjonijiet sabiex malli sentenza tiġi ffirmata mill-ġudikant, din titpoġġa fl-iqsar żmien possibli fuq is-sistema tal-Qorti.
Leg 13 PQ #11747 Sitting 275 2019-11-06 Oral · Interim From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — toroq

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 10520 u tgħid min kien il-kuntrattur li ħadem fuq: a. Triq Forn il-Ġir: b. Triq Michele Busuttil; u c. Triq Mattia Preti; fir-Rabat Għawdex u li saru f'dawn l-aħħar ġimgħat? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f'dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm ġiet tiswa kull waħda minn dawn it-toroq, u min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol kollu li sar fuq kull triq? X' testijiet saru qabel, matul u wara li saru x-xogħlijiet fuq dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm-il servizz tal-ilma ġie mibdul f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid jekk inbidilx il-main tal-ilma f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm-il servizz tad-drenaġġ kellu bżonn jinbidel f'kull waħda minn dawn it-toroq u jekk sarux house connections ġodda tad-drenaġġ f'kull waħda minn dawn it-toroq, u jekk sarux gutters fil-ġnub ta' kull waħda minn dawn it-toroq u jekk le x'inhi r-raġuni li ma sarux?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari ser tingħata f’xi seduta oħra

Għawdex — ix-Xewkija - xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10081 jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess dwar il-P.A. number 01606/19, 'Levelling of existing debris, to reinstate existing roads, create Park and Ride parking facilities with permeable ground covers, charging point for electric buses, Bus Terminal and roofed deck top house recreation areas' ġewwa Ta’ Xħajma fix-Xewkija Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, l-applikazzjoni bir-referenza PA1606/19 (Levelling of existing debris, to reinstate existing roads, create Park and Ride parking facilities with permeable ground covers, charging point for electric buses, Bus Terminal and roofed deck top house recreation areas' ġewwa Ta’ Xħajma fix-Xewkija Għawdex) għaddiet mill-istadju ta’ screening u l-Awtorità tal-Ippjanar qedgħha tistenna l-informazzjoni kollha rikjesta fl-ittra ta’ screening biex b’hekk l-applikazzjoni tkun tista’ tgħaddi għall-ipprocessar sħiħ ta’ l-ippjanar.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex – master plan

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10076, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-master plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jiġi approvat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, is-sitwazzjoni għadha dik kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10076, cjoè, li il-master plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex (PA07491/16) għaddiet mill-proċess ta’ “screening” u bħalissa l-Awtorità qiegħda tistenna l-informazzjoni li ntalbet fl-i“screening letter” sabiex tkun tista’ tivvalida u tibda tipproċessa din l-applikazzjoni. Il-Perit talab estensjoni ta’ żmien fil-bidu ta’ din is-sena biex ikun jista’ jwieġeb għall-informazzjoni mitluba. Id-deċiżjoni fuq il-“master plan” għanda tittieħed fi żmien 100 ġurnata minn meta tiġi validata l-applikazzjoni, sakemm ma tintalabx sospensjoni skond Regolament 12(1) ta’ l-Avviż Legali 162/16.

Għawdex — Ta' Sannat – WSC – street art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li street art li saret mill-WSC, fejn fost affarijiet oħrajn kien hemm inkorporat fija speċi ta' funtana li kienet tinsab in-naħa ta' barra tal-bini tal-WSC li jinsab ġewwa Triq ta' Sannat fix-Xewkija Għawdex u li saret matul il-ġimgħat tas-Sajf 2019 , u li kienet bdiet titgawda mill-pubbliku, fl-aħħar ġranet ta' Settembru din l-istreet art flimkien ma’ speċi ta funtana inkorporata magħha, ma baqgħetx hemm iżda minflokha intefgħu ammont konsiderevoli ta' bricks tal-konkos u li issa dawn tneħħew u ma baqa xejn minn dak kollu li kien hemm qabel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li bħalissa qed issir manutenzjoni preventiva fil-post imsemmi.
Leg 13 PQ #11751 Sitting 275 2019-11-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eżamijiet ta' Executive Officers u clerks

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10057 u jgħid kemm fadal persuni li għamlu l-aħħar eżami għall-Executive Officers u Clerks u li għaddew iżda għadhom ma ġewx imsejħa biex jingħataw l-appointment f'din il-kariga? Jista' jgħid sa meta għandha tispiċċa l-validità ta' dan l-eżami?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżami tal-clerks skada. Fil-każ ta’ Executive Officers, ninsab informat li sitta u tletin (63) kandidat għadhom ma ġewx imsejjħa biex jiġu ngaġġati. Dawn jintlew skont il-bzonn tas-servizz u l-postijiet vakanti li jkun hemm. Ir-rizultat jiskadi fis-26 ta’ Dicembru 2019.
Leg 13 PQ #11752 Sitting 275 2019-11-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — uffiċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10028, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex iktar xogħol jittella' Għawdex minn Malta, u allura jkunu jistgħu jittellgħu aktar uffiċjali f’Għawdex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ‘t-tħejjijiet biex aktar xogħol jittella’ Għawdex minn Malta, u allura jkunu jistgħu jittellgħu aktar uffiċjali f’Għawdex’ hu xogħol kontinwu.

Għasri Għawdex – Triq il-Fanal – xogħol f’għalqa mill-Water Services Corporation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ġranet, x'tip ta' xogħol kien qed isir mill-ħaddiema tal-Water Services Corporation ġewwa għalqa fi Triq il-Fanal ġewwa l-Għasri Għawdex u min ta l-awtorizzazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li waqt li l-Kunsill kien għaddej bi proġett ta’ kisi bit-tarmak ta’ Triq it-Tamar, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bidlet il-katusi tad-drenaġġ li mit-triq jgħaddu għal ġo l-għalqa imsemmija, fejn jingħaqdu mal-mina. Awtoriżazzjoni għall-aċċess ingħatat minn sid l-għalqa.
Leg 13 PQ #11671 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija Għawdex – Triq il-Pitkalija — xogħol

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10692 fejn kien ingħad li Triq il-Pitkalija fix-Xewkija Għawdex 'mhuwiex il-mument li ssir mill-ġdid peress li fil-viċinanzi għaddej proġett kbir ieħor li l-entratura għalih huwa mill-imsemmija triq', u peress li fil-bidu tax-xahar ta' Novembru 2019 ser jiġi inawgurat dan il-proġett kbir tal-Gozo Innovation Hub, u li l-uniku entratura ta' dan il-proġett huwa min Triq il-Pitkalija, tista’ l-Ministru tgħid jekk ħarġux it-tenders, meta ħarġu u meta ġew awarded biex din it-triq tinbena mill-ġdid, jinbidlu s-servizzi, isir storm water culvert, isiru bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq u jsir id-dawl lil din it-triq? Tista’ tgħid meta ser jibda x-xogħol infrastrutturali fuq din it-triq u jekk hux ħa jkun lest kollu kemm hu qabel issir iċ-ċerimonja ta' inawgurazzjoni tal-Gozo Innovation Hub?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba għall-kwotazzjonijiet ġiet mitluba nhar it-18 ta’ Ottubru 2019 u għalqet nhar il-25 ta’ Ottubru 2019. B’kollox kienu sottomessi erba’ sottomissjonijiet u li minnhom intgħażlet l-orħos offerta. Ix-xogħol beda u huwa mistenni li jitlesta fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru 2019. Ix-xogħol fit-triq ġie skedat skont ix-xogħol fuq il-proġett.
Leg 13 PQ #11672 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta’ triq alternattiva għad-daħla tal-Belt Victoria

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ triq alternattiva għad-daħla tal-Belt Victoria, u tgħid fil-konkret x'sar sa issa u tgħid x'hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin? Tista’ tgħid ukoll min hu l-perit inkarigat minn dan il-proġett, kemm-il siegħa xogħol għamel sa issa u kemm tħallas għal dan ix-xogħol li diġà għamel? Tista’ tgħid jekk sarux xi laqgħat ta' konsultazzjoni u informazzjoni għall-stakeholders u għall-persuni li ser jintlaqtu minn dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 10025 dwar il-proċess tal-għażla tal-periti.
Leg 13 PQ #11693 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtoritajiet u Aġenziji pubbliċi — tmexxija

Question

Fil-konfront tal-awtoritajiet u l-aġenziji pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jista’ l-Prim Ministru jgħid f’kull każ kif inhi komposta t-tmexxija, u għal kemm żmien hi l-ħatra ta’ dik il-persuna jew persuni responsabbli għat-tmexxija tal-entità konċernata? Jista’ jgħid f’kull każ jekk il-ħatriet dehrux fil-Gazzetta tal-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija kif tidher hawn taht. Entità /Awtorità/ Aġenzija Isem tal-Pożizzjoni/ Post Għal k emm żmien hija l-ħatra MIIPA CEO 5 snin MCA CEO 3 snin MFSA CEO 5 snin Identity Malta CEO 3 snin MRVA CEO 3 snin MDIA CEO 3 snin MITA Executive Chairman 3 snin Malta Business Registry Registratur Il-hatra hija fuq bazi indefinita MCST Executive Chairman 3 snin MGA CEO 3 snin NDSF CEO 5 snin RSSL Executive Chairman 3 snin Servizz.gov CEO 3 snin Jien informat li mhiex il-prassi li ħatriet bhal dawn jitħabbru fil-gazzetta tal-Gvern.