Legislature:
Category:
Reset
Active:

CfT: CT2108/2021 - Services Tender for the Administration of the Community Work Scheme including Training Services

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30839 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ċjoè: B’referenza għas-sejħa CfT: CT2108/2021 - Services Tender for the Administration of the Community Work Scheme including Training Services, jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni f’din l-iskema, kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin, u ma’ liema Ministeru huma assenjati dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll meta (xahar u sena) tiskadi (tispiċċa) din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Settembru 2025, fl-Iskema tal-Community Work kien hemm 991 persuna, 499 minnhom huma Għawdxin u 492 huma Maltin. Infurmat li t-tender preżenti ikopri sa Settembru tas-sena 2028.

Għawdex – Għalliema fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm LSAs u għalliema tal-Kindergarten, tal-Primarja u tas-Sekondarja li bdew jaħdmu f’Għawdex fis-sena skolastika 2025-2026 u f’liema skola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li fl-iskejjel hemm LSEs u mhux LSAs, terminu li m’għadux jintuża, ninforma lill-Onor. Interpellant li għal din is-sena skolastika hemm total ta’ 724 li jinkludu għalliema u LSEs fl-iskejjel t’Għawdex.

Għawdex - Pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30838 u jgħid kif ser tiġi operata u mmaniġġjata l-pixxina l-kbira ġewwa Għawdex issa li nfetħet uffiċjalment u qed tintuża wkoll mill-pubbliku? Jista’ jispeċifika x’kienu l-arranġamenti meħtieġa biex din il-pixxina tibda topera, inkluż l-obbligi ta’ garanziji u maintenance? F’liema xahar u sena għandha tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti għall-operat u l-immaniġġjar tagħha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-ftuħ uffiċjali tal-pixxina l-kbira f’Għawdex, intlaħaq ftehim għal sena (Service Level Agreement) biex jiġi żgurat it-tħaddim u l-użu tal mekkinarju u sabiex l-obbligi ta’ garanziji u manutenzjoni jibqgħu fis-seħħ skont it-termini tal-ftehim.

PMC for Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-‘Preliminary Market Consultation’ li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar bit-titlu ‘PMC for Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex’, li għalqet fit-30 ta’ Settembru 2024, u x’irriżulta? Jista’ jgħid ukoll meta huwa mistenni (xahar u sena) li tinħareġ offerta miftuħa għall-konċessjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed jsiru l-preparamenti sabiex jiġi abbozzat id-dokumenti tal-konċessjoni.

Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22149 li ngħatat fil-5 ta' Novembru 2024, jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar il-'Preliminary Market Consultation' li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati 'Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court'  li għalqet fis-6 ta' Jannar 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm u min kienu l-persuni jew kumpaniji li wrew interess? Fejn se ssir il-Qorti l-ġdida f'Għawdex u meta ser tinfetaħ?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’ hemmx aktar żviluppi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 22149, peress li l-proċess għadu għaddej.

Għawdex – Resurfacing ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30836 u jgħid liema toroq ġewwa Għawdex sar resurfacing fuqhom mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien fiha tul kull triq u kemm ġiet tiswa? Jista’ jgħid ukoll liema toroq hemm ippjanati li jsir resurfacing tagħhom minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena, kemm fihom tul u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża fuq kull triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo - Proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30834 dwar il-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo, jista’ l-Ministru jgħid: i.    meta nbeda dan il-proġett; ii.    x’sar s'issa; iii.    x’fadal isir; iv.    meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jitlesta dan il-proġett; v.    kemm ġie jiswa s’issa dan il-proġett; u vi.    kemm huwa l-persentaġġ iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija f’mistoqsija parlamentari numru 30834.

Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo - Lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew installati lifts ġodda għall-ħaddiema u għan-nies fil-bini tal-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo s’issa, u kemm oħrajn għad iridu jiġu installati u meta se jiġu installati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s'issa ġew installati żewġ liftijiet ġodda. B’hekk fil-bini tal-Ministeru hemm tlett liftijiet li jistgħu jintużaw mill-pubbliku.  Fi xhur li ġejjin huwa mistenni li jiġu nstallati żewġ liftijiet oħra.

Għawdex u Kemmuna - Proġetti b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li se jinbeda x-xogħol fuqhom matul is-sena 2026 ġewwa Għawdex u Kemmuna, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Proġetti u xiri b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom mill-Ministeru tiegħu minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti/xiri u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, matul din is-sena (2025) l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ibbenefika minn xiri ta’ apparat mediku minn fondi Ewropej ERDF (European Regional Development Fund) permezz tal-proġett ERDF 03.273 - Procurement of Medical Equipment for Entities within the Ministry for Health and Active Ageing Malta. Dan il-proġett għandu rata ta’ kofinanzjament 60/40 b’ 60% ta’ l-ispiża tkun koperta mill-Fondi Ewropej u 40% mill-fondi nazzjonali. Dan l-apparat kien jinkludi CT-Scanner b’nefqa kapitali ta’ €1,388,351 u Ultrasound Machine b’valur ta’ €54,124.00 imħallas mill-ERDF. Is-CT-Scanner bdiet topera f’Jannar fil-waqt li l-Ultrasound Machine bdiet topera f’Lulju ta’ din is-sena. Aktar investiment permezz ta’ fondi Ewropej fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali - Proġetti u xiri b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom mill-Ministeru tiegħu minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti/xiri u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa ma hemm l-ebda l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej.

Port tal-Imġarr Għawdex - Proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30847 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6678 dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr, Għawdex u Triq il-Madonna ta’ Lourdes f’Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr), u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22730 tat-XIII-il Leġiżlatura fejn kien ġie mwieġeb li “qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq dan il-proġett, il-Ministeru hu tal-fehma li ssir ukoll konsultazzjoni pubblika mill-GRDA sabiex jiġu wkoll diskussi l-effetti ambjentali li tali proġett jista’ jikkawża”, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx, fiex waslu u meta bdew il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) sabiex jiġu diskussi l-effetti ambjentali ta’ dan l-imsemmi proġett u x’kien l-eżitu? X’inhu jsir bħalissa fuq dan il-proġett u x’inhu l-pass li jmiss?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser jitwaqqaf Task force fil-jiem li ġejjin li mistenni jindirizza wkoll it-triq alternattiva tal-Port tal-Imgarr.

Marsalforn – Parkeġġ – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22137, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi tal-parkeġġ ta’ Marsalforn u jgħid meta se jkompli jinkesa bit-tarmak peress li qed ikompli jiddeterjora?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li għal dan is-sit, il-Ministeru qed iħejji pjan ħolistiku li eventwalment ser iwassal għal parkeġġ u faċilitatijiet rinovati u modernizzati.

Għawdex - Parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta’ karozzi li jistgħu jipparkjaw fil-parkeġġ il-kbir ta’ ħdejn Villa Rundle kif ukoll fil-ground tal-football li hemm maġenbu, li għal dawn l-aħħar snin dejjem intuża għall-parkeġġ tul is-sena kollha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Oral Contraceptive Pills impurtati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impurtati Oral Contraceptive Pills (OC) f’pajjiżna, matul l-aħħar għaxar (10) snin, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva mgħandux aċċess għall-informazzjoni dwar importazzjoni minn kumpaniji kummerċjali.

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – Sejħa għal hairdressers

Question

B’referenza għall-aħħar sejħa esterna (minn barra) biex jiġu ingaġġati hairdressers ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom ġew magħżula s’issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li għal din is-sejħa ta’ hairdressers għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, applikaw 20 persuna u minnhom ġew magħżula 6.

Ir-Rabat, Għawdex – Masterplan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-Master Plan ta’ Pjazza San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex u jgħid ukoll meta nbeda (sena u xahar) u meta hu ppjanat li jiġi konkluż? Jista’ jgħid fil-konkret x’sar matul din l-aħħar sena dwar dan il-Master Plan u kemm intefqu flus matul dan il-perjodu, u għal xiex intefqu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi x-xogħol fuq il-Master Plan ta’ Pjazza San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex hu attivament għaddej. Ninsab infurmat li fiż-żmien li ġej se jiġi ppreżentat disinn aġġornat tal-proposta. Dan wara li kienu kkonsultati l-istakeholders involuti, li ressqu diversi suġġerimenti. Il-ħlasijiet li saru s'issa kienu marbuta mas-servizzi ta' perit relatati mal-proġett u għall-ħlas tal-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Iż-Żebbuġ, Għawdex - Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 27203, 28081 u 29358 dwar xogħlijiet fi Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni, jista’ l-Ministru jgħid: i. Fiex kienu jikkonsistu l-interventi meħtieġa sabiex Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni tkun tista’ tkompli tintuża? ii. Minn min saru dawn l-interventi? iii. Min kienu l-persuni tekniċi inkarigati minn dawn ix-xogħlijiet min-naħa tal-Ministeru? iv. Kemm ġew jiswew? Jista’ jgħid ukoll jekk fil-preżent hemmx periklu għall-persuni u għall-vetturi li jgħaddu minn din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta parlamentari 31194.