Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għasri – Fanal tal-Ġordan – xogħol ta’ restawr

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32442 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ restawr sar u kemm ikkontribwit finanzjarjament Transport Malta fuq il-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri matul is-snin 2017, 2018 u 2019 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, peress li qed tikri partijiet mill-istess Fanal u qed iddaħħal eluf ta’ euro fis-sena mill-kirja tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Rigward ir-restawr innifsu tal-Fanal, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat kif diġa’ ġie indikat f’PQ 32442 f’Seduta 506. L-ammonti riċevuti fuq il-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri kienu kollha ġġenerati minn kiri ta’ spazju lil Vodafone u Go PLC. It-tali ftehim spiċċa fit-13 ta’ Settembru 2018. Vodafone ħallset € 5575.52 (inkluż il-VAT ) għall-2017 u € 4181.64 sa Settembru 2018. Il-Go PLC ħallset € 5575.50 (inkluż il-VAT) kemm fis-sena 2017 u anke fl-2018. Apparti l-kirja, Go PLC kienu qed iħallsu wkoll għall-konsum tal-elettriku. L-Università ta’ Malta qegħda tħallas fuq bażi regolari l-konsum tal-elettriku fuq it-tagħmir li għandha fil-post.

Dwerja Management Board – varjazzjoni fil-kompożizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm varjazzjoni fil-kompożizzjoni tad-Dwejra Management Board? Jekk iva, x'tibdil jew żieda kien hemm? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqa' dan il-Bord minn kemm ilu li reġa’ ġie kkostitwit sad-data meta tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-minuti tal-laqgħat li kellu dan il-Bord minn meta reġa’ ġie kkostitwit? Jista’ jgħid x'rakkomandazzjonijiet għamel il-Bord u bdew jiġu mwettqa jew ġew imwettqa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 10943.
Leg 13 PQ #11961 Sitting 280 2019-11-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

L-Imġarr – latrina tat-terminal tal-port — pjanċa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li iktar minn sena ilu tpoġġiet pjanċa kbira tal-ħadid fit-triq quddiem il-latrina tat-Terminal tal-Port tal-Imġarr? Tista’ l-Ministru tgħid meta ser titneħħa din il-pjanċa peress li qed tkun ta' periklu kbir minħabba li tiżloq għas-sewwieqa li bil-fors iridu jgħaddu minn fuqha?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-pjanċa tpoġġiet biex jitneħħa kull periklu għas-sewwieqa u għall-vetturi minħabba x-xogħol ħażin li kien sar fuq il-culvert, liema xogħol sar fi żmien Gvern Nazzjonalista meta sar il-proġett tat-Terminal tal-Imġarr. Ix-xogħol mistenni li jsir fil-jiem li ġejjin meta l-influss tal-vetturi jonqos xi ftit. Sadanittant kellhom isiru xi xogħlijiet oħrajn biex jitnaddaf il-culvert.
Leg 13 PQ #11962 Sitting 280 2019-11-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — Triq Forn il-Ġir u Triq Mattia Preti - xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn fil-parti ta' fuq ta’ Triq il-Forn il-Ġir u Triq Mattia Preti li saru ta’ malajr ftit ġranet qabel l-elezzjonijiet ta' Mejju 2019, diġà beda jsir tqattigħ fit-triq biex isiru xi trinek u ilhom għal diversi ġimgħat mhux asfaltati?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn hemm il-lean mix u mhux tarmac, ingħaqdu l-mains tal-ilma. Meta jsiru l-mains kollha mill-Water Services Corporation, it-triq titqaxxar u tingħata t-tarmac.

L-Għarb Għawdex – Triq il-Madonna tal-Virtut — asfalt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għalfejn Triq il-Madonna tal-Virtut fl-Għarb Għawdex ilha iktar minn sena b'kisja waħda ta' asfalt u hemm it-tappieri kollha tad-drenaġġ għoljin iktar mill-ewwel kisja tarmak u huma ta' periklu kbir għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq? Jista’ jgħid f’liema xahar u sena hi ppjanata li ssir it-tieni kisja tarmak?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb li f’din it-triq imsemmija kien beda x-xogħol fuqha i¿da minħabba l-kundizzjoni tat-temp dan ma setax jitkompla. Għaldaqstant din ser tkun tista’ titkompla hekk kif it-temp jippermetti.
Leg 13 PQ #11971 Sitting 280 2019-11-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra – Triq Ġorf — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar ġranet ma kien hemm ebda ħaddiema tal-kuntrattur jaħdmu ġewwa Triq Ġorf fix-Xagħra? F’liema xahar u sena hu ppjanat li tingħata l-ewwel kisja tarmak lil din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm timeline tax-xogħlijiet tal-kuntrattur iżda kien hemm proċeduri legali li xekklu l-andament tax-xogħol. Ix-xogħol mistenni li jkun lest din il-ġimgħa jew il-ġimgħa d-dieħla.
Leg 13 PQ #11841 Sitting 279 2019-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Iż-Żebbuġ Għawdex — Triq Għar Qawqla

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għala għadu ma tneħħix il-konkos imkisser ta' taħt it-triq Għar Qawqla fiż-Żebbuġ Għawdex wara l-maltempata ta’ sentejn ilu u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jsir ix-xogħol ta' rranġar tal-konkos imkisser?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk qed jirreferi għall-istruttura tal-konkos li ilha mġarrfa snin twal (u mhux fl-aħħar sentejn), dan ix-xogħol ser jiġi inkluż f’fażi tal-Masterplan ta’ Marsalforn. Nassigura u nserrah ras l-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed imexxi pjan biex jiġu indirizzati sfidi li ilhom għoxrin sena jakkumulaw.

MCCAA – Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – klawsoli meqjusa inġusti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il każ u f’liema setturi ħa passi d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex jitwarrbu jew jinbidlu klawsoli meqjusa inġusti (unfair contract terms) fir-rigward tal-konsumatur skont il-Kap. 378 mill-2015 sal-lum sena b’sena? F’kull każ, fiex kienu jikkonsistu l-miżuri meħuda u x’kien l-eżitu?

Response (BONNICI, OWEN)

Hawn taħt hawn l-informazzjoni mitluba. - Żewġ interventi fl-2015, rispettivament fil-kamp tas-servizzi finanzjarji (bankarju) u tat-telekomunikazzjonijiet, li ġew risolti permezz ta’ konformità volontarja mad-dispożizzjonijiet legali relevanti mill-operaturi kkonċernati; - Żewġ interventi fl-2018, wieħed fil-kamp tat-telekomunikazzjonijiet, li ġie risolt ukolll permezz ta’ konformità volontarja da parti tal-operatur konċernat; filwaqt li l-każ l-ieħor għadu mhux magħluq; - Intervent fl-2019 fil-kamp tat-telekomunikazzjonijiet, risolt permezz ta’ konformità volontarja min-naha tal-operatur ikkonċernat.

MCCAA — Memorandum of Understanding

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11537, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet kemm lokali kif ukoll barranin, jekk hemm, li magħhom l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tramite diversi Direttorati Ġenerali tagħha, għandha Memorandum of Understanding?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-MCCAA għandha Memomarandum of Understanding ma’ dawn l-entitajiet li ġejjin: National Accreditation Board ARPA (Agriculture and Rural Payments Agency) Department of Agriculture of Malta Water Services Corporation The Competition Authority of the Republic of Albania Building Regulation Office Cyprus Organization for Standardisation Malta Laboratories Network

Xagħra Għawdex – Triq tal-Masri — culvert

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9302 li ngħatat fit-28 ta’ Frar 2019, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex isiru culverts li jilqgħu l-ilma tax-xita fi Triq tal-Masri fix-Xagħra Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għadu ma nbedix ix-xogħol ta' culverts li jilqgħu l-ilma tax-xita u x-xogħol ta' asfaltar (resurfacing) fl-imsemmija triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li x-xogħol ta' asfaltar ta' Triq Masri fix-Xagħra Għawdex, ser jibda wara li jintemm ix-xogħol ta' asfaltar fi Triq Gajdoru, liema xogħlijiet qed isiru mill-istess kuntrattur li rebaħ l-offerta pubblika u qed jiġu iffinanzjati mill-Ministeru għal Għawdex. Ninsab infurmat wkoll li x-xogħol kollu qed isir skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Perit kif approvati fil-laqgha tal-Kunsill Lokali.

Marsa Flyovers – test tat-tgħabbija

Question

Peress li f’dawn l-aħħar ġranet saret l-inawgurazzjoni tal-ewwel żewġ flyovers tal-proġett tal-Flyovers fil-Marsa, li diġà bdew jintużaw mis-sewwieqa, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk sarux it-testijiet tat-tgħabija (load tests) fuq iż-żewġ flyovers?Jekk iva, jista’ jagħti l-ġurnata u l-ħin meta saru? X'kien l-eżitu ta’ dawn it-testijiet? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ dawn it-testijiet u ritratti li juri t-testijiet li saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Marsa Junction Project, li qed isir b’investiment ta’ €70 miljun b’ko-finanzjament tal-Unjoni Ewropea, ser jelimina t-traffic lights ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata permezz ta’ aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, u se joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk se jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u jonqsu l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Bil-proġett se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini u korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona ta’ park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti, fost infrastruttura oħra ġdida. Infrastructure Malta fetħet l-ewwel żewġ strutturi ta’ flyovers tal-Marsa Junction Project għall-użu mill-publiku fl-20 ta’ Settembru 2019. Minn dakinhar, dawn il-flyovers diġa bdew jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar fid-direzzjoni mill-Marsa lejn Ħal Luqa, l-Ajruport u lokalitajiet oħra f’dawn l-inħawi. S’issa aktar minn 500,000 vettura użaw dawn il-flyovers minflok is-sistema antika ta’ traffic lights li kienet saret fl-1997, sabiex jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta. Iż-żewġ strutturi ta’ flyovers ġodda huma l-aktar waħda wiesgħa u l-iżjed waħda għolja li qatt inbnew f’Malta. Bi gverta t’erba’ korsiji, l-ewwel struttura ta’ flyover fi Triq Aldo Moro hija l-aktar struttura wiesgħa tax-xorta tagħha fil-pajjiż. Il-gverta hija ffurmata minn 56 travu tal-konkos, b’kull wieħed jiżen 36,000 kilo (36 tunnellata). Fl-ogħla parti tagħha, din il-flyover tingħaqad mat-tieni struttura ta’ flyover, li testendi minn Triq Giuseppe Garibaldi. It-tielet struttura ta’ flyover li qed tinbena bi dritt Vjal Santa Luċija se tingħaqad ma’ l-ewwel flyover u tinfetaħ għall-pubbliku sal-aħħar ta’ din is-sena. It-tieni struttura ta’ flyover hija dik li se tkun l-iżjed fil-għoli, maqtugħa aktar minn erba’ sulari mill-art biex minn taħtha mbagħad tgħaddi flyover oħra u korsiji oħra fil-livell tal-art. It-13-il travu tal-azzar li jiffurmaw il-liwja ta’ din il-flyover inħadmu t-Turkija, imbagħad inġiebu Malta bil-baħar u fis-sajf ingħaqdu fuq is-sit u ttellgħu f’posthom. Uħud minn dawn it-travi huma itwal minn 100 metru. Iż-żewġ strutturi ġodda jserrħu fuq 16-il kolonna magħmulin mill-azzar u l-konkos li nbnew fuq pedamenti li jinkludu 137 pilastru tal-konkos, li wħud minnhom tniżżlu mas-seba’ metri taħt l-art. Biex saret din il-konnessjoni ġdida, intużaw aktar minn 800 tunnellata azzar, 7,500 tunnellata konkos u 1,400 tunnellata asfalt. Il-konkos u l-asfalt għal dan il-proġett qed jiġu manifatturati f’wieħed minn tliet impjanti temporanji li ntramaw fis-sit fejn kienet il-Malta Shipbuilding, ftit metri bogħod mis-sit tal-proġett. Dawn it-tliet impjanti qed jipproduċu t-350 travu li hemm bżonn għall-flyovers, kif ukoll il-konkos għall-istrutturi kollha tal-proġett u l-asfalt għall-uċuh tat-toroq ġodda. Kieku ma sarux dawn l-impjanti, il-materjali kollha kien ikollhom jiġu trasportati lejn is-sit tal-proġett minn impjanti lokali li jinsabu diversi kilometri bogħod. Bis-saħħa ta’ dawn l-impjanti li qed jipproduċu l-konkos u l-asfalt fis-sit, Infrastructure Malta qed tiffranka aktar minn 4,500 vjaġġ tat-trakkijiet mit-toroq fl-inħawi. B’hekk qed jiġu ffrankati 22 tunnellata tniġġis ta’ diossidju tal-karbonju fl-arja fil-lokalitajiet tal-madwar. Fejn ikun possibbli, it-terrapien li jinqala’ bit-tħaffir biex isiru l-pedamenti tal-isturtturi ġodda mhux jintrema f’siti għall-iskart jew fil-barrieri. Minflok, dan qed jiġi pproċessat mill-kuntratturi u jerġa’ jintuża għar-radam fil-proġett stess. Iż-żewġ strutturi ta’ flyovers ġodda, li magħqudin flimkien ikopru distanza ta’ madwar nofs kilometru, ħolqu rotta diretta bejn il-Marsa u Ħal Luqa, lejn l-Ajruport u l-mini ta’ Ħal Kirkop, flok dik li konna nużaw qabel mit-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Sa tmiem din is-sena, malli tiftaħ it-tielet flyover, Infrastructure Malta tkun tista’ żżarma darba għal dejjem is-sistema tat-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, u jkompli jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar għal aktar minn 100,000 persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn din il-junction. Din it-tielet flyover se tkun l-itwal waħda tat-tip tagħha f’Malta, biex toħloq konnessjoni diretta bejn Triq Aldo Moro u Vjal Santa Luċija. Il-gverta tagħha se tkun magħmula minn 65 travu tal-konkos li se jiffurmaw rotta ta’ 227 metru (it-tul ta’ żewġ grounds tal-football) minn Vjal Santa Luċija sakemm tingħaqad mal-ogħla parti tal-ewwel flyover fi Triq Aldo Moro. Uħud mit-travi ta’ din l-istruttura huma l-itwal travi tal-konkos li ntużaw f’dan il-proġett, b’tul ta’ 31.2 metri ’l wieħed. Din l-itwal struttura ser isserraħ fuq 16-il kolonna, li 12 minnhom diġà nbnew. Għall-pedamenti tagħha tpoġġew 66 pilastru tal-konkos taħt l-art. L-iżjed parti għolja tal-gverta tagħha se tkun 15.9 metri ’l fuq mit-triq li tgħaddi minn taħtha fil-livell tal-art. Ir-raba’ flyover, li mistennija titlesta sal-aħħar ta’ Jannar ser tkun waħda iqsar, b’tul ta’ 85.5 metri. Din qed tinbena biswit il-parkeġġ taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u se tipprovdi rotta eħfef u diretta bejn Vjal Santa Luċija u Ħal Qormi (minn Triq il-Gvern Lokali u Triq il-Marsa, ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok) kif ukoll twassal għall-faċlità ta’ Park and Ride ġdida li se ssir bħala parti mill-proġett. Il-gverta ta’ din il-flyover se tkun iffurmata minn 12-il travu li minnhom diġà hemm erbgħa f’posthom. Se tkun fuq tliet kolonni. Żewġ flyovers oħrajn ta’ dan il-proġett, ippjanati li jinfetħu għall-pubbliku sal-aħħar ta’ Marzu li ġej, qed jinbnew taħt iż-żewġ flyovers li diġà huma lesti, biex jiffurmaw iż-żewġ korsiji li finalment se jgħaqqdu r-rotta tan-nofsinhar, minn Triq Aldo Moro lejn Triq Giuseppe Garibaldi, fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa, il-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Ajruport. L-ewwel żewġ flyovers li temporanjament qed jintużaw għal din ir-rotta, imbagħad jibdew jintużaw fir-rotta lejn it-tramuntana, biex b’hekk tkun kompluta l-konnessjoni f’żewġ direzzjonijiet bejn Triq Aldo Moro u Triq Garibaldi. Bl-istess mod, il-konnessjoni diretta fid-direzzjoni opposta lejn in-nofsinhar se tkun iffurmata minn żewġ strutturi ta’ flyovers separati, li qed jinbnew bħalissa u li se jingħaqdu flimkien. Il-gverta tal-istruttura li qed tinbena fuq in-naħa ta’ Triq Aldo Moro se tkun bi tliet korsiji ffurmata minn 10 travi tal-konkos ħdejn xulxin, b’tul ta’ 30.4 metri ’l wieħed. Waqt li l-gverta tal-flyover l-oħra li twassal għal Triq Garibaldi se tkun twila 86 metru. Din se tkun ġejja għat-tond, bil-liwja tagħha diġà hija ffurmata minn 19-il travu tal-azzar u bħalissa qed tinbena l-gverta fuqhom. L-istrutturi ta’ dawn iż-żewġ flyovers se jkunu qed iserrħu fuq seba’ kolonni u għall-pedamenti tagħhom tpoġġew 48 pilastru ieħor tal-konkos taħt l-art. Is-seba’ flyover se tkun dik li se toħloq konnessjoni diretta lejn in-nofsinhar bejn Triq Aldo Moro u Vjal Santa Luċija. Din se tkun magħmula minn 73 travu li flimkien jiffurmaw rotta ta’ 128 metru. Il-gverta ta’ din il-flyover se tibda b’żewġ korsiji, imbagħad tirdoppja fil-wisgħa u ssir b’erba’ korsiji b’dik tax-xellug tipprovdi rotta lejn Triq il-Palma, it-tnejn tan-nofs jibqgħu sejrin dritt għal Vjal Santa Luċija u l-korsija tal-lemin twassal għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-Park and Ride. L-ogħla parti ta’ din il-flyover se tkun disa’ metri ’l fuq mit-toroq li jgħaddu minn taħtha u l-istruttura se sserraħ fuq 13-il kolonna li minnhom diġà hemm tnejn f’posthom. Għall-pedamenti tagħha kellhom jitpoġġew 114-il pilastru tal-konkos taħt l-art. Ix-xogħol kollu ta’ dan il-proġett huwa suġġetti għal skrutinju kontinwu minn timijiet differenti ta’ periti, inġiniera u esperti oħra, fosthom dawk ta’ Infrastructure Malta, tal-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol, kif ukoll ta’ tim ieħor ta’ kumpanija t’esperti internazzjonali li tqabbad apposta biex jissorvelja x-xogħol kollu u jiċċertifika l-kwalità u s-sigurezza ta’ kull infrastruttura ġdida li qed tinħoloq. Dawn it-timijiet ta’ spetturi tax-xogħol qed isegwu kull ħidma biex jaraw li l-metodi u l-materjali użati jkunu tal-aqwa kwalità u li jilħqu r-rekwiżiti tekniċi u l-istandards internazzjonali kollha applikabbli. Jiżguraw ukoll li x-xogħol isir bl-aktar mod sigur, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-persuni li jgħixu jew jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi. Minbarra testijiet fuq il-post, waqt u meta jitlesta x-xogħol, isiru wkoll testijiet tal-materjali użati f’laboratorji differenti. It-testijiet fuq l-istess materjali jsiru aktar minn darba, biex jiġi żgurat li r-riżultati jkunu konfermati għal darba darbtejn. Tajjeb jingħad li dan il-proġett ġie ddisinjat li jsir b’materjali u metodi li jiżguraw li l-istrutturi ewlenin tiegħu, fosthom il-flyovers, ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw bl-inqas interventi ta’ tiswijiet u manutenzjoni possibbli, għal aktar minn 100 sena. L-esperti li qed isegwu u jiċċertifikaw l-istrutturi ta’ dan il-proġett ma kienx jeħtieġ li jagħmlu t-test speċifiku indikat f’din il-mistoqsija, peress li ċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-istruttura ġiet determinata b’metodi oħra li normalment isiru waqt u wara l-bini tal-istess strutturi. It-tagħrif tekniku li jista’ jinkiseb mit-test indikat ġie miġbur b’metodi oħra applikabbli. Infrastructure Malta ser tkompli tesiġi li x-xogħol meħtieġ isir fl-inqas żmien possibbli u bl-ogħla livelli ta’ kwalità u sigurezza sabiex il-pubbliku jibda jgawdi minn dan it-titjib fir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta mill-aktar fis u bl-aqwa valur b’rendiment fit-tul għal dan l-akbar investiment infrastrutturali f’pajjiżna.
Leg 13 PQ #11958 Sitting 279 2019-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ir-Rabat Għawdex – Skola Sekondarja – car park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-car park tal-karozzi li jinsab taħt l-Iskola Sekondarja u l-ground tal-istess skola ġewwa r-Rabat Għawdex, m’għadux jinfetaħ b’mod regolari għall-użu tal-pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-car park li jinsab taħt l-Iskola Sekondarja u l-ground tal-istess skola ġewwa r-Rabat Għawdex, huwa għall-użu tal-istaff ta’ tliet skejjel (Skola Medja, Sekondarja u Sixth Form). Jinfetaħ għall-pubbliku matul il-vaganzi tal-iskola (sajf, Milied u Għid). Jinfetaħ ukoll għal xi okkażjonijiet meta jsir xi avveniment fil-belt Victoria (eż Karnival). Kull nhar ta’ Sibt jinfetaħ biex jakkomoda l-Farmer’s Market fejn l-aċċess ikun minn Triq Fortunato Mizzi; l-aċċess minn Triq l-Ewropa jinżamm magħluq biex ma jkunx hemm periklu għall-istudenti li jattendu SkolaSport kull nhar ta’ Sibt. F’dawn l-okkażjonijiet u oħrajn simili dejjem jinfetaħ fuq talba tal-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #11831 Sitting 278 2019-11-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra – Triq Gorf — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ser idumu jgħixu fit-trab il-familji ta' Triq Gorf fix-Xagħra, Għawdex u dan peress li t-triq tagħhom inqalgħet fil-bidu ta' Diċembru 2018 u llum, aktar minn 11-il xahar għadha f'dan l-istat? Tista' tgħid jekk dawn il-familji għandhomx tama li fi żmien qasir ikollhom is-servizz tad-drenaġġ u x’inhu l-pjan tal-Ministeru tagħha biex f'din it-triq jgħaddi s-servizz tad-drenaġġ?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Manutenzjoni ma jista jagħmel l-ebda xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ minħabba proċeduri legali pendenti fil-Qorti. Ix-xogħol tkompla fuq il-kaptelli tal-fosos u wara se jingħata l-wiċċ tat-triq.
Leg 13 PQ #11832 Sitting 278 2019-11-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Innovation Hub – proġett iffinanzjat minn Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Peress li fis-7 ta' Novembru 2019 ħa jiġi inawgurat il-proġett iffinanzjat minn fondi ta' Unjoni Ewropea tal-Gozo Innovation Hub tista’ l-Ministru tgħid x'tip ta' tindif u xogħol ieħor ta’ upgrading sar s’issa u hemm ippjanati li jsiru fl-akkwati u l-madwar tal-Gozo Innovation Hub?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tlesta u ġie inawgurat. Sar wkoll xogħol fuq Triq il-Pitkalija.

Għawdex — housing soċjali - waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-lista ta' stennija għall-housing soċjali f'Għawdex fl-aħħar ta' Ottubru 2019? Jista' jgħid x'qed isir biex dawn in-nies li qegħdin fil-waiting list ma jiqbgħux jistennew iżjed?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-31 ta’ Ottubru 2019, kienu 54 l-applikanti għal housing soċjali li għażlu Għawdex bħala l-ewwel preferenza tagħhom. L-Awtorità tad-Djar toffri skema ‘Nikru biex Nassistu’, skema li tilqa’ proposti mingħand sidien ta’ proprjetà residenzjali vojta li jixtiequ jikruha lill-Awtorità tad-Djar għall-iskop ta’ akkomodazzjoni soċjali. Taħt din l-iskema l-Awtorità tad-Djar kriet 31 proprjetà f’Għawdex, dan ifisser li permezz ta’ din l-iskema l-Awtorità qiegħda tkompli żżid l-units ta’ housing soċjali.
Leg 13 PQ #11838 Sitting 278 2019-11-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn — tender

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk it-tender bin-numru ta’ referenza CT2199/2019 Negotiated Procedure for the Paving and Embellishment works at Marsalforn Promenade Marsalforn Gozo ġiex awarded u jekk iva, f’liema xahar ġie awarded?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġie awarded matul ix-xahar t'Ottubru 2019 u x-xogħol ser jibda fil-ġranet li ġejjin hekk kif il-Perit tad-Dipartiment ilesti x-xogħol preparatorju meħtieġ.
Leg 13 PQ #11839 Sitting 278 2019-11-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza tax-Xewkija – inawgurazzjoni — nefqa

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tal-Pjazza tax-Xewkija li saret fl 4 ta' Ottubru 2019? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija inawgurazzjoni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Fibre Optic Cable

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar il-Proġett tal-Fibre Optic Cable ta’ bejn Malta u Għawdex? X’persentaġġ ta’ xogħol sar s’issa u x’fadal isir? Meta u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda jiffunzjona?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ħafna mix-xogħol ta’ inġinerija ċivili sar. F’Malta l-Cable tal-art ser jibda’ jitqiegħed fil-jiem li ġejjin. Fil-każ t’Ghawdex ix-xogħol b’rabta ma’ l-inġinerija ċivili għaddej u tlesta 66% tiegħu, kif jitlesta jibda’ jitqiegħed il-cable tal-art. Il-cable tal-baħar huwa mmanifatturat u lest biex fil-ġimgħat li ġejjien u kif it-temp jippermetti jitpoġġa fil-baħar. Huwa mistenni li s-sistema kollha tkun ikkommissjonata s-sena d-dieħla.

Atti tal-Parlament – emendi ta’ liġi

Question

Ladarba Att tal-Parlament jiġi approvat u daħal fis-seħħ fejn l-imsemmi att ikun qed jemenda liġi viġenti, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu ż-żmien prefiss biex l-emendi kif approvati fl-att, jiġu riflessi fil-verżjoni konsolidata tal-liġi inkwistjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Membru li ż-żmien li jittieħed biex isir l-aġġornament tas-sit elettroniku tal-Liġijiet ta’ Malta wara li emenda tidħol fis-seħħ m’ huwiex wieħed prefiss u jvarja xi ftit skont il-kwantità ta’ emendi li jkunu jridu jiddaħħlu. Iż-żmien jiddependi mill-ammont ta’ xogħol involut biex jigi aġġornat is-sit li jvarja ħafna bejn liġi u oħra. Ġieli tkun emenda semplici u ġieli tkun liġi li tinvolvi kwantita’ kbira (anke mijiet) ta’ emendi lil ħafna liġijiet liema emendi jkunu jridu jmorru online f’ daqqa. Fl -1 ta’ Novembru 2019 is-sit elettroniku huwa aġġjornat sal-15 ta’ Ottubru 2019.
Leg 13 PQ #11826 Sitting 277 2019-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeri – finanzi għal xogħlijiet ta’ emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Ministeru jitlob lill-Ministeru għall-Finanzi biex isir xogħol ta’ emerġenza, x’inhuma l-affarijiet li l-Finanzi jitolbu lill-Ministeru konċernat li jkun talab li jsir ix-xogħol ta’ emerġenza? Jista’ jgħid jekk il-Finanzi jitolbux li mill-inqas jinġabru tliet hand quotations mill-Ministeru li jkun talab li jsir ix-xogħol ta’ emerġenza biex ikun jista’ jsir ix-xogħol?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru kkonċernat irid jibgħat dawn id-dettalji: · deskrizzjoni tal-emerġenza u kif inqalet, · minn ikun qed iqajjem il-bzonn ta’ xogħol b’urġenza, · approvazzjoni tal- permanent secretary tad-dipartiment involut, · l-isem ta’ min se jagħmel ix-xogħol, · deskrizzjoni tax-xogħol, · prezz tax-xogħol, · quotation għax-xogħol, · jekk saritx talba għall- quoations , · evaluation report fejn ikun il-kaz, · jekk hemmx fondi allokati, u · s-sors ta’ fondi minn fejn se jitħallas ix-xogħol. Fejn jidħlu il- hand quotations imsemmija, dan isir skond id-diskrezzjoni tal-Kap tal-Awtorita Kontraenti, li jkun ħa in-kunsiderazzjoni l-ammont involut, l-urġenza, u r-restrizzjonijiet fis-suq fuq l-għazla tal-prodott, servizz, jew xogħol rikjest, u skont il- Policy Note Nur 32 tad-Dipartiment tal-Kuntratti.