Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #12142 Sitting 284 2019-11-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – In-Nadur – Triq l-Imġarr – xogħol mill-kuntrattur

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħol sar min-naħa tal-kuntrattur li ngħata t-tender għall-bini ta' Triq l-Imġarr fin-Nadur dan l-aħħar xahar? Tista' tgħid minn meta ngħatat it-tender sal-lum, jekk kienx hemm tibdil fid-disinn jew pjanti tax-xogħol li ser ssir u jekk iva x'tibdil sar u għaliex sar? Tista' tgħid jekk kienx hemm varjazzjonijiet mit-tender oriġinali minn meta ngħatat l-offerta sal-lum?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet jinsabu għaddejjin skont kif stipulat fit-tender li ngħata. Ma kien hemm bżonn l-ebda tibdil fid-disinn, apparti li lanqas saru talbiet għal varjazzjonijiet f’dan is-sens. L-Onor. Interpellant ġie wkoll infurmat b’da personalment waqt laqgħa fuq is-sit mall-persuni tekniċi u persuni oħra assistiti mill-Onor Interpellant.
Leg 13 PQ #12077 Sitting 283 2019-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Triq arterjali mir-Rabat sal-pjazza taż-Żebbuġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tat-triq arterjali li mir-Rabat, Għawdex twassal sal-Pjazza taż-Żebbuġ f’Għawdex u dan peress li partijiet minn din it-triq jinsabu fi stat perikoluż ħafna? Peress li din hija triq li taqa' taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex, tista’ tgħid jekk dan ix-xogħol hux se jsir matul is-sena 2020?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa beda x-xogħol preparatorju biex eventwalment ikun jista jitħejja l-abbozz tat-tender għall-bini mill-ġdid ta’ din it-triq.
Leg 13 PQ #12078 Sitting 283 2019-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Bini ta’ mħażen għall-karrijiet tal-Karnival

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar fiex wasal il-proċess biex jinbnew imħażen għad-dilettanti li jibnu l-karrijiet tal-Karnival ġewwa Għawdex? X’hemm ippjanat li jsir matul is-sena 2020 għad-dilettanti tal-karrijiet tal-Karnival?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu għaddej il-proċess tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Leg 13 PQ #12079 Sitting 283 2019-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett tal-Għar ta’ Calypso

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li ngħatat fit-8 ta' Ġunju 2019, tista' l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex u tgħid jekk tlestewx it -3D scanning kollha tas-sit u tal-għar u studji oħra, u x'kienu l-konklużjonijiet u f'liema xahar tas-sena 2019 jew 2020 hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-aħħar risposta li ngħatat m’hemmx aġġornamenti x’jiġu rrapurtati. Ir-rapport finali tad-3D scanning għadu jrid jasal għand id-Dipartiment.
Leg 13 PQ #12080 Sitting 283 2019-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur Għawdex – Triq l-Imġarr — xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ix-xogħol fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur għadu ma bediex minkejja li issa ilha aktar minn sena magħluqa u fl-aħħar ġimgħat l-istess Ministru qalet li issa t-tender ingħata u ser jibda x-xogħol immedjatament? Tista' tgħid lil min ingħatat din l-offerta u kemm huwa l-valur tal-offerta? Tista' tgħid skont l-istess offerta meta għandu jkun lest ix-xogħol u din it-triq terġa tinfetaħ? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-disinn u pjanti tax-xogħol konness ma’ din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġie mirbuħ minn Road Constructions Company Limited għall-ammont ta’ €7,992,359.01 li huwa ammont rekord li qatt ħa jkun intefaq fin-Nadur.

Xewkija Għawdex — Gozo Innovation Hub

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tas-7 ta’ Novembru 2019 tal-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija Għawdex, proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid kemm hemm nies jaħdmu f'dan l-Innovation Hub u ma' liema kumpaniji qed jaħdmu u jekk fis-7 ta' Novembru meta saret din l-inawgurazzjoni x-xogħol kollu kienx lest jew kienx għad fadal xogħol xi jsir mill-kuntratturi inkarigati? Jista' jgħid jekk ix-xogħol fuq dan il-Hub għadux għaddej?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #12082 Sitting 283 2019-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex — films

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10504 jista’ l-Ministru jgħid x'produzzjonijiet/films oħra inġabu matul is-sena 2019 u kemm huwa ppjanat li jinġibdu produzzjonijiet/films ġewwa Għawdex matul il-kumplament tas-sena 2019 u għas-sena 2020 u kemm hu l-valur fi flus ta’ dawn il-produzzjonijiet/films?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum inġibdu żewġ films ġewwa Għawdex. L-ewwel film sar permezz ta’ koproduzzjoni bejn Malta u l-Kanada, u t-tieni wieħed għandu produzzjoni Ingliża. Huwa stmat li dawn iż-żewġ films ħallew kwazi 4 miljuni fl-ekonomija. Intant, il-Kummissjoni Maltija għall-Films għaddejja b’ħidma kontinwa biex tattira aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna, inkluż lejn Għawdex.
Leg 13 PQ #11747 Sitting 282 2019-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — toroq

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 10520 u tgħid min kien il-kuntrattur li ħadem fuq: a. Triq Forn il-Ġir: b. Triq Michele Busuttil; u c. Triq Mattia Preti; fir-Rabat Għawdex u li saru f'dawn l-aħħar ġimgħat? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f'dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm ġiet tiswa kull waħda minn dawn it-toroq, u min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol kollu li sar fuq kull triq? X' testijiet saru qabel, matul u wara li saru x-xogħlijiet fuq dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm-il servizz tal-ilma ġie mibdul f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid jekk inbidilx il-main tal-ilma f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm-il servizz tad-drenaġġ kellu bżonn jinbidel f'kull waħda minn dawn it-toroq u jekk sarux house connections ġodda tad-drenaġġ f'kull waħda minn dawn it-toroq, u jekk sarux gutters fil-ġnub ta' kull waħda minn dawn it-toroq u jekk le x'inhi r-raġuni li ma sarux?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li x-xogħol fuq l-imsemmija toroq ma kienx jikkonsisti f’bini mill-ġdid, imma kien jirrigwardja biss il-manutenzjoni tagħhom peress li minħabba l-proġetti ta’ Triq Marsalforn ser jintużaw iktar. Peress ukoll għal dawn l-aħħar 30 sena qatt ma sar xogħol fuq il-wiċċ tat-tarmak, inħass il-bżonn li jingħata wiċċ ġdid ta’ tarmak wara li nbidlu s-servizzi/mainijiet tal-ilma. Il-kumpanija li ħadmet fuq dan ix-xogħol kienet Gatt Enterprises Ltd, wara li ħadet it-tender MGOZ/MPU T21/2019. L-ammont ta’ flus li ntefqu fuq dawn it-toroq huwa muri hawn taħt; Triq Forn il-Ġir ​ €32,478.62 Triq Michelle Busuttil ​€34,663.10 Triq Mattia Preti ​ €32,478.62 Saru t-testijiet meħtieġa dwar il-kwalità tat-tarmak u ma nbidlux s-servizzi tad-drenaġġ. Ma nħassx il-bżonn li jsiru gutters fil-ġnub. Min-naħa l-oħra, nitlob lill-Onor. Interpellant biex iġib l-informazzjoni dwar servizzi ta’ ilma minn għand l-awtorità kkonċernata, li hija l-Korporazzjoni tal-Ilma u Drenaġġ.

Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur — entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista bl-ismijiet tal-entitajiet kollha f’Malta li huma meqjusa bħala entitajiet kwalifikati għall-finijiet tal-artikolu 2 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur tal-Kap. 378 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex – tagħmir mediku

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid minn kemm ilu li l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġie mogħti lil Vitals u issa lil Stewards, x'tagħmir mediku ġdid ġie installat u kemm kienet l-ispiża fuq dan it-tagħmir? Jista' jgħid f’liema taqsima tal-isptar ġie installat? Jista' jgħid ukoll jekk fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemmx magna tal-MRI u jekk le hemmx il-ħsieb li tiġi installata biex il-pazjenti Għawdxin, li huma numerużi u li jiġu bżonn is-servizz tal-istess apparat, jiġu ffrankati t-traġitt minn Għawdex għal Malta u lura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minnu. Ninfurmah ukoll illi l-pjan huwa li tiġi installata magna tal-MRI fl-isptar il-ġdid ta’ Għawdex.
Leg 13 PQ #12072 Sitting 282 2019-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħatra ta’ Direttur tal-Manutenzjoni u Restorazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għat-tielet darba konsekuttiva s-sejħa għall-post biex jinħatar Direttur tal-Manutenzjoni u Restorazzjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, li ilu vakanti għall-aktar minn sentejn, reġgħet ġiet ikkanċellata? Jista’ jgħid x’hemm ippjanat li jsir biex din il-kariga tiġi mimlija fi żmien qasir?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat li t-tliet sejħiet għar-rigward tal-pożizzjoni ta’ Direttur (Manutenzjoni u Restorazzjoni) qatt ma ġew ikkanċellati.
Leg 13 PQ #12073 Sitting 282 2019-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem – Triq Sant’Antnin — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tispjega x’inhuma r-raġunijiet li t-tender għall-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant’ Antnin ġewwa Għajnsielem Għawdex li tinsab fi stat diżastruż, ilu iktar minn xahrejn li ġie awarded imma għadu ma nbeda ebda xogħol infrastrutturali fuqha?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għaddejjin kif stipulat fit-tender li ngħata li jinkludi fih Triq l-Imġarr fin-Nadur.
Leg 13 PQ #12074 Sitting 282 2019-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – L-area tal-Fessej f’Għajnsielem – open skips

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10507, tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallas il-kuntrattur li qed jipprovdi s-servizz ta’ Open Skips ġewwa l-area tal-Fessej f’Għajnsielem Għawdex mill-11 ta’ Ġunju 2019 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ġunju 2019 sad-data tar-risposta, l-ebda fattura ma setgħet tiġi pproċessata minħabba verifiki ulterjuri li dan id-Dipartiment għadu qed jagħmel.
Leg 13 PQ #12075 Sitting 282 2019-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Il-Fanal tal-Ġordan

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ir-restawr tal-Fanal tal-Ġordan huwiex lest? Kemm kienet l-ispiża s’issa fuq dan ix-xogħol ta’ restawr u min ħallas għal din l-ispiża? Tista’ tgħid jekk xi partijiet minn dan il-fanal humiex mikrijin lil xi entità pubblika jew lill-privat u jekk iva lil min u kemm qed titħallas kera? Tista’ tgħid jekk il-flus tal-kera intużawx għar-restawr? Tista’ tgħid meta se jinfetaħ għall-pubbliku dan il-post?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda fondi tar-restawr tal-Fanal ta’ Ġordan, li tħallsu minn terzi. Sal-lum, il-Ministeru għal Għawdex, ħallas is-somma ta’ €42,765 għas-servizzi u l-materjal, li jeskludi l-ħlas tax-xogħlijiet. Servizzi oħrajn li ngħataw lill-kumpaniji privati u li l-proċess tar-restawr huwa mistenni li jitlesta, jiswew is-somma ta’ madwar €60,000. Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ restawr wasal fl-aħħar tiegħu u sar fil-maġġor parti mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. Sa iss tħallas l-ammont ta’ €102,765.
Leg 13 PQ #11974 Sitting 281 2019-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Housing Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn hu maħsub li se jinbena l-housing soċjali f'Għawdex u dan wara li fil-baġit ġew ivvutati €400,000 (vot 7769) għal dan il-għan? Tista' tgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan l-iskop u jekk iva x’inhu n-numru ta' referenza ta' din l-applikazzjoni? Tista' tgħid kemm-il unit ser jinbnew u meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm persentaġġ mil-lista ta' stennija għal housing soċjali f’Għawdex se jsolvi dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni ġiet sottomessa fit-28 ta’ Marzu 2019 u ġiet approvata fit-8 ta’ Ġunju 2019, bir-referenza PA5522/18. Dan il-permess kien ikopri kostruzzjoni ta’ 8 appartamenti. Sussegwentament, inħarġet l-offerta għall-bini tal-appartamenti, liema offerta waqgħet, u għalhekk se terġa’ toħroġ oħra fil-ġimgħat li ġejjin. Intant, l-uffiċju tal-Housing fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ma jkollux l-informazzjoni tal-lista ta’stennija għal housing f’Ghawdex. Għalhekk, din il-parti tal-mistoqsija trid tiġi riferuta lill-Awtorita’ tad-Djar.
Leg 13 PQ #11977 Sitting 281 2019-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Triq in-Neolitiċi — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li f’dawn l-aħħar ġimgħat ma sarx u ma tkompla ebda xogħol fuq Triq in-Neolitiċi fir-Rabat Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sit huwa meqjus mis-Sovrantendenza bħala wieħed mill-aktar sensittivi. Skont informazzjoni mogħtija mill-Perit inkarigat, inkisbu l-permessi kollha meħtieġa rigward ix-xogħlijiet. Iżda minħabba s-sensittivita tas-sit, intalab li ssir trinka matul it-triq kollha taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal imqabbad min-naħa tal-Ministeru u taħt id-direzzjoni tas-Sovrantendenza. Appena saret din it-trinka, ingħata struzzjonijiet mis-Sovrantendenza biex il-materjal kollu li se jkun qed jitneħħa mis-sit jiġi imneħħi kollu bl-idejn.

Għawdex- Fabbriki għall-produzzjoni tal-Mediċina Cannabis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'Għawdex hemmx applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew fabbriki tal-produzzjoni tal-mediċina tal-Cannabis u jekk iva kemm hu l-ammont ta' applikazzjonijiet li hemm u f’liema lokalitajiet ġewwa Għawdex huma dawn l-applikazzjonijiet jew permessi li diġà nħarġu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks m’għandhomx applikazzjonijiet biex jinbnew fabbriki tal-produzzjoni tal-medicina tal-Kannabis ġewwa Għawdex.
Leg 13 PQ #11979 Sitting 281 2019-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ir-Rabat Għawdex – Skola Primarja tal-Vajringa – sadd tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li f'dawn l-aħħar ġimgħat waqt il-ħinijiet tal-iskola ġewwa l-Iskola Primarja tal-Vajringa fir-Rabat Għawdex, qed ikun hemm sadd tad-drenaġġ u saħansitra qed kull darba jissejjaħ bowser tad-drenaġġ biex jinfetaħ is-sadd fid-drenaġġ? X'miżuri ttieħdu biex din is-sitwazzjoni ma terġax tirrepeti ruħha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili, il-problema fid-drenaġġ fl-iskola tar-Rabat qed tkun ikkawżata mill-użu ta’ wet wipes li mhumiex bio degradable u għalhekk jikkawżaw sadd kontinwu. L-Iskola min-naħa tagħha qiegħdha tipprovdi kontenituri f’kull tojlit iżda mhux dejjem jiġu wżati mit-tfal.
Leg 13 PQ #11980 Sitting 281 2019-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Direttorat tal-Affarijiet Rurali – bdiewa u sajjieda full-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rreġistraw bħala sajjieda u bdiewa full-time mad-Direttorat tal-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b'xahar? Tista' tagħti l-età u f'liema lokalità huma rreġistrati l-imsemmija persuni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-reġistrazzjoni tal-impjieg issir mill-Job Plus u għaldaqstant l-informazzjoni rikjesta għandha tiġi mitluba lill-Ministeru għax-Xogħol u l-Edukazzjoni, skont ir-Regoli tad-Data Protection.

Maġistrat li rtira — kawżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinħatar ġudikant biex jieħu l-kawżi li kellu l-Maġistrat wara li dan irtira bl-età u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li żamm l-aħħar seduta tiegħu fil-25 ta' Ottubru 2019? Jista' jgħid kemm-il kawża li kienet taħt dan il-Maġistrat ġiet differita bla ma sar xejn u bla ebda data għal meta ser terġa’ tinstema’ sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.