Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dwejra Management Board — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn kemm-il darba ltaqa' l-kumitat tad-Dwejra Management Board? Jista' jagħti d-data meta saru l-laqgħat u l-post fejn inżammu? Jista' jgħid min kienu l-membri preżenti f'kull laqgħa? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa ta' dan il-Bord għall-perjodu indikat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Fanal tal-Ġordan – flus mill-kiri

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11959, jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-flus li daħlet Transport Malta mill-kiri ta' partijiet mill-Fanal tal-Ġordan ġewx użati għar-restawr tal-istess Fanal jew inkella nżammu minn Transport Malta? Jekk ġew użati, jista' jgħid kemm Transport Malta għaddiet flus għar-restawr ta' dan il-Fanal?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, il-flus li ddaħlu mill-kirjiet tal-fanal tal-Ġordan ġew minn kumpaniji telefoniċi u għalhekk ma kellhomx x’jaqsmu mar-restawr.
Leg 13 PQ #12257 Sitting 288 2020-01-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Jobsplus – sajjieda u bdiewa full-time — reġistrati f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li huma rreġistrati mal-Jobs Plus bħala sajjieda u bdiewa full-time u li jgħixu f'Għawdex, mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b'xahar? Jista' jagħti l-età u f'liema lokalità huma rreġistrati l-imsemmija persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li, skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra diversi tabelli li juru n-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li jaħdmu full-time u li r-residenza tagħhom hija rreġistrata f'Għawdex mill-aħħar ta' Marzu 2013 sal-aħħar ta' Mejju 2019, maqsuma xahar b'xahar u sena b'sena. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota li fl-istatistika tagħha l-Korporazzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn bdiewa u raħħala.

MCCAA – każijiet ta’ ksur tad-dispożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il każ u f’liema setturi ħa passi d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward ta’ xi allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima VIII tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur mill-2015 sal-lum maqsuma sena b’sena? F’kull każ, fiex kienu jikkonsistu l-miżuri meħuda u x’kien l-eżitu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 13 PQ #12239 Sitting 286 2019-12-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għawdex — skejjel primarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel primarji f'Għawdex, kemm dawk tal-Gvern, kemm dawk tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti u fejn jinsabu? Jista' jgħid kemm kien hemm studenti f'kull skola fl-aħħar ta' Ottubru 2019 u kemm minn dawn kienu ta' nazzjonalità barranija? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' għalliema f'kull skola primarja kif ukoll in-numru ta' LSA's f'kull skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola medika ta' Barts — kirja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-kirja li qed titħallas mill-iskola medika ta' Barts għall-użu tal-iskola ġdid li ġiet mibnija minn Steward? Jista' jgħid min qed iħallas din il-kirja u min qed jiġbor il-flus tagħha?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Enterprise hi soġġetta għal kunfidenzjalita' imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal- Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act). Kawza ta’ dan il-fatt, flimkien minħabba n-natura sensittiva ta’ dan il-kuntratt kummerċjali, il-Malta Enterprise m’hix f’pożizzjoni li tiżvela dettalji ta’ dan il-kuntratt.

Għawdex — kunsilli lokali - allokazzjoni diretta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser tkun l-allokazzjoni diretta lil kull Kunsill Lokali f'Għawdex għas-sena 2020 u kemm kienet l-allokazzjoni diretta fis-sena 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 13 PQ #12243 Sitting 286 2019-12-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skema ta’ Ħaddiema fil-Komunità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda fl-iskema tal-ħaddiema tal-komunità mill-1 ta' Ġunju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu minn Għawdex u kemm minn Malta? Jista' jgħid x'inhuma r-rekwiżiti biex wieħed ikun jista' jiġi ngaġġat f'din l-iskema? Kemm hu l-perjodu minimu li wieħed irid ikun ilu jirreġistra biex jiġi ingaġġat f'din l-iskema? X'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom u x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Ġunju 2017 sal-lum ġew impjegati 336 persuna ġdida, li minnhom 76 f’Malta u 260 f’Għawdex. Il-maġġoranza tan-nies ġodda impjegati f’Għawdex kienu parteċipanti fi skemi passati. Ir-rekwiżiti biex wieħed jiġi ingaġġat fl-iskema huma: - persuni li kienu fl-iskema qabel it-twaqqif tal-Community Work Scheme Foundation; - persuni vulnerabbli. Il-ħinijiet tax-xogħol ivarjaw minn full-time, part-time u reduced hours. It-tip ta’ xogħol li qed jagħmlu jiddependi fuq il-ħiliet tal-individwu u mqabbla mal-eżiġenzi tal-entità kkonċernata, jiġifieri skont jekk humiex impjegati mal-Kunsilli Lokali, għaqdiet volontarji (NGOs) jew ma’ skejjel pubbliċi. L-iżjed xogħlijiet komuni huma dawn li ġejjin: - Cleaner - Maintenance - Handyman - Receptionist - Clerk - Home Assistant - Rubble Wall Builder - Driver
Leg 13 PQ #12244 Sitting 286 2019-12-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Triq Marsalforn — tender

Question

Peress li f'dawn l-aħħar ġimgħat ħarġet tender li tagħlaq fl-10 ta' Diċembru 2019 biex tinbena u titwessa’ Triq Marsalforn ġewwa Għawdex, kif ukoll tinfetaħ triq ġdida qalb ir-raba’, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru, meta saru, il-pjanti kif ukoll l-approvazzjoni tal-permessi u n-numru tal-permess min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-awtoritajiet l-oħra konċernati?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej il-proċess ta’ sottomissjonijiet tal-offerti u għalhekk din it-tweġiba tingħata wara li tagħlaq id-data tas-sottomissjonijiet.
Leg 13 PQ #12150 Sitting 285 2019-12-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Triq it-Taflija – pjanċi fit-triq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet li f’dawn l-aħħar ġimgħat fi Triq it-Taflija fir-Rabat Għawdex, kważi fit-tarf tagħha, tpoġġiet pjanċa tal-ħadid fit-triq u issa f’dawn l-aħħar ġranet maġenb din l-istess pjanċa tpoġġiet pjanċa oħra f’nofs it-triq? X’inhu jagħmel il-Ministeru biex dawn iż-żewġ pjanċi tal-ħadid jitneħħew malajr kemm jista’ jkun minn din it-triq, peress li f’din il-parti tat-triq minħabba dawn iż-żewġ pjanċi apparti li huma ta’ periklu, ma jgħaddux żewġ karozzi kontra xulxin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li b’rabta max-xogħlijiet li qed isiru f’din it-triq, qed jiġu ppreparati l-quotations biex jintbagħatu lill-kuntratturi.
Leg 13 PQ #12203 Sitting 285 2019-12-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eżami għal Assistant Principal – appointment

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm fadal persuni li għamlu l-aħħar eżami għal Assistant Principal u li għaddew iżda għadhom ma ġewx imsejħa biex jingħataw l-appointment f'din il-kariga? Jista' jgħid sa meta għandha tispiċċa l-validità ta' dan l-eżami?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li hemm 125 persuna fuq l-ordni tal-mertu. Ir-riżultat b’deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, huwa validu sat-12 ta’ Settembru 2020.
Leg 13 PQ #12209 Sitting 285 2019-12-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — toroq

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10520 u 11747 u tgħid min kien il-kuntrattur li ħadem fuq: a. Triq Forn il-Ġir: b. Triq Michele Busuttil; u c. Triq Mattia Preti; fir-Rabat Għawdex u li saru f'dawn l-aħħar ġimgħat? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f'dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm ġiet tiswa kull waħda minn dawn it-toroq, u min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol kollu li sar fuq kull triq? X' testijiet saru qabel, matul u wara li saru x-xogħlijiet fuq dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm-il servizz tal-ilma ġie mibdul f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid jekk inbidilx il-main tal-ilma f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm-il servizz tad-drenaġġ kellu bżonn jinbidel f'kull waħda minn dawn it-toroq u jekk sarux house connections ġodda tad-drenaġġ f'kull waħda minn dawn it-toroq, u jekk sarux gutters fil-ġnub ta' kull waħda minn dawn it-toroq u jekk le x'inhi r-raġuni li ma sarux?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 11747.
Leg 13 PQ #12210 Sitting 285 2019-12-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Nadur Għawdex – Bajja ta’ San Blas – ramel

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu ħax xi passi wara li l-maltempata tax-xitwa li għaddiet ħadet ir-ramel kollu li kien hemm fil-Bajja ta’ San Blas fin-Nadur, liema bajja hija meqjusa bħala waħda mill-isbaħ bajjiet tal-gżejjer tagħna u mfittxija ferm mit-turisti? Jista’ jgħid jekk sarx xi rapport minn esperti inkarigati minnu jew mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru interventi biex jerġa’ jinġab lura r-ramel f’din il-bajja?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

MCCAA – Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – klawsoli meqjusa inġusti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11954, fejn il-Ministru wieġeb li fl-2018 kien hemm żewġ interventi fejn id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), ħa passi biex jitwarrbu jew jinbidlu klawsoli meqjusa inġusti (unfair contract terms), jista’ l-Ministru jgħid dwar liema settur jittratta l-każ li għadu pendenti u x’inhi r-raġuni għalfejn għadu pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

MCCAA – Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – klawsoli meqjusa inġusti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11954, fil-każijiet li ġew riżolti permezz ta’ konformità volontarja, jista’ l-Ministru jgħid jekk b’mod elettroniku fuq il-website tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) il-pubbliku jkunx jista’ jaċċedi u jara fiex kienet tikkonsisti f’kull każ il-konformità volontarja mogħtija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 13 PQ #12083 Sitting 284 2019-11-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex — Proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk – konkos użat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intuża sa issa konkos u xi grad ta' konkos hu, fil-Proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk ġewwa r-Rabat Għawdex, u kemm-il test sar min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex sa issa u f’liema ġurnata u xahar saru u x'kien l-eżitu u ġewwa liema laboratorji saru?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tip ta’ konkos ivarja skont is-sitwazzjoni. It-tip ta’ konkos C15 -C25 kien utilizzat b’moniteraġġ kontinwu u b’testijiet rigorużi. Sa issa 617 metru kubu ta’ konkos ġie mpoġġi u saru madwar 30 test. It-testijiet saru mill-Malta Competition and Consumer Affairs Authority li matul din il-leġislatura fetħet l-uffiċini tagħha f’Għawdex u 12-il ħaddiem Għawdxi ġew jaħdmu f’Għawdex.
Leg 13 PQ #12084 Sitting 284 2019-11-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza San Franġisk – xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu maħsub li jkun lest ix-xogħol fuq Pjazza San Franġisk u fuq it-taraġ li mill-Bus Terminus jagħti għal Pjazza San Franġisk? Tista' tgħid meta jitlesta’ x-xogħol, kemm-il-parkeġġ ser ikun hemm fi Pjazza San Franġisk u kemm minn dawn ser ikunu riservati għall-Ministeru għal Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq Pjazza San Franġisk u t-taraġ li mill-Bus Terminus jagħti għal Pjazza San Franġiskhuwa fi stadju avvanzat u dan wara li kellhom jiġu korretti l-livelli tat-turġien. Ix-xogħol tal-irħam u możajk lest u ser jibda jitpoġġa f’postu. Meta jkun lest ix-xogħol fi Pjazza San Franġisk ser ikun hemm 26 parkeġġ u li tlieta minnhom ser ikunu riservati għall-Ministeru għal Għawdex.

San Pawl il-Baħar – Salini – produzzjoni tal-melħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-Salini ġewwa San Pawl il-Baħar għadux jiġi prodott melħ u kemm ġie prodott melħ fl-aħħar sentejn, xahar b'xahar? Jekk mhux qed jiġi prodott melħ x’inhi r-raġuni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Peress li l-Onor. Interpellant ma kkjarifikax għal liema salini kien qed jirreferi qed nassumi li xtaq jirreferi għas-Salini li hemm ħdejn il-bajja tax-Xemxija li, kif jaf, fl-2018, meta dawn is-salini għaddew taħt il-Ministeru tiegħi, kien iffirmat ftehim ta’ maniġment dwarhom bejn il-Birdlife Malta u l-Ministeru tiegħi flimkien mal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali fejn dan ta’ l-aħħar żamm f’idejh r-responsabbiltà ta’ tiswijiet ordinarji sa’ Awwissu 2020 u dawk straordinarji sa’ Awwissu 2023. Jien infurmat li għal raġunijiet ta’ ħsarat fil-mekkaniżmu li jikkontrolla d-dħul tal-ilma baħar ġewwa s-salini, kif ukoll ħsarat strutturali fil-ġnub tas-salini, ma setgħat issir l-ebda produzzjoni tal-melħ f’dawn l-aħħar sentejn. It-tiswijiet neċessarji qed isiru.
Leg 13 PQ #12086 Sitting 284 2019-11-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur Għawdex – proġett tal-Multi Modal Hub f’Ta’ Xħajma

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11753, tista’ l-Ministru tgħid kemm hija mistennija li tkun l-ispiża totali biex jitlesta l-Multi Modal Hub f'Ta' Xħajma fin-Nadur, Għawdex? Tista' tgħid kemm kienet l-ispiża fuq ix-xogħol li sar sa issa? Tista' tgħid kemm hu l-vot fil-Budget għas-sena 2020 għal dan il-proġett? Tista' tgħid x’inhu n-numru tal-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-proġett? Tista' tgħid kemm ser ikun jesa' karozzi dan il-proġett u kemm hi l-area ta' art li ser tittieħed biex jsir?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-spiża għall-kostruzzjoni mistennija tammonta għal €4,727,388.00 mhux inkluzi spejjez tal-VAT. Sa issa intefqet is-somma ta’ €1,885,252.05 mhux inkluzi spejjez tal-VAT. Dan il-proġett qed isir minn fondi Ewropej. Il-flus allokati għas-sena 2020 jammontaw għal €2,842,135.95 mhux inklużi spejjez tal-VAT. In-numru tal-permess huwa PA1606/19. Dan il-proġett se jkun jesa 275 karozza. Iż-żona tal-art li se tittieħed għall-parkeġġ hija ta’ 12,000 metru kwadru.
Leg 13 PQ #12131 Sitting 284 2019-11-27 Oral · Interim From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur – Triq ir-Ramla — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11210 kollha u tgħid jekk ix-xogħol fi Triq ir-Ramla fin-Nadur liema xogħol sar wara li nfetħet ħofra f'parti minn din it-triq sarx b'direct order jew wara sejħa għall-offerti? Tista' tgħid min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħol u kemm kien il-pagament lil kull kuntrattur li ssupplixxa materjal jew għamel ix-xogħol f'din il-parti ta' Triq ir-Ramla fin-Nadur? X'żamm lill-Ministru milli tagħti din l-informazzjoni fir-risposta tagħha tat-22 ta' Ottubru 2019 meta li fl-aħħar mill-aħħar tinvolvi fondi pubbliċi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari ser tingħata f’xi seduta oħra.