Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #12574 Sitting 298 2020-02-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — vapur MV Nikolaus

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-Ministeru għal Għawdex u l-kumpanija Gozo Channel fuq ir-raba' vapur MV Nikolaus? Fid-dawl ta' dan jista' l-Ministru jgħid: A. Meta nkera l-ewwel darba dan l-vapur u għal kemm żmien kien inkera? B. Kemm tħallas kuljum għall-kiri ta' dan il-vapur fl-ewwel perjodu tal-kirja? C. Meta ġiet imġedda l-kirja u għal kemm żmien? Meta tintemm il-kirja eżistenti ta' dan il-vapur? D. Kemm qed jitħallas kuljum fil-preżent għall-kiri ta' dan il-vapur? E. Meta hu ppjanat li l-kumpanija Gozo Channel iġġib vapur ġdid flok l- MV Nikolaus li huwa vapur antik u li mhux aċċessibbli? F. Meta sar xogħol fuq is- side ramp għal dan il-vapur, min ħallas għalih u kemm sewa dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex se jkompli bl-impenn tiegħu li jagħti l-aħjar servizz ta’ konnettivita’ bejn iż-żewġ gżejjer. Il-vapur Nikolaous żdied mal-flotta tal-Gozo Channel fis-7 ta’ Ġunju 2019. Iż-żieda tar-raba vapur intlaqgħet tajjeb minn kull min uża s-servizz.
Leg 13 PQ #12575 Sitting 298 2020-02-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza San Franġisk — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li d-disinn u l-pjanti tal-proġett ta' Pjazza San Franġisk ġew mibdula totalment wara l-elezzjoni tat-3 ta' Ġunju 2017? In vista ta' dan jista' jgħid: A. Kemm kienet in-nefqa totali biex saru l-ewwel sett ta' pjanti u li ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjannar u kemm kienet l-ispiża globali biex reġgħu saru pjanti u disinji ġodda wara l-elezzjoni tat-3 ta' Ġunju 2017? B. Min kienu l-persuni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li ddeċidew li jinbidlu totalment il-pjanti u d-disinji? C. X'inhuma r-raġunijiet li l-perit tal-Ministeru għal Għawdex li kien applika għall-permessi u li kien inkarigat mill-proġetti tar-rinovar ta' Pjazza San Franġisk u mill-proġett tat-taraġ ġewwa l-Belt Victoria qabel l-aħħar elezzjoni, ma baqax inkarigat minn dawn il-proġetti wara l-aħħar elezzjoni tat-3 ta' Ġunju 2017; u D. Kemm hija mistennija li tkun l-ispiża totali fuq Pjazza San Franġisk u t-taraġ li jwassal mill- Bus Terminus sal-istess Pjazza?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-disinn ta’ Pjazza San Frangisk inbidel wara konsultazzjoni mal-istakeholders. Ix-xogħlijiet tad-disinni tal-proġett saru kollha mill-Periti tal-Ministeru. It-tender għall-proġett ta’ Pjazza San Franġisk ġie awarded għall-prezz ta’ €2,184,823.34 (VAT eskluża) filwaqt li t-tender tat-Taraġ ta’ San Frangisk ġie awarded għall-prezz ta’ €334,012.27 (VAT eskluża).
Leg 13 PQ #12467 Sitting 297 2020-02-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għawdex – Community Work Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol dawk kollha li minn Ġunju 2017 sal-lum, ġew ingaġġati fil-Community Work Scheme f'Għawdex? Jista' jgħid jekk kienx hemm persuni li kien ilhom inqas minn xahar jirreġistraw għax-xogħol, li daħlu f'din l-iskema u jekk iva kemm kien in-numru? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati persuni minn Ġunju 2017 sal-lum f'din l-iskema f'Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus l-għadd ta’ ħaddiema li daħlu fil-Community Work Scheme f'Għawdex minn Ġunju 2017 sa Diċembru 2019 kien ta’ 284. Dwar kemm kien il-perjodu ta’ reġistrazzjoni ma’ Jobsplus ta’ dawn il-ħaddiema, l-informazzjoni hi kif ġej: Perjodu ta’ reġistrazzjoni Għadd ta' persuni Inqas minn xahar 49 Bejn xahar u 6 xhur 28 Bejn 6 xhur u sena 51 Iżjed minn sena 156
Leg 13 PQ #12468 Sitting 297 2020-02-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Servizzi tal-banek diġitali – miżuri għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri fil-prattika qed jittieħdu mill-entitajiet regolatorji għas-servizzi finanzjarji biex l-anzjani tagħna kif ukoll dawk il-membri tas-soċjetà li huma l-aktar vulnerabbli, ma jkunux milquta b’mod negattiv fl-użu li dejjem qed jiżdied ta’ mezzi diġitali jew elettroniċi da parti ta’ banek Maltin biex joffru diversi servizzi bankarji?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq bażi regolari, l-Awtorità tiltaqa’ u tikkomunika mal-Industrija fuq suġġetti varji, fosthom fuq l-iżvilupp u l-investiment fit-teknoloġija li huma neċessarji fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum. L-Awtorità qed tara li l-banek qegħdin joffru għajnuna biex jiggwidaw lill-klijenti fejn isibu diffikultajiet.
Leg 13 PQ #12469 Sitting 297 2020-02-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender – data tal-għeluq

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender CT3251/2018 Tender for the Provision of Project Management Services for The Management and Administration of Contracts related to the Rehabilitation of Several Valleys across Gozo li d-data tal-għeluq ta’ din l-istess tender kienet fit-23 ta' Lulju 2019, peress li fuq il-website www.etenders.gov.mt qed tiġi murija li t-tender għadha bħala 'Evaluation'?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender CT3251/2018 ġie evalwat bir-rikomandazzjoni għall-award ppublikata, bid-data tal-għeluq għall-appelli kienet it-Tnejn 3 ta’ Frar 2020. Ladarba ma jiġux sottomessi ebda appelli, d-Dipartiment tal-Kuntratti jkomplu bl-award u l-preparazzjoni tal-kuntratt fil-jiem/ġimgħat li ġejjin.
Leg 13 PQ #12470 Sitting 297 2020-02-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta’ restawr tal-Fanal tal-Ġordan

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8922 li saret fl-14 ta' Frar 2019, jista’ l-Ministru jaġġorna dwar il-Proġett ta’ Restawr tal-Fanal tal-Ġordan ġewwa Għawdex? Kemm-il-sena ilu jiġi rrestawrat? X’sar s’issa? X'fadal isir? F’liema xahar u sena huwa ppjanat li jitlesta dan il-proġett? Kemm kienet in-nefqa s’issa fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tar-restawr tal-Fanal tal-Ġordan jinsab fi stadju avvanzat. Ix-xogħol qed isir kemm minn impjegati ta’ dan il-Ministeru kif ukoll minn kuntratturi privati. Ix-xogħol minn kuntratturi privati mistenni jkun konkluz fix-xhur li ġejjin. Sa Diċembru 2019, l-ispiża b’rabta r-restawr tal-bini storiku kienet tammonta għal €46,468.
Leg 13 PQ #12485 Sitting 297 2020-02-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem – Dar tal-Anzjani

Question

B'referenza għall-bini ta' Dar tal-Anzjani fi Triq l-Imġarr f'Għajnsielem, jista’ l-Ministru jgħid: a. meta kienet id-data li l-Gvern ħa f’idejh din il-proprjetà mingħand il-Kurja ta’ Għawdex; b. meta ġie ffirmat il-ftehim bejn il-Gvern u d-Djoċesi ta' Għawdex; c. kemm tħallas mill-Gvern lid-Djoċesi ta' Għawdex minn meta sar il-ftehim sal-lum għal din il-proprjetà; d. jista’ jippubblika u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-ftehim; e. fiex wasal ix-xogħol fuq din id-dar tal-Anzjani li suppost ilha li bdiet tilqa' l-anzjani aktar minn tliet snin ilu; f. kemm kienet l-ispiża s’issa fuq din id-Dar tal-Anzjani; g. kemm se jkun in-numru ta' anzjani li tista' tilqa' din id-dar meta tkun lesta; h. kemm hu stmat li se jkun in-numru ta' ħaddiema f'din id-Dar tal-Anzjani; i. kemm-il parkeġġ se jkun fiha din id-Dar tal-Anzjani, għall-ħaddiema u viżitaturi; j. min kienu l-kuntratturi li ħadmu s’issa fuq din id-dar u kemm tħallas kull kuntrattur; k. liema offerti hemm mogħtija u lil liema kuntrattur u għal liema xogħol li fadal isir; u l. meta hija d-data li din id-dar hija mistennija li tilqa' l-ewwel anzjani peress li issa x-xogħol fuq din id-dar jidher li hu wieqaf għalkemm ilu li beda kważi sitt snin ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ħa f’idejh din il-propjeta’ fl-2013 permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat f’Mejju tal-imsemmija sena. F’Ottubru tas-sena li għaddiet giet ippublikata l-Prior Information Notice mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Sadanitant ġie iffinalizat l-abbozz tat-tender biex dan ikun ppublikat fil-ġimgħat li gejjin. La darba tkun tiffunzjona l-operat ta’ din id-dar, din se tkun tilqa 119 resident. Il-pjan huwa li l-ewwel residenti jidħlu f’din id-dar bejn l-aħħar kwart tat-2020 u l-ewwel kwart tat-2021.

Distrett ta’ Għawdex – Maġġur tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fid-Distrett ta' Għawdex m’hemmx Maġġur tal-Pulizija meta kien hemm żmien li f'dan id-distrett kien hemm erba' Maġġuri? Jista' jgħid għaliex hemm żewġ Għawdxin fil-grad ta' Maġġur stazzjonati f'Malta li l-ebda wieħed minnhom ma ntbagħat jaħdem Għawdex biex ix-xogħol ta' Maġġur f'Għawdex qed isir minn Surġent u fl-istess ħin hemm numru ta' Surġenti u Pulizija nieqsa fil-complement ta' Pulizija f'Għawdex? X'passi se jieħu biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata u l-kriminalità f'Għawdex ma tibqax tiżdied?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kif diġà ngħad f’okkażjonijiet oħra fuq materja relatata, kull moviment ta' membri fil-Korp isir skont l-esiġenzi tas-servizz u fl-aħjar interessi tal-Korp u tal-pubbliku inġenerali.
Leg 13 PQ #12387 Sitting 296 2020-02-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat – proġett għal triq alternattiva

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ triq alternattiva għad-daħla tal-Belt Victoria, u jgħid fil-konkret x'sar s’issa u jgħid x'hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin? Jista’ jgħid jekk sarux xi laqgħat ta' konsultazzjoni u informazzjoni għall-istakeholders u għall-persuni li se jintlaqtu minn dan il-proġett u jekk iva, meta u fejn saru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Il-proġett ta’ triq alternattiva għad-daħla tal-Belt Victoria huwa parti mill-proġett tat-triq li tgħaqqad il-Belt Victoria ma' Marsalforn. Marbut ma’ dan il-proġett, ħareg it-tender li bħalissa jinstab fi stadju bikri ta' evalwazzjoni. Il-Ministeru jikkonferma li saru laqgħat ta' konsultazzjoni u informazzjoni għall-istakeholders u għall-persuni li se jintlaqtu minn dan il-proġett nhar it-8 ta’ Frar 2019 fis-sala tal-Ministeru ta’ Għawdex.

Infrastructure Malta – tħawil ta’ siġar indiġeni

Question

Peress li reċentement inħarġet stqarrija minn Infrastructure Malta fejn intqal li tħawlu 8,719 siġra indiġeni f’40 post fi 18-il lokalità madwar Malta u li din l-inizjattiva hija parti minn investiment ambjentali ta’ aktar minn €1 miljun li jinkludi wkoll programm fit-tul għall-kura u t-tisqija ta’ dawn is-siġar sakemm jadattaw ruħhom fl-ambjent tagħhom, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tħawlu siġar minn Infrastructure Malta matul is-sena 2019 ġewwa Għawdex? Kemm hemm ippjanati li jitħawlu siġar f'Għawdex minn Infrastructure Malta matul is-sena 2020?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat l-aġenzija msemmija ma’ ħawlitx, u m’għandhiex pjan li tħawwel siġar f’Għawdex fil-perjodi indikati.
Leg 13 PQ #12389 Sitting 296 2020-02-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Iż-Żebbuġ u l-Bajja tax-Xwejni – kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-kuntrattur/kuntratturi li ħadmu jew qed jaħdmu fil-preżent fuq parti mill-ħajt tal-Bajja tax-Xwejni u fuq it-triq li miż-Żebbuġ twassal għall-Bajja tax-Xwejni (Parti minn Triq Għajn Mhelhel)? Jista' jgħid ukoll għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ proġetti, f’liema xahar u sena ġie awarded it-tender għalih u kemm kien il-prezz li bih ġie awarded it-tender?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kuntrattur li qed jaħdem fuq it-triq li miż-Żebbuġ twassal għall-Bajja tax-Xwejni (parti minn Triq Għajn Mhelhel) hu Gatt Tarmac Ltd, filwaqt li l-kuntrattur li ħadem fuq parti mill-ħajt tal-Bajja tax-Xwejni hu Road Structures Ltd. It-tender tat-triq li miż-Żebbuġ twassal għall-Bajja tax-Xwejni (Parti minn Triq Għajn Mhelhel) ġiet awarded fi Frar 2019 għall-prezz ta’ € 266,855.32 (VAT eskluż) filwaqt li t-tender tal-parti mill-ħajt tal-Bajja tax-Xwejni ġie awarded fis-7 ta' Mejju 2019 għall-prezz ta’ € 36,771.00 (VAT eskluż).

Għawdex – Rata ta’ Kriminalità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2019, ir-rata ta' kriminalità f'Għawdex naqsitx jew żdiditx fuq is-sena 2018? Jekk ir-rata ta’ kriminalità naqset jista' jgħid b’kemm naqset u jekk kien hemm żieda, jista’ jgħid kemm kien il-persentaġġ fiż-żieda tar-rata ta’ kriminalità fil-gżira ta' Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ir-rapporti reġistrati mal-Pulizija f’Għawdex żdiedu minn 719 għal 823 każ. Bl-għajnuna tal-esperti l-awtoritajiet huma interessati jaraw x’wassal għal dan anke fid-dawl li fl-2019 ir-rata ta’ kriminalità fil-gżejjjer Maltin naqset.

MITA — Qasam tal-IT – impjegati nisa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fi ħdan il-MITA x’inhu l-persentaġġ ta’ impjegati nisa li għandhom kariga bħala professjonisti jew esperti fil-qasam tal-IT?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan il-MITA l-persentaġġ ta’ impjegati nisa li għandhom kariga bħala professjonisti jew esperti fil-qasam tal-IT huwa ta’ 15%.
Leg 13 PQ #12410 Sitting 296 2020-02-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem – Triq Sant’Antnin — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qed isir fi Triq Sant'Antnin f'Għajnsielem u fi Triq l-Imġarr fin-Nadur, dawn hux ser jinbnew skont standards tal-Unjoni Ewropea u standards ta' Infrastructure Malta? X’hemm ippjanat li jsir f'salib it-toroq bejn Triq l-Imġarr, Triq Sant Antnin u Triq il-Qala peress li din hija junction perikoluża ħafna għas-sewwieqa li jużaw din it-triq? Hemm ippjanata roundabout (circular intersection) u jekk le x'hemm ippjanat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninfoma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol li qed isir fi Triq Sant'Antnin f'Għajnsielem u fi Triq l-Imġarr fin-Nadur, qed isir skont l-standards tal-Unjoni Ewropea u standards ta' Infrastructure Malta u Transport Malta. Barra minn hekk f'salib it-toroq bejn Triq l-Imġarr, Triq Sant Antnin u Triq il-Qala hu maħsub li jiġu ntrodotti żewġ t-junctions skont l-standards. Dawn il-junctions se jgħinu biex tissaħħaħ il-viżibilita’ tat-toroq u jitnaqqas il-periklu.
Leg 13 PQ #12358 Sitting 295 2020-02-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — Tender għal Gozo Museum – tibdil fid-disinn jew pjanti tax-xogħol

Question

B’referenza għat-tender bin-numru ta’ referenza CT3064/2018 “Works Tender for the Construction of the Gozo Museum in Victoria Gozo”, jista’ l-Ministru jgħid jekk minn meta ngħatat it-tender sal-lum, kienx hemm tibdil fid-disinn jew pjanti tax-xogħol li se jsir u jekk iva, x'tibdil sar u min għamel it-tibdil? Jista’ jgħid jekk dan it-tibdil ġiex approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, u jekk hu l-każ, x’inhu n-numru l-ġdid tal-permess, u minn awtoritajiet oħra konċernati? Jista' jgħid jekk minn meta ngħatat l-offerta sal-lum kienx hemm varjazzjonijiet mit-tender/ Bill of Quantities oriġinali u jekk iva, x'inhuma?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawk iż-żoni fejn ma ġew misjuba l-ebda fdalijiet arkaeoloġiċi, dejjem wara konsultazzjoni u superviżjoni sħiħa min-naħa tas-Supretendenza għall-Wirt Kulturali, baqgħu għaddejjin ix-xogħlijiet tal-iskavar hekk kif kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar oriġinarjament skont il-permess PA/09197/17. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru skont ir-rati kif maqbula fil-kuntratt b’referenza CT3064/2018. Mill-banda l-oħra, f’dawk iż-żoni fejn instabu l-fdalijiet, dejjem skont l-approvazzjoni sħiħa tas-Supretendenza għall-Wirt Kulturali, u biex jiġu kkonservati dawn l-istess fdalijiet, ġiet imdaħħla ammenda bir-referenza PA/09947/19 fuq il-permess oriġinali. Bħalissa qed issir reviżjoni tal- Bills of Quantities biex dawn is-sejbiet jiġu nkorporati b’mod ħolistiku fil-Mużew ta’ Għawdex.

Għawdex — Għajnsielem – Learning Hub għal persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Learning Hub għall-persuni b'diżabilità f'Għajnsielem, Għawdex jaqax taħt il-Ministeru tiegħu jew taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jekk jaqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex, meta kienet id-data li fiha għadda minn taħt il-Ministeru tiegħu għall-Ministeru għal Għawdex? Jekk għadu taħt il-Ministeru tiegħu, jista' jgħid taħt liema dipartiment jew aġenzija jaqa'?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport tkopri s-salarji tal-impjegati tagħha bbażati fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ġewwa l-Għajnsielem Learning Hub. Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali għandu ftehim mal-Arċidjoċesi ta’ Għawdex għall-kiri tal-post. Ir-renta għall-użu tal-post titħallas mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, waqt li titlob parti minn dan il-pagament dovut mill-MITA u FITA għall-użu ta’ uffiċini għal ħidma tagħhom mill-binja.

Għawdex — Għajnsielem – Learning hub – servizzi għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif fil-Learning hub ta' Għajnsielem Għawdex hemm partijiet li jintużaw mill-MITA u l-FITA bil-konsegwenza li hemm servizzi għall-persuni b'diżabilità li qed ikollhom jingħataw fil-kuriduri? Jista' jgħid għaliex it-tqassim tal-ħrieqi qed isir minn post f'dan il-hub li ma fihx dawl u ilma?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Learning Hub f’Għajnsielem Għawdex huwa kumpless li jilqa’ fih diversi entitajiet inkluż l-Aġenzija Sapport, il-MITA u l-FITA fost l-oħrajn. Is-Servizz ta’ Matul l-Jum mogħti mill-Aġenzija Sapport fil-Learning Hub ma jingħatax mill-kurituri kif qed ikun indikat mill-Onor. Interpellant, imma minn diversi kmamar u areas fil-Hub. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ tqassim tal-ħrieqi ma jsirx mill-Aġenzija Sapport jew minn xi dipartment/entita’ li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali.

Għawdex — Għajnsielem – Learning hub – xogħlijiet li għad iridu jsiru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-Learning hub ta' Għajnsielem Għawdex infetaħ uffiċjalment fis-sena 2015 iżda sal-lum għadu mhux lest u fadal xogħlijiet xi jsiru? Jista' jgħid meta hu maħsub li jsiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Learning Hub f’Għajnsielem Għawdex li x-xogħol li kien qiegħed isir mill-Aġenzija Sapport u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali fuq il-binja minn fejn noperaw bħala Learning Hub, ġewwa Għajnsielen, ilu lest sa mill ftuħ uffiċċjlali fl-2015 kif indikat fil-mistoqsija parlamentari mill-Onor. Interpellant. Ma għaddej l-ebda xogħol ieħor mill-Aġenzija u l-Ministeru mill-parti tal-binja minn fejn topera u toffri s-servizzi tagħha l-Aġezija SAPPORT, taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali.

Għawdex — Għajnsielem – Learning hub – vann provdut mill-Aġenzija Sapport

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-vann li kien provdut mill-Aġenzija Sapport għal-Learning hub f'Għajnsielem Għawdex ilu minn Awwissu 2019 li ttieħed Malta u qatt ma nġab lura jew nġab vann ieħor floku? Jaf il-Ministru li dan qed iwassal biex hemm persuni b'diżabilità li qed jaslu anke sa siegħa tard kull filgħodu? X'se jsir biex dan il-vann jew ieħor li jissostitwih jerġa’ jibda jagħti s-servizz fil-Learning hub ta' Għajnsielem?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-vann li qed issir referenza għalih, liema vann huwa mgħammar apposta għall-aċċessibblita’ ta’ persuni b’diżabilità jinsab lura f’Għawdex. Fil-preżent qed isuru xi tiswijijet neċessarji fuq l-vann. Wara li jitlestew dawn it-tiswijiet meħtieġa li qed tipprovdi l-Aġenzija Sapport, il-vann ikun jista’ jerġa’ jintuża mill-ġdid. Is-servizz mgħoti mill-Aġenzija Sapport, huwa mistenni li jerġa’ lura għan-normal ladarba jkun lest dan ix-xogħol neċessarju.
Leg 13 PQ #12386 Sitting 295 2020-02-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Ramla – Master Plan – proċess ta’ konsultazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed imexxi l-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-master plan tar-Ramla? Jista' jgħid jekk ġiex sottomess xi dokument biex iservi bħala bażi ta' konsultazzjoni u jekk iva jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża s’issa fuq dan il-proċess għall-master plan tar-Ramla u tispeċifika min tħallas s’issa u kemm? Jista' jgħid kif ser jitkompla dan il-proċess u meta hu maħsub li ser jingħalaq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.