B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12574, jista’ l-Ministru jwieġeb partijiet sostanzjali tal-istess mistoqsija li baqgħu bla tweġiba, tenut kont li dawn il-flus użati fuq il-vapur MVNikolaos huma flus pubbliċi użati minn kumpanija pubblika u proprjetà tal-Gvern u liema kumpanija taqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex direttament, u għalhekk jgħid :-
A. Kemm tħallas kuljum għall-kiri ta' dan il-vapur fl-ewwel perjodu tal-kirja?B. Meta ġiet imġedda l-kirja u għal kemm żmien? Meta tintemm il-kirja eżistenti ta' dan il-vapur?C. Kemm qed jitħallas kuljum fil-preżent għall-kiri ta' dan il-vapur?D. Meta hu ppjanat li l-kumpanija Gozo Channel iġġib vapur ġdid flok l-MV Nikolaos li huwa vapur antik u li mhux aċċessibbli?
E. Meta sar xogħol fuq is-side ramp għal dan il-vapur, min ħallas għalih u kemm sewa dan ix-xogħol?
F. Għaliex din is-side ramp li saret, ma tistax tintuża f'kull port?
G. Min huma l-agenti lokali tal-Vapur MV Nikolaos?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12574.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12665, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-233 serqa li saru f'Għawdex u ġew rappurtati lill-Pulizija fis-sena 2018, ġew solvuti? Jista' jgħid kemm minnhom għadu ma tressaq ħadd il-Qorti? Jista' jgħid ukoll mill-276 serqa li saru f'Għawdex u ġew rappurtati lill-Pulizija fis-sena 2019, kemm ġew solvuti? Jista' jgħid kemm minnhom għadu ma tressaq ħadd il-Qorti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Mill-ammont ta’ rapporti ta’ serq f’Ghawdex fis-sena 2018 kien hemm 34 każ li eventwalment ġew solvuti u għaxar (10) rapporti li rriżulta li kienu każi ta’ oġġetti mitlufa u mhux serq. Fis sena 2019 mir-rapporti ta’ serq irreġistrati kien hemm 34 każ li ġie solvut filwaqt li għaxar (10) każi rrapurtati bhal serq kienu fil-fatt oggetti mitlufa.
In-Nadur – Triq ir-Ramla – xogħlijiet fuq Triq Ħanaq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq Triq Ħanaq u parti minn Triq ir-Ramla fin-Nadur, in vista' tal-fatt li ħames snin ilu, b'għaġla qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, dawn it-toroq ingħataw kisja waħda ta' tarmak u l-wiċċ baqa' sal-lum qatt ma ngħata b'dan li t-tarmak li ngħata peress li ma kienx ta' saħħa biżżejjed nqasam kollu u hemm partijiet mit-triq li diġà niżlu kif ukoll peress li fil-ġnub tat-toroq hemm xifer tal-konkos li hu perikoluż? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li dawn it-toroq jitlestew matul is-sena 2020 u jekk iva sa meta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12664.
Community Work Scheme — persuni ingaġġati f'Għawdex
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12467 jgħid kif jispjega li 49 persuna f'Għawdex minn Ġunju 2017 sal-lum ġew ingaġġati fil-Community Work Scheme wara inqas minn xahar jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jgħid f'kull każ kemm-il ġurnata kien ilhom jirreġistraw dawn il-persuni qabel ġew ingaġġati f'din l-iskema? Jista' jgħid jekk kienx hemm persuni li qabel bdew jirreġistraw kienu self-employed u malli bdew jirreġistraw ftit wara ġew ingaġġati f'din l-iskema? Jista' jgħid jekk f'din l-iskema f'Għawdex ġewx ingaġġati koppji miżżewġa - ċjoè ġew ingaġġati kemm-il mara kif ukoll ir-raġel?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li biex persuna tiġi ingaġġata fil-Community Work Scheme Enterprise Foundation (CWSEF), il-persuna riedet jew tkun fl-iskema qabel it-twaqqif tal-CWSEF jew tkun persuna vulnerabbli. Fil-ftehim imkien ma’ hemm imsemmi li persuna trid tkun għamlet xi perjodu tirreġistra ma’ Jobsplus biex tkun eliġibbli tipparteċipa fl-iskema. L-istat maritali tal-parteċipant ma jitteħidx inkonsiderazzjoni biex wieħed jidħol fl-iskema tal-CWSEF.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex jibda jingħata servizz ta' helicopter bejn Malta u Għawdex liema servizz kien ġie mħabbar madwar sena ilu li kellu jibda fi ftit ġimgħat? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li dan is-servizz jibda jingħata qabel jibda s-sajf 2020 u jekk le f'liema xahar u sena hu ppjanat li jibda jingħata dan is-servizz?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, il-konnettivita’ bejn il-gżejjer tibqa’ prijorita’ għal dan il-Gvern. Il-konnessjoni bl-ajru hija ħolqa minn sensiela ta’ inizjattivi li dan il-Gvern qiegħed jaħdem sabiex inkomplu jitwettqu; dan kollu jsir b’rispett sħiħ lejn is-sostennibilta’ fit-tul tas-servizz kif ukoll b’rispett sħiħ lejn l-ambjent.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10814 jista’ l-Ministru jgħid fejn waslu t-tħejjijiet u meta ħa joħorġu t-tenders sabiex partijiet sostanzjali ta’ Triq il-Marġa fix-Xagħra, Għawdex tinbidel u tkun imsaħħa bil-konkos minħabba l-problema kbira ta’ drenaġġ li ilha għal diversi xhur taffetwa lill-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom imissu ma’ Triq il-Marġa fix-Xagħra Għawdex?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari, hemm bżonn li parti sostanzjali tal-imsemmija triq tkun imsaħħa qabel ma jsir il-bdil tal-pajpijiet tad-drenaġġ fejn fuqhom saru diversi interventi mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex jiġu mwaqqfa skular ta’ drenaġġ. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħda b’komunikazzjoni mal-Ministeru kkonċernat ħalli jsiru tħejjijiet li bihom tissolva din il-problema repettitiva.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li fuq parti mit-Triq Santa Dminka ġewwa r-Rabat Għawdex li t-tender tagħha ilu awarded għal iktar minn sena, għadu ma nbediex ix-xogħol infrastrutturali fuqha? Min hu l-kuntrattur li rebaħ dan it-tender u kemm kienet is-somma globali ta' din it-tender? Min ta' awtorizzazzjoni biex dan ix-xogħol għadu ma sarx? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li dan ix-xogħol fuq l-imsemmija triq jinbeda f'dawn il-ġranet u jekk iva sa meta għandu jitlesta x-xogħol kollu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntrattur li ġie awarded dan il-kuntratt huwa Gatt Tarmac għas-somma ta’ €80,852.25c. Il-kuntratt ġie awarded fil-25 ta’ Ġunju 2018 bir-referenza tal-publikazzjoni hija MGOZ/MPU T 7/2018. Min-naħa l-oħra, il-Ministeru għaddej bi pjan ta’ prijoritajiet fuq l-infrastruttura tat-toroq f’Għawdex, bix-xogħol fuq din it-triq partikolari huwa skedat għax-xhur li ġejjin.
Marsalforn — Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar - tenders
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11414, li ngħatat fil-25 ta' Ottubru 2019 jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ippreparati t-tenders ta' Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar f’Marsalforn u jgħid dwar jekk ħarġux it-tenders għal dawn it-toroq u jekk humiex ser isiru u jitlestew matul is-sena 2020 u jekk iva sa meta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qed jahdem fuq it-Tender document biex eventwalment dan jiġi ppublikat għal dawn it-toroq.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11433, fejn ingħad li x-xogħol fuq il-parkeġġ tax-Xlendi li t-tender 'qed jiġi vvetjat u għadu ma ġiex ippubblikat biex jinkorpora elementi teknoloġiċi u ekoloġiċi addizzjonali skont kif imħabbar fil-Baġit 2020', jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tenders ħarġux, u jekk le x'inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux it-tenders biex isir ix-xogħol neċessarju fuq il-parkeġġ u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol u jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender marbut mal-masterplan tax-Xlendi għadu qed jitħejja. Rigward il-parkeġġ, qed jiġi evalwat meta għandu jibda x-xogħol sabiex ma noħolqux inkonvenjent għall-istaġun turistiku.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitkompla x-xogħol fuq Triq it-Torri ta' Kenuna fin-Nadur? Jista' jgħid liema kuntrattur ser jagħmel dan ix-xogħol u kemm ser jiġi jiswa? Jista' jagħti data meta dan ix-xogħol ser jitlesta? Jista' jara li flok ħajt tal-kantun isiru barriers tal-plastik bid-dwal magħhom kif jitolbu r-regolamenti tas-saħħa u sigurtà qabel jiġri xi inċident u jkun tard wisq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq Triq it-Torri ta’ Kenuna se jibda fil-jiem li ġejjin. Is-sejħa għall-offerti intrebħet minn Gatt Tarmac Ltd u x-xogħol hu stmat li se jkun jiswa s-somma ta’ €536,423.50c (VAT eskluż). Ix-xogħol mistenni jkun lest fi ftit ġimgħat minn meta jibda x-xogħol. Il-Ministeru għal Għawdex ħa ħsieb li fi Triq Ta’ Kenuna barra li tingħalaq bil-ħajt tal-kantun, tingħalaq ukoll bil-barriers tal-plastik u jkunu mgħammra bid-dawl.
Għawdex – Triq li twassal mir-Rabat għal Marsalforn — xogħlijiet
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12505, jista' l-Ministru jgħid kif ġie magħżul il-perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala l-Perit għax-xogħol li ser isir fuq Triq Marsalforn? Jista' jgħid jekk dan ġiex magħżul wara sejħa jew b'direct order? Jista' jgħid kemm tħallas s'issa? B'referenza għall-istess mistoqsija u risposta jista' jgħid għaliex għal din it-triq ser jinġabu biss 2% tal-ispiża tagħha mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Min iddeċieda li japplika għal 2% tal-fondi biss?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit tax-xogħol ġie magħżul permezz ta’ EOI. S'issa l-perit tħallas is-somma ta’ €38,851.50. Il-bini mill-ġdid tat-triq se jsir b’fondi nazzjonali, filwaqt li l-bini tal-ħitan tas-sejjieħ tat-triq ser jsir minn Fondi Ewropej, għal daqstant meta tikkunsidra l-ispiża tal-ħitan tas-sejjieħ man-nefqa totali, il-persentaġġ jiġi ta’ 2%.
Jista' l-Ministru jispjega fiex tikkonsisti t-tender li ġiet ippublikata fis-7 ta' Frar 2020 'IM005/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo'? Jista' jgħid jekk kienx hemm diġà Clarification rigward din it-tender u jekk iva meta saret din il-Clarification, x'kien mistoqsi f'din il-clarification u meta ġiet imwieġba? Jista' jikkonferma li l-fatt li nħarġet din it-tender allura jfisser li issa t-toroq f'Għawdex għaddew taħt ir-responsabilità ta' Infrastructure Malta xi ħaġa li ma kinetx saret sal-aħħar tas-sena 2019?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta twaqqfet fl-2018 sabiex pajjiżna jagħmel qabża ‘l quddiem fil-kwalità, sigurezza, effiċjenza u sostenibilità tat-toroq u ta’ infrastruttura pubblika oħra fis-snin li ġejjin. Din l-aġenzija m’hijiex biss qed iżżid ir-ritmu u l-kwalità tax-xogħol ta’ tisħiħ ta’ l-infrastruttura pubblika, iżda qed tara wkoll kif tista’ ttejjeb il-proċeduri involuti f’din il-ħidma kontinwa, sabiex niżguraw li nimmassimizzaw il-benefiċċji li l-familji u n-negozji f’Malta jieħdu lura għal dan l-investiment bla preċedent. Is-sistema ġdida ta’ akkwist ta’ servizzi ta’ xogħlijiet li jkunu meħtieġa kontinwament għal xogħlijiet fit-toroq hija bbażata fuq is-sistema preċedenti magħrufa bħala “framework agreement”, iżda toffri diversi benefiċċji li jiżguraw aktar kontabilità u effiċjenza.
Dettalji dwar il-proċess indikat jinsabu fis-sit www.etenders.gov.mt (li tagħha qed nqegħdu screenshot) taħt in-numru ta’ referenza indikat fil-mistoqsija. Il-laqgħa ta’ kjarifiki għall-kuntratturi prospettivi interessati f’din is-sejħa saret hekk kif indikat fid-dokument tas-sejħa li qed issir referenza għaliha, nhar il-21 ta’ Frar 2020. Il-minuti ta’ din il-laqgħa, bit-tagħrif kollu relatat, ġew ippubblikati fis-sit indikat f’din it-tweġiba, hekk kif isir normalment fi proċessi bħal dawn. Kopja ta’ dawn il-minuti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Filwaqt li s-sejħa indikata tagħti lok biex riżorsi akkwistati permezz ta’ dan il-proċess jintużaw għal xogħlijiet f’Għawdex, ir-responsabilità tat-toroq f’Għawdex għadha f’idejn il-Ministeru konċernat. Bħal ma sar minn kemm ilha li twaqqfet, kull fejn ikun meħtieġ, Infrastructure Malta tappoġġja lil entitajiet oħra governattivi, fosthom il-Ministeru t’Għawdex, f’xogħlijiet marbutin ma’ titjib fl-infrastruttura pubblika. Dan ser ikun jista’ jsir ukoll permezz tal-proċess t’akkwist ta’ servizzi indikat f’din il-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm u f'liema lokalitajiet u isem tat-triq ġewwa Għawdex hemm ippjanati li jsiru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2020 biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq? Jista' jagħti lista' ta' farm roads li saru f'Għawdex matul is-sena 2017, 2018 u 2019 u jgħid jekk dan ix-xogħol sarx minn kuntratturi jew mill-ħaddiema tal-Gvern? Jista' jgħid f'kull każ kemm kien it-tul tat-triq li saret u l-ispiża fuq l-istess farm road?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta' toroq li saru matul is-sena 2017, 2018 u 2019 jidhru kif indikati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għas-sena 2020, il-Ministeru qiegħed jevalwa liema toroq rurali jeħtieġu intervent.
Jista' l-Ministru jgħid, in vista tal-fatt li l-Għar tal-Mixta fin-Nadur huwa wieħed mill-postijiet li jintuża biex jirreklama lill-gżejjer Maltin, x'qed jsir biex dan il-post jiġi miżmum tajjeb? X’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru għal Għawdex għal dan is-sit storiku li jagħti fuq il-Bajja tar-Ramla b'veduti mill-isbaħ? X'għamel il-Ministeru fl-aħħar xhur meta xi individwi għalqu jew ostakolaw partijiet mill-art li twassal għall-Għar tal-Mixta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-interventi li saru kienu mill-inqas u kienu biss ta’ tindif. Dan biex l-għar jibqa’ kemm jista’ jkun fl-istat naturali tiegħu. Il-Ministeru talab lill-Awtorità tal-Artijiet biex tivverifika jekk l-għar innifsu, l-art tal-madwar u anke l-passaġġ humiex propjeta tal-Gvern. Irriżulta li l-ewwel parti tal-passaġġ li jagħti għal-għar hija tal-Gvern, l-għar u l-art tal-madwar hija mwellija mill-Gvern lil terzi u l-passaġġ mill-għar għall-bajja huwa tal-privat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx xi ħidma fir-rigward tat-twettiq tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u jekk saret fiex tikkonsisti u jekk hux maħsub li jkun hemm xi forma ta’ konsultazzjoni pubblika u jekk iva meta ser isir?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ preparament għat-trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva (2018/1972) beda minnufih u għadu għaddej.
Fil-ġimgħat li ġejjin ser inkunu qed nipprezentaw proposta leġislattiva li temenda diversi liġijiet u li ser tkun miftuħa għal konsultazzjoni pubblika.
In-Nadur — Triq l-Imġarr - konferenza tal-aħbarijiet
Question
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministeru għal Għawdex fit-18 ta' April 2019 fi Triq l-Imġarr fin-Nadur Għawdex, liema triq issa ilha aktar minn sena magħluqa kompletament u fejn ma sar ebda tip ta' xogħol, kif ukoll tenut kont tal-fatt li f'din il-konferenza kien hemm preżenti fost l-oħrajn l-ex Ministru għal Għawdex, nies tekniċi mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll il-perit/Geotechnical Engineer li tqabbdu flimkien ma' esperti barranin biex jagħmlu l-istudji u jħejju l-pjanti u d-disinni meħtieġa ta' xogħol li hemm bżonn issir f'din it-triq, jista' l-Ministru jgħid x'ħejjew dawn in-nies (pjanti/disinni) li kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha, kif ukoll id-dati meta tħejjew dawn l-istudji/pjanti/disinni tax-xogħol li għandu jsir f'din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12666.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tal-Qorti ta' Għawdex li sa ftit taż-żmien ilu kienu jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex issa għaddewx taħt l-Aġenzija ġdida li twaqqfet u li taqa' taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu? Jekk iva minn meta dawn il-ħaddiema ma baqgħux jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex u kemm hu n-numru ta' ħaddiema li għaddew minn taħt il-Ministeru għal Għawdex għal ma' din l-Aġenzija?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li fid-9 ta’ Awissu 2019 ġie approvat illi l-ħaddiema kollha (29 fin-numru) tal-Qorti ta’ Għawdex jiġu detailed mal-Court Services Agency li ġiet imwaqqfa bl’avviż Legali 197/2019.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kienu jokkupaw il-pożizzjoni ta' persons of trust fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu sena b' sena mit-8 ta Marzu 2013 sal-lum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tender CT2039/2017 Part 2 Negotiated Procedure for the refurbishment and upgrading works (part 2) at Deep Water Quay Marsa Malta
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender CT2039/2017 Part 2 Negotiated Procedure for the refurbishment and upgrading works (part 2) at Deep Water Quay Marsa Malta, li ġiet ippubblikata fl-24 ta' Mejju 2019 u li għalqet fit-2 ta' Lulju 2019? Jista’ jgħid jekk din it-tender ġietx awarded u jekk le x'inhuma r-raġunijiet li din it-tender għadha ma ġietx awarded, u meta hu maħsub li tiġi awarded din it-tender?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Board tal-Evalwazzjoni tat-tender imsemmi qed jipprepara r-rakkomandazzjonijiet finali tiegħu.
Proġett ta’ triq ġdida bejn il-port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta’ Lourdes f’Għajnsielem
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett propost fl-aħħar baġit għal triq ġdida bejn il-port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta' Lourdes f'Għajnsielem u jgħid fil-konkret x'sar sa issa u jgħid x'hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin? Jista’ jgħid ukoll min hu l-perit inkarigat minn dan il-proġett, kemm-il siegħa xogħol għamel sa issa u kemm tħallas għal dan ix-xogħol li diġà għamel? Jista’ jgħid jekk sarux xi laqgħat ta' konsultazzjoni u informazzjoni għall-stakeholders u għall-persuni jew sidien ta' art li ser jintlaqtu minn dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja konsultazzjonijiet mal-ERA biex eventwalment ikunu jistgħu jibdew it-testijiet ġeologiċi meħtieġa. Id-ditta ta’ Periti inkarigati minn dan il-progett huma William Lewis li kien wieħed mil-periti li kien applika taħt is-sejħa li kienet ħarġet mill-Ministeru għal servizz ta’ periti. Minħabba li għadhom għaddejin konsultazzjonijiet mal-ERA, għad ma ġewx skedati laqgħat ta’ konsultazzjoni u informazzjoni għall- stakeholders jew persuni li jistgħu jintlaqtu minn dan il-proġett. Dan minbarra li jrid jiġi evalwat u kkunsidrat l-impatt ambjentali sabiex tkun tista tittieħed deċiżjoni finali rigward din it-triq.