Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dwejra Management Board — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12255 u jgħid fl-aħħar sentejn kemm-il darba ltaqa' l-kumitat tad-Dwejra Management Board? Jista' jagħti d-data meta saru l-laqgħat u l-post fejn inżammu? Jista' jgħid min kienu l-membri preżenti f'kull laqgħa? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa ta' dan il-Bord għall-perjodu indikat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2018 u Jannar 2020, il-Kumitat għat-Tmexxija tad-Dwejra ltaqa’ sitt (6) darbiet. Dettalji dwar id-data, l-post u l-attendenza ta’ dawn il-laqgħat qed jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-minuti tal-istess laqgħat, infakkar lill-Onor. Interpellant li spjegazzjoni dwar in-natura ta’ dawn il-minuti u r-raġuni għala dawn ma jistgħux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kienet diġà ngħatat mill-predeċessur tiegħi b’risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 28900. Din il-PQ twieġbet fil-leġiżlatura preċedenti.

Kunsill Lokali Qala Għawdex – Triq il-Kunċizzjoni – Offerta għal water culverts u resurfacing

Question

B'referenza għall-minuti 4.6.1. tal-Kunsilli tal-Qala tal-Laqgħa Numru 4 li saret it-Tlieta 6 ta' Awwissu 2019 rigward l-offerta tal-water culvert u resurfacing bit-tarmak ta’ parti minn Triq il-Kunċizzjoni ġewwa l-Qala, fejn 'intqal li peress li din l-istess offerta ġiet id-doppju mil-budgeted amount u għalhekk din l-offerta ma ġietx aċċettata' jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kunsill reġgħax ipprepara stima oħra u ħarġitx offerta oħra hekk kif kien issuġġerit mill-Ministeru għal Għawdex? Jekk inħarġet offerta oħra fiex wasal il-proċess?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Qala li ma ġietx ippreparata stima oħra u lanqas inħarġet sejħa għall-offerti mill-ġdid. Il-Kunsill Lokali ngħata grant mill-Ministeru għal Għawdex permezz tal-ftehim ‘Proġett Għawdex’. B’dawn il-fondi ġie kopert l-ammont tal-offerta li kienet inħarġet. Ninsab infurmat ukoll illi t-tender ġiet awarded u l-kuntratt ġie ffirmat fid-19 ta' Frar 2020.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Orthopaedic Unit – xogħol fuq bankina

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12278 kollha kemm hi u jgħid jekk inħariġx il-Compliance (Completion) Certificate tal-binja l-ġdida ta' Orthopaedic Unit ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? U jekk iva, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tal-Compliance (Completion) Certificate fuq il-Mejda tal-Lamra kif mitlub minnu.
Leg 13 PQ #13178 Sitting 311 2020-03-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender for paving works abutting housing units by Triq il-Ħamrija, Xewkija, Gozo'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala għat-tielet darba konsekuttiva t-tender: 'Tender for paving works abutting housing units by Triq il-Ħamrija, Xewkija, Gozo' ġiet ikkanċellata? Jista’ l-Ministru jgħid x' inhu jiġri rigward din it-tender u jgħid meta hu ppjanat li se jsir u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-offerti mitfugħa għal din is-sejħa u għal dawk preċedenti kienu amministrattivament, teknikament u/jew finanzjarjament mhux aċċettabli skont ir-rekwisiti tat-tender ippublikat. Il-Ministeru għaddej bil-kunsiderazzjonijiet meħtieġa biex eventwalment terġa’ toħroġ sejħa għall-offerti u jsir ix-xogħol.

Sannat Għawdex – diskussjonijiet dwar modifiki fid-disinn għall-junction

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar meta bdew u fiex waslu d-diskussjonijiet, (xahar u sena) bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta' Sannat u meta huma ppjanati li jiġu konklużi, , dwar modifiki fid-disinn għall-junction fid-daħla prinċipali tar-raħal tas-Sannat Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, wara numru ta’ diskussjonijiet tekniċi, Transport Malta ħarġet l-ittra ta’ approvazzjoni lill-kunsill lokali tas-Sannat fis-6 ta’ Marzu 2020 għad-disinn tal-junction fid-daħla tar-raħal tas-Sannat.
Leg 13 PQ #13068 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur — Park tal-Qortin ta' Isopu - siġar

Question

B'referenza għall-park tal-Qortin ta' Isopu fin-Nadur, jista' l-Ministru jgħid: a. meta hu maħsub li ssir t-triq bit-tarmak li twassal minn ħdejn il-Ġnien ta' San Blas sal-bidu ta' dan il-park; b. kemm kienet in-nefqa s'issa fuq dan il-park tal-Qortin ta' Isopu u jista' jagħti breakdown tan-nerqa li saret; c. kemm tħawlu b'kollox siġar u arbuxxelli f'dan il-park; d. kemm minn dawn is-siġar mietu u meta ġew mibdula ma' oħrajn; e. kif qed jinsqew dawn is-siġar li hemm f'dan il-park; f. meta kien l-aħħar li saret t-tisqija ta' dawn is-siġar u arbuxxelli f'dan il-park; g. kemm kienet in-nefqa fuq tisqija ta' dawn is-siġar fis-sena 2019 u kemm kienet in-nefqa matul l-ewwel perjodu ta' din is-sena sa meta titwieġeb din il-mistoqsija; u h. kemm hemm nies impjegati tal-Ministeru li x-xogħol tagħhom huwa li jieħdu ħsieb dan il-park?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan il-Park tħawlu ‘l fuq minn 4,500 siġra. Matul is-sena 2019 ma mitux siġar u għalhekk ma nbidlet l-ebda waħda minnhom. Dawk is-siġar li fil-preżent jidhru bla weraq, huma siġar li matul l-istaġun tax-xitwa jwaqqgħu l-weraq, u dan bħala parti mill-proċess naturali tagħhom. Fil-Ġnien ta` Isopu hemm installata sistema ta` irrigazzjoni u li hi mifruxa mal-Ġnien kollu. Matul il-perjodu tax-xitwa, il-pajpijiet użati għat-tisqija jitneħħew biex ikun iffaċilitat il-kontroll tal-ħaxix ħażin permezz ta` makkinarju mekkaniku. Dawn il-pajpijiet jerġgħu jinfirxu f`posthom fir-rebbiegħa. Jekk ikun hemm nuqqas ta` xita, dawn il-pajpijiet jerġgħu jitqiegħdu skont il-bżonn. Minħabba n-nuqqas ta` xita matul din is-sena, is-siġar li tħawlu matul l-2019, issaqqew matul ix-xhur ta` Jannar u Frar. L-aħħar tisqija saret nhar id-9 ta’ Marzu. In-nefqa għat-tisqija ta’ dawn is-siġar matul is-sena 2019 kienet hekk; €2,590.26 fuq l-ilma, €177.97 fuq aċċessorji għat-tisqija u €505.08 fuq spejjeż oħra. In-nefqa matul l-ewwel perjodu ta’ din is-sena f’dan kien ir-rigward kienet ta’ €43.56. Fil-preżent, il-Ministeru għal Għawdex għandu żewġ impjegati bħala ġardinara, li x-xogħol tagħhom huwa esklussivament fil-Ġnien ta` Isopu. Fil-perjodi li l-iktar ikun hemm xogħol, impjegati oħra mis-sezzjoni tal-Afforestazzjoni fi ħdan id-Direttorot għall-Affarijiet Rurali jiġu diretti biex jgħinu skont il-bżonn ħalli x-xogħol isir f`waqtu. B’kollox, in-nefqa fuq il-proġett minn meta beda fis-sena 2010, kienet ta’ €294,831.82. Il- breakdown ta’ din in-nefqa huwa kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ tarmak fit-triq li twassal minn ħdejn il-Ġnien ta' San Blas sal-bidu ta' dan il-park, ninforma lill-Interpellant li l-Ministeru qed jimxi skont programm ta’ prijoritajiet għall-Infrastruttura f’Għawdex.
Leg 13 PQ #13073 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ir-Rabat – Pjazza Indipendenza – zebra crossing

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12338, jista' l-Ministru jikkonferma jekk Triq ir-Republika u Pjazza Indipendenza humiex kunsidrati toroq arterjali u għalhekk jaqgħu direttament taħt il-Ministeru għal Għawdex u l-Gvern Ċentrali u mhux taħt il-Kunsill Lokali? Jista' jgħid x'ser jagħmel il-Ministeru biex jassigura li l-parti tat-triq arterjali li tgħaddi minn Pjazza Indipendenza tiġi rranġata u biex jassigura li z-zebra crossings li hemm fl-istess parti tat-triq arterjali jsiru kif titlob il-liġi qabel jiġru aktar inċidenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Active Implantable Medical Devices Regulations

Question

Tista’ l-Ministru tispjega x’inhi r-raġuni għalfejn il-Liġi Sussidjarja numru 427.10 intitolata ‘Active Implantable Medical Devices Regulations’ issejjaħ lir-Regulatory Affairs Directorate fl-Awtorità Maltija dwar l-iStandards meta din l-Awtorità llum ma għadhiex teżisti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tal-Artiklu 3(6) tal-Att dwar l-Awtoritá ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 510.), l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur assumiet l-persuna preċedentement vestita fl-Awtorità Maltija dwar l-Istandards. Barra minn hekk, skont Artiklu 61 (2) tal-Att, kull referenza f’xi liġi għall-Awtorità tal-Istandards għandha tinqara u tiftiehem bħala riferenza għall-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Qala Għawdex – Istitut għat-Turiżmu — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti li qed jattendu għall-korsijiet full time fl-Istitut għat-Turiżmu fil-Qala, Għawdex? Tista' tgħid liema korsijiet qed isegwu? Tista' tgħid kemm kienet l-ispiża totali ta' dan l-Istitut fis-sena 2019?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li fl-2019 kien hemm 12-il student isegwu l-korsijiet Food Preparation and Services u l-Foundation Studies. L-ispiża totali kienet ta’ €215,905
Leg 13 PQ #13171 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — passiġġieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' passiġġieri li użaw is-servizz tal-Gozo Channel fis-sena 2019? Jista' jgħid ukoll minn dawk il-passiġġieri, kemm qasmu bħala residenti f'Għawdex u kemm minnhom qasmu bħala anzjani?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2019, kien hemm 2,122,418 passiggier li xtraw il-biljetti minn għand il-Gozo Channel (Operations) Ltd., li minnhom 851,805 kienu biljetti mixtriha minn passiġġieri Għawdxin u 373,448 kienu biljetti mixtriha minn passiggieri anzjani.
Leg 13 PQ #13172 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Promozzjonijiet ta’ senior operatives

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5999 u 12109 u jispjega lill-Parlament kemm kien hemm individwi b'anqas minn ħames snin servizz mas-Servizz Pubbliku u li xorta ngħataw il-promozzjoni ta' senior operative?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 13089.
Leg 13 PQ #13049 Sitting 309 2020-03-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Il-Qala – Triq iż-Żewwieqa — xogħlijiet

Question

B'referenza għal Triq iż-Żewwieqa ġewwa l-Qala li f'dawn l-aħħar ġranet inbeda xi xogħol fuqha, jista’ l-Ministru jgħid: a. Jekk din it-triq hux se ssir kollha kemm hi jew inkella parti minnha biss qabel terġa’ tingħalaq għal kollox Triq Sant Antnin ġewwa Għajnsielem?; b. Kemm-il kisja tarmak se tingħata u kemm se tkun il-ħxuna ta' kull kisja tarmak?; c. Jekk humiex se jinbidlu s-servizzi fosthom tal-ilma u d-drenaġġ tad-djar residenzjali u restoranti li jinsabu fl-imsemmija triq u jekk humiex se jsiru trinek ġodda tas-servizzi u jekk iva liema servizzi ħa jinbidlu u jsiru mill-ġdid u jekk le għala mhumiex se jsiru?; d. Jekk humiex ser isiru bankini ġodda mal-ġnub tat-triq u jekk le għala mhumiex se jsiru?; e. Jekk humiex se jinbnew mill-ġdid il-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu f'din it-triq u li huma fi stat ħażin ħafna u jekk le għala mhumiex se jinbnew mill-ġdid?; f. Min hu l-perit inkarigat minn din it-triq?; g. Jekk din l-imsemmija triq hijiex se ssir skont standard ta' EU, ta' Infrastructure Malta u Transport Malta?; u h. Kemm hu maħsub li se tkun l-ispiża totali fuq din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq se ssir kollha, skont l-istandards u l-ġimgħa d-dieħla se tinfetaħ għall-pubbliku bħala triq alternattiva għal Triq Sant’ Antnin. Diġa nbiddlu s-servizzi neċessarji, se jkun hemm lane għall-mixi u l-ħitan tas-sejjieħ se jibdew jiġu rrestawrati aktar ‘il quddiem. L-perit huwa tal-Ministeru u l-ispiża totali se tkun definita la darba x-xogħol ikun mkejjel. Il-ħxuna hija ta’ 8cm basewearing.
Leg 13 PQ #13050 Sitting 309 2020-03-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Vapur Nikolaos — spiża

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li r-raba' vapur, u ċjoè l-vapur Nikolaos, li nbena fl-1987 - 33 sena ilu - ġie mikri mill-kumpanija Gozo Channel għall-prezz ta’ €13,000 kuljum u ċjoè għal kważi €5,000, 000 fis-sena? Jista' jikkonferma li fil-ħlas tal-kirja m’hemmx inkluż il-fuel li jintuża kuljum minn dan il-vapur u li dan il-fuel qed jitħallas mill-kumpanija Gozo Channel? Jista' jgħid bħala medja kemm tħallas fuel għal kull ġurnata li l-vapur Nikolaos ilu jopera bejn Malta u Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12574.
Leg 13 PQ #13051 Sitting 309 2020-03-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – studju dwar żgħażagħ Għawdxin li jagħżlu jmorru jaħdmu Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux jikkunsidra li l-Ministeru għal Għawdex jikkummissjona studju dwar it-tibdil b'rata mgħaġġla li qed iseħħ fis-soċjetà Għawdxija fejn ħafna żgħażagħ Għawdxin qed jagħżlu li jmorru jgħixu u jaħdmu f'Malta u dwar kif il-fatt li l-kirjiet f'Għawdex huma irħas minn Malta qed jaffettwaw it-tessut tas-soċjetà Għawdxija? X'qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex biex jindirizza dawn ir-realtajiet ġodda li qed jibdlu lil Għawdex b'rata mgħaġġla ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qed jikkunsidra li jsir dan l-istudju.
Leg 13 PQ #13054 Sitting 309 2020-03-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — lista ta' bordijiet u kumitati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-Bordijiet u Kumitati kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid f'kull każ min kienu l-membri ta' kull bord jew kumitat sal-aħħar ta' Diċembru 2019 u min huma l-membri ta' kull bord jew kumitat fid-data li titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Toroq Residenzjali

Question

B'referenza għall-istqarrija pubblika, maħruġa fl-20 ta' Frar 2020, jista' l-Ministru jgħid: a. kemm hawn b'kollox toroq residenzjali f'Malta; b. kemm hemm b'kollox toroq residenzjali f'Għawdex; c. jagħti lista tal-130 Triq bl-isem u lokalità li skont din l-istqarrija tlestew matul l-ewwel sena mill-proġett ta' seba' snin li se jiswa €700 mitt miljun; d. jagħti lista separata kemm minn dawn it-toroq kienu f'Għawdex u jagħti lista tagħhom; u e. f'kull każ jgħid meta nbeda x-xogħol fuq kull triq li saret kemm f'Malta u kemm f'Għawdex, meta spiċċa l-istess xogħol, mil-liema kuntrattur sar u kemm sewa x-xogħol fuq dik it-triq għal kull triq?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #13067 Sitting 309 2020-03-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Bini ta’ Qorti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12546 u jgħid x’inhu l-pjan preżenti dwar il-bini ta' Qorti ġdid f'Għawdex u in vista ta' dak li ġara fl-aħħar snin, jista’ jgħid: a. kemm kienet in-nefqa totali fuq il-pjanti u ħruġ ta' tenders li saru biex il-bini ġdid jinbena fi Pjazza l-Assedju ta' Għawdex fir-Rabat, Għawdex; b. min tħallas u kemm tħallas għax-xogħol li sar fuq il-pjan biex jinbena Qorti ġdid fi Pjazza l-Assedju ta' Għawdex fir-Rabat, Għawdex; c. min ħa d-deċiżjoni li l-Qorti ma jsirx fi Pjazza l-Assedju ta' Għawdex fir-Rabat, x'kienet ir-raġuni li ttieħdet din id-deċiżjoni u meta ttieħdet din id-deċiżjoni; d. kemm kienet in-nefqa totali fuq il-pjanti, proċess ta' konsultazzjoni, periti u affarijiet oħra konnessi mal-pjan li l-Qorti l-ġdid ta' Għawdex jinbena fix-Xewkija fiż-Żona Industrijali; e. min tħallas u kemm tħallax għax-xoghol li sar fuq il-pjanti u xogħol ieħor relatat biex il-Qorti jinbena fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija; f. min ħa d-deċiżjoni li l-Qorti ma jsirx fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, x'kienet r-raġuni li ttieħdet din id-deċiżjoni u meta ttieħdet din id-deċiżjoni; u g. x'ser jsir fl-immedjat biex il-Qorti ta' Għawdex fiċ-Ċittadella li jintuża ta' kuljum min-numru kbir ta' anzjani u nies b'diżabilità, jsir aċċessibbli?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #13032 Sitting 308 2020-03-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — L-Għarb - Triq Franġisk Portelli - kisi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għalfejn Triq Franġisk Portelli ġewwa l-Għarb Għawdex, triq arterjali li tieħdok għar-raħal ta' San Lawrenz u l-bajja tad-Dwejra ilha iktar minn erba' snin b'kisja waħda ta' asfalt u hemm it-tappieri tad-drenaġġ għoljin iktar mill-ewwel kisja tarmak u huma ta' periklu kbir għas-sewwieqa kif ukoll peress li fil-ġnub tat-toroq hemm xifer tal-konkos li hu perikoluż? Jista’ jgħid f’liema xahar u sena hi ppjanata li ssir it-tieni kisja tarmak? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li din it-triq titlesta matul is-sena 2020 u jekk iva sa meta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li f’dak li jirrigwarda l-proġetti infrastrutturali, marbutin mat-toroq fil-gżira Għawdxija, il-Ministeru għal Għawdex għandu programm ta’ prioritajiet. L-imsemmija triq ser issir skont l-imsemmi pjan.

Għawdex — Triq Sannat - kuntrattur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li f'dawn l-aħħar ġimgħat ma kienx qed ikun hemm ħaddiema tal-kuntrattur b'mod regolari u ta' kuljum jaħdmu fuq Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal ta' Sannat? Jista' jispjega x'inhuma r-raġunijiet li meta jkun qed isir xi xogħol mill-kuntrattur ma jkunx hemm iktar minn żewġ ħaddiema jaħdmu fuq din l-imsemmija triq? Jista' jgħid f'liema xahar u sena hi ppjanata li din it-triq tkun lesta minn kollox u dan peress li x-xogħol fuq din it-triq ilu li beda xhur twal u din it-triq ilha mwiegħda li ssir mill-Kunsill għal madwar 10 snin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li dawn l-aħħar ġimgħat qed isiru xogħlijiet ta’ bdil ta’ mains u ittestjar tal-ilma mill-Water Service Corporation. Fir-rigward tan-numru ta’ ħaddiema li qed ikunu jaħdmu dan ivarja skont ix-xogħol. Ninsab infurmat wkoll mill-Kunsill li din it-triq għandha titlesta qabel l-aħħar ta’ Mejju 2020, imma dan jiddependi wkoll min-natura tax-xogħol peress li hemm diversi servizzi għaddejjin minn taħt il-wiċċ tat-triq maġenb xulxin.
Leg 13 PQ #13035 Sitting 308 2020-03-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem — Żona tal-Fessej - open skips

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10274, jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas il-kuntrattur li qed jipprovdi s-servizz ta’ Open Skips ġewwa l-area tal-Fessej f’Għajnsielem Għawdex mill-11 ta’ Ġunju 2019 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid min hu l-kuntrattur li fil-preżent qed jipprovdi s-servizz ta' 'Open Skips' f'din l-area f'Għajnsielem Għawdex u kif ġiet stabbilita r-rata ta’ ħlas? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġitx sejħa pubblika u jekk iva jekk din ġietx awarded u meta ġiet awarded?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qatt ma rċieva l-mistoqsija parlamentari numru 10274 u għaldaqstant qatt ma segħet tingħata tweġiba. Rigward l-Open Skips fiż-Żona tal-Fessej f’Għajnsielem, il-Ministeru għal Għawdex, kien irrisponda l-mistoqsija parlamentari li għamel l-istess Interpellant bin-numru 12074. Intant, rigward dawn l-open skips, ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-kuntrattur tħallas is-somma ta’ €87,447.62 (VAT eskluż). Sa meta qiegħda titwieġeb din il-mistoqsija, il-kuntrattur huwa Sultech & Co u dan intgħażel għax kien tefa’ l-irħas offerta tiegħu għal hand quotation maħruġa mill-Ministeru. Ħarġet sejħa pubblika oħra għall-offerti u din għadha ma ġietx awarded.