Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet qed isiru fil-preżent ġewwa l-area fejn hemm ippjanat li jsir SME Hub Project mill-Ministeru għal Għawdex ġewwa x-Xewkija? Jista’ jgħid meta ħarġu l-permessi, meta ħarġet it-tender, meta ġiet awarded u għal kemm ċifra ġiet awarded din it-tender? Jista’ jgħid ukoll min huma l-kuntratturi li fil-preżent qed jagħmlu dan ix-xogħol, min huma n-nies tal-Ministeru għal Għawdex u xi grad huma li qed jissorveljaw ix-xogħol li qed isir bħalissa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-offerti b’referenza MGOZ/MPU T 14/2019, li tkopri t-tħaffir għal stħarriġ ġeoloġiku ġiet ikkanċellata peress li l-ebda waħda mill-offerti sottomessi ma rriżultat li hija amministrattivament, teknikament, jew finanzjarjament konformi.
Konsegwentement, biex ma jitwaqqafx il-proċess ta’ studju, x-xogħlijiet ġew direttament mogħtija lill-kumpanija Solid Base Ltd għal valur ta’ €61,833 (VAT Eskluż). Ix-xogħol, qiegħed ikun issorveljat mill-Perit Claude Mallia.
Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq hemm ippjanati li jiġu mibnija ġewwa l-Industrial Estate fix-Xewkija Għawdex matul is-sena 2020 mill-Ministeru għal Għawdex u kemm hi mistennija li tkun in-nefqa fuq dawn it-toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12976 issa li hu stabbilit li l-Għar tal-Mixta huwa proprjetà pubblika, jista' l-Ministru jara li dan l-Għar u t-triq li twassal għalih jittieħdu lura mingħand min hu mwelli stante li dan huwa ġawhra naturali u attrazzjoni ewlenija għat-turisti f'Għawdex u ma għandux jibqa’ f'idejn il-privat? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru għal Għawdex fuq din il-ġawhra naturali li ritratti tagħha jintużaw f'ħafna reklamar ta' pajjiżna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex il-mistoqsija issir lill-Ministeru kompetenti.
Għawdex — Ix-Xewkija - raħħala li jiddepożitaw il-ħalib
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9528 jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra fiex wasal il-proċess ta' tneħħija tal-post fejn preżentement ir-raħħala kollha Għawdxin imorru ta’ kuljum jiddepożitaw il-ħalib tal-baqar fix-Xewkija Għawdex u dan peress li fl-aħħar ġimgħat ġie inawgurat il-Gozo Innovation Hub iffinanzjat minn Fondi Ewropej? Jista' jgħid fejn se jsir il-post il-ġdid fejn ir-raħħala Għawdxin jiddepożitaw il-ħalib tal-irziezet tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qatt ma kien hemm il-ħsieb li din il-faċilità tiċċaqlaq mis-sit eżistenti.
In vista tal-fatt li l-bini ta' Social Housing ġdid ġewwa taċ-Ċawla Għawdex ilu mwiegħed għal diversi snin, jista’ l-Ministru jgħid:
a. Fiex ser ikun jikkonsisti dan il-proġett ta’ Social Housing u kemm ħa jinbnew appartamenti u garaxxijiet f’dan il-proġett?
b. Jekk ħarġux
tenders
għall-bini u jekk dawn ġewx
awarded
u jekk le x’inhi r-raġuni li dawn it-
tenders
għadhom ma ħarġux jew ma ġewx
awarded
? u
c. F’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda u jitlesta dan il-proġett ta' bini ta’ Social Housing?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għall-blokka ġdida ta’ appartamenti ġiet sottomessa fit-28 ta’ Marzu 2019 u ġiet approvata fit-8 ta’ Ġunju 2019, bir-referenza PA5522/18. Dan il-permess kien ikopri kostruzzjoni ta’ tmien appartamenti totalment aċċessibli bil-lift u eco-friendly. Sussegwentament, inħarġet l-offerta CT2103/2019 għall-bini tal-appartamenti, liema offerta waqgħet għax l-ebda sottomissjoni ma kienet konformi amministrattivament, teknikament u finanzjarjament. L-offerta bin-numru CT2356/2019 għall-bini tal-appartamenti reġgħet ħarġet u bħalissa qiegħda tiġi evalwata. Bħalissa għaddej ukoll l-abbozzar għall-offerta tal-Mechanical and Electrical Services liema offerta hi mistennija tiġi ppublikata fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12276 u jgħid x'bajjiet ġewwa Għawdex sarilhom sand renourishment qabel u matul is-sajf 2019 u x'bajjiet hemm ippjanati li jsirilhom sand renourishment qabel u matul is-sajf 2020 ġewwa Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda bajja f’Għawdex ma saritilha sand renourishmentfl-2019. Pero mhux eskluż li jista' jsir dan it-tip ta' sand renourishment fil-futur.
In-Nadur — Triq l-Imġarr - konferenza tal-aħbarijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12937 kollha kemm hi u ċjoè: B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministeru għal Għawdex fit-18 ta' April 2019 fi Triq l-Imġarr fin-Nadur Għawdex, liema triq issa ilha aktar minn sena magħluqa kompletament u fejn ma sar ebda tip ta' xogħol, kif ukoll tenut kont tal-fatt li f'din il-konferenza kien hemm preżenti fost l-oħrajn l-ex Ministru għal Għawdex, nies tekniċi mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll il-perit/Geotechnical Engineer li tqabbdu flimkien ma' esperti barranin biex jagħmlu l-istudji u jħejju l-pjanti u d-disinni meħtieġa ta' xogħol li hemm bżonn isir f'din it-triq, jista' l-Ministru jgħid x'ħejjew dawn in-nies (pjanti/disinni) li kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha, kif ukoll id-dati meta tħejjew dawn l-istudji/pjanti/disinni tax-xogħol li għandu jsir f'din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq din it-triq beda madwar ħmistax ilu wara li fl-aħħar ġimgħat ġew indirizzati il-maġġor parti tal-issuesġeoloġiċi u strutturali.
Ministeru għal Għawdex – Intervention Unit — ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid sena b'sena u xahar b'xahar minn meta twaqqfet is-sezzjoni tal-Intervention Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu fiha, xi gradi huma dawn il-ħaddiema u x'tip ta’ xogħlijiet jagħmlu waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom? X'ħinijiet jaħdmu u kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li ħadu promozzjoni minn meta bdew jaħdmu f'din is-sezzjoni sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn mindu twaqqfet is-sezzjoni tal-Intervention Unit, dejjem kien hemm disponibbli madwar 15-il ħaddiem, bi gradi li jvarjaw minn skala 6 sa skala 20. Minn meta ġie mwaqqaf dan il-Unit, żewġ ħaddiema fi ħdanu, ħadu promozzjoni nterna għall-grad ta’ “Operative – Group III” wara sejħa pubblika, filwaqt li ieħor tela’ fi skala 16 wara sejħa nterna għall-post ta’ “Supervisor”.
Ix-xogħol tal-Intervention Unit ivarja minn rappurtar ta’ ħsarat f’toroq madwar Għawdex lid-dipartimenti, awtoritajiet u Kunsilli Lokali responsabbli, parteċipazzjoni f’attivitajiet li jiġu organizzati mill-Ministeru għal Ghawdex stess, spezzjonijiet u xogħlijiet tal-bajjiet immaniġġjati fis-Sajf, kif ukoll interventi skont l-esiġenzi tal-Ministeru f’sitwazzjonijiet ulterjuri. Il-ħinijiet huma fuq bażi ta’ żewġ shifts, mit-8.00 a.m sat-8.00 p.m, mit-Tnejn sal-Ħadd.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13028 fl-intier tagħha u jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex jibda jingħata servizz ta' helicopter bejn Malta u Għawdex liema servizz kien ġie mħabbar madwar sena ilu li kellu jibda fi ftit ġimgħat u dan waqt press conference li saret minn numru ta' Ministru? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li dan is-servizz jibda jingħata qabel jibda s-sajf 2020 u jekk le f'liema xahar u sena hu ppjanat li jibda jingħata dan is-servizz?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemm xejn xi nżid fuq it-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija paramentari 13028.
NSO – persuni mċaħħda materjalment li huma residenti f’Għawdex
Question
B'referenza għaċ-ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni mċaħħda materjalment b'mod sever huma residenti f'Għawdex u kemm minn dawk imċaħħda materjalment huma residenti fil-gżira ta' Għawdex? Jista' jgħid kif dawn jikkumparaw mar-reġjuni l-oħra ta' Malta?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat minħabba li tali informazzjoni tista’ tkun disponibbli għand l-Uffiċċju Nazzjonali dwar l-Istatistika.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu sabiex jassigura li l-persuni li qed jiġu ingaġġati bl-iskemi u jingħataw xogħol ta' skrivana f'diversi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Ghawdex ma jeħdux post l-iskrivana Għawdxin li qagħdu u għaddew minn eżami u ġew ingaġġati fiċ-Ċivil iżda qed jaħdmu f'Malta? Ma jaħsibx li qed issir inġustizzja ma' dawn l-iskrivana li jaħdmu f'Malta u li jistgħu jiġu jaħdmu Għawdex u jevitaw ħafna tbatija għalihom u għal familthom meta posthom qed jittieħed minn dawk li qed jiddaħħlu bl-iskema bla ebda eżami u bi kwalifiki ħafna anqas minn ta' dawk li huma skrivana fiċ-Ċivil?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuni ingaġġati fuq skema qegħdin jagħmlu xogħol temporanju. Sadanitant, kif għamel fl-aħħar snin, il-Ministeru għal Għawdex hu impenjat li jġib aktar xogħol minn Malta lejn Għawdex.
B’referenza għall-Avviż Legali Numru 75 tal-2020, jista’ l-Ministru jgħid jekk konvenji li ser jagħlaq it-terminu tagħhom humiex qed jiġu estiżi awtomatikament? Jekk iva, jista' jara li dan ikun iċċarat fl-Avviż Legali indikat jew inkella li jinħareġ Avviż Legali appożitu għaliex hemm inċertezza kbira fost il-membri tal-pubbliku li għandhom konvenji pendenti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Membru li l-Avviż Legali 75 tal-2020 li ġie abbozzat bi qbil mal-Kunsill Notarili, infurmat mill-Avukat tal-Istat li l-Avviz Legali u kwistjoni, jipprovdi li “kwalunkwe terminu ta’ skadenza ta’ kull konvenju debitament reġistrat skont il-liġi mal-Kummissarju tat-Taxxi fil-perjodu stabbilit bil-liġi għandu jkun sospiż waqt li l-ordni għall-għeluq tkun fis-seħħ u mingħajr ebda bżonn ta’ firem jew tiġdid formali min-naħħa tal-partijiet. Is-sospensjoni għandha ddum sa għoxrin (20) jum wara t-tneħħija tar-revoka ta’ kwalunkwe ordni mis-Suprintendent''.
Għawdex — Ir-Rabat – Pjazza Indipendenza – zebra crossing
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13073, jista’ l-Ministru jgħid:
1. Jekk Triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex humiex toroq arterjali li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?
2. Jekk huma toroq arterjali, kif allura r-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari hawn fuq indikata, kienet biex tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat?
3. Skont il-Ministru għal Għawdex, min hu l-Ministru konċernat?
4. X’għamel il-Ministeru issa, wara li saritlu l-mistoqsija u jaf li f’dan il-post ċentrali f’Għawdex hemm zebra crossings li mhumiex skont il-liġi biex is-sitwazzjoni tiġi rranġata qabel jiġri xi inċident li jkun fatali? u
5. Meta jiġri inċident minħabba dawn in-nuqqasijiet, f’liema Ministeru jew dipartiment ser iwaħħal?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill lokali tar-Rabat applika għall-fondi Ewropej, u fl-2012 ingħata fondi mill-Unjoni Ewropeja taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġionali (FEZR) ‘Setting of an Integral, Archaeological and Historical Trail in Victoria’. Dan l-istess proġett kien jinkludi wkoll r-riġenerazzjoni ta’ Pjazza Indipendenza.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12666 fejn f'din l-istess tweġiba ntqal li “Il-Ministeru se jkun qiegħed juża s-servizzi ta’ esperti neċessarji biex triq li ilha magħluqa għal xhur twal, jibda x-xogħol fuqha mill-aktar fis possibbli”, jista’ l-Ministru jgħid jekk tqabdux esperti ġodda, min huma dawn l-esperti - u jagħti isem u kunjom ta' dawn l-esperti -, kif intgħażlu, min għażilhom, kemm-il siegħa xogħol għamlu sa issa u kemm tħallsu? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x-xogħol li għamlu sa issa dawn l-esperti li kien neċessarju li jitqabbdu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex qed jikkolabora ma’ Transport Malta biex ġew stabiliti d-disinni u l-parametri tat-triq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ser tkun l-allokazzjoni diretta lil kull Kunsill Lokali f'Għawdex għas-sena 2020 u kemm kienet l-allokazzjoni diretta lil kull Kunsill Lokali f'Għawdex fis-sena 2019?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jibda jitħaddem fast ferry service bejn Malta u Għawdex peress li din kienet waħda mill-wegħdiet prinċipali għal Għawdex fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-aħħar elezzjoni (2017) u sal-lum dan is-servizz għadu ma ġiex introdott? Jista' jgħid meta hu maħsub li jibda jaħdem dan il-fast ferry service u jekk il-pjan hux li dan ikun għall-vetturi u passiġġieri jew passiġġieri biss? Jista' jgħid għal liema portijiet f’Malta ser jaħdem u kemm-il vjaġġ kuljum huwa maħsub li jagħmel?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor.i Interpellant li ġja' kienet inħarget Request for Proposals bit-tir li jibqa' jingħata s-servizz konvenzjonali għall-ġarr tal-passiggieri bejn Malta u Għawdex, simili ghal dak li jingħata mill-Gozo Channel illum il-ġurnata, u miegħu jiżdied is-servizz ta' fast ferry bil-ħsieb li dan iġorr il-passiġġieri bejn il-port tal-Imġarr Għawdex u l-Belt Valletta. Dik ir-Request for Proposals ma kienetx tat il-frott mixtieq u eventwalment ġiet kancellata fuq il-bażi li kien hemm bidliet ta' natura teknika u finanzjarja li kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni.
F'dan l-istadju l-Ministeru ghat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Progetti Kapitali qiegħed jippjana li s-sejħa għas-servizz konvenzjonali tinħareg b'mod separat minn dak tas-servizz ta'
fast ferry.
Fir-
Request for Proposals
li kienet inħarget, l-operatur tal-fast ferry kien intalab sabiex ta' kuljum bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, jitlaq bi tliet vjaġġi kemm mill-Belt Valletta u anke mill-Imġarr. Fis-Sibtijiet u l-Ħdud, l-iskeda kienet maħsuba b'mod differenti. F'xenarju ekonomiku dinji li jinsab inċert bl-impatt tal-imxija tal-Covid-19, ikun prematur li wieħed jispeċifika dettalji marbuta mal-iskeda tal-fast ferry, minn issa.
Ministeru għal Għawdex – ktejjeb u fuljett ippubblikati — spiża
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il fuljett jew ktejjeb ġew ippubblikati mill-Ministeru għal Għawdex jew xi wieħed mid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Ġunju 2017 sal-lum? Jista' jgħid kemm minn dawn il-fuljetti jew kotba ġew imqassma fid-djar ta' Għawdex? Jista' jgħid f'kull fuljett jew ktieb kemm-il ritratt tal-Ministru għal Għawdex kien hemm? Jista' jgħid f'kull każ, kemm kienet l-ispiża tal-istampar, kemm kienet l-ispiża tad-disinn u kemm kienet l-ispiża tal-posta? Jista' jgħid ukoll f'kull każ fejn ġie printed il-materjal u min għamel id-disinn? Jista' jgħid dawn kif intgħażlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-master plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'liema xahar tas-sena 2020 hu ppjanat li jiġi approvat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, is-sitwazzjoni għadha dik kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11749.
Jista’ l-Ministru jgħid x’widien ġew imnaddfa u riabilitati f'Għawdex sena b'sena minn Ġunju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'kienet l-ispiża fuq kull wieħed mill-widien u fiex kien jikkonsisti x-xogħol? Jista' jgħid x'widien hemm ippjanati li jitnaddfu matul is-sena 2020 u x'tenders ħarġu sa issa u x'tenders għad fadal joħorġu u meta huma ppjanati li joħorġu dawn it-tenders relatati ma’ tindif u riabilitazzjoni ta' widien ġewwa Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2019, tnaddfet il-parti ta’ fuq tal-Wied tax-Xlendi. Ix-xogħlijiet li saru f’din it-tindifa kienu jinkludu t-tneħħija tal-qasab bl-idejn, tindif mill-iskart mhux organiku u tindif mis-silt li kien inġabar fil-Wied. Dan sar b’attenzjoni kbira biex jiġi protett il-qabru tal-ilma ħelu. Sa issa, l-ispiża relatata ma’ din it-tindifa għadha ma nħadmitx mill-kuntrattur. Min-naħa l-oħra, huwa ippjanat li jitnaddfu l-widien li jidhru fil-lista ta’ hawn isfel. Bħalissa qegħdin jinkisbu l-permessi neċessarji biex il-widien ikunu jistgħu jitnaddfu, ħalli b’hekk jkun jista jibda x-xogħol fuq it-tenders.
Il-lista ta’ widien hija din;
Wied Imġarr ix-Xini
Wied tal-Grazzja
Wied Riħan
Wied Ta’ Grajgel/Daħlet Qorrot, Wied Il-Wileg
Wied Imġarr
Wied tax-Xħajma
Wied ta’ Marsalforn
Wied tal-Ort, Għasri
Wied l-Infern, Żebbuġ
Wied il-Kbir
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li ser isir ix-xogħol fuq il-parti tat-triq li ngħalqet reċentement fiż-Żebbuġ f’Għawdex u dan peress li din hija t-triq prinċipali li tagħti għal dan ir-raħal? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol ser isir u min hu l-Perit inkarigat minn dan ix-xogħol? Jista' jgħid x'passi ttieħdu dwar l-immaniġġar tat-traffiku peress li din hija t-triq li kull min imur iż-Żebbuġ irid jgħaddi minnha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Perit inkarigat mil-proġett hu perit tal-Ministeru. Filwaqt li tlestew l-kuntratti meħtieġa biex ikun jista jsir ix-xogħol, il-Ministeru qiegħed fl-aħħar fażi biex ikollu l-approvazzjonijiet meħtieġa mill-awtoritajiet ikkoncernati. Il-Ministeru, flimkien mal-Awtorita’ tat-Transport u l-Pulizija, mill-ewwel ħa l-passi neċessarji biex in-nies kollha li jkunu deħlin jew ħerġin miż-Żebbuġ ikunu protetti min kull periklu.