Marsalforn — Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar - tenders
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13031 u r-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11414, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender għax-xogħol fuq it-toroq Santa Marija u Qbajjar f'Marsalforn, Għawdex ħariġx? Jekk ħareġ, dan ġie mogħti u meta hu mistenni jibda x-xogħol fuq dawn it-toroq? Jekk għadu ma ħariġx, meta hu mistenni li jiġi ppubblikat u meta hu mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol fuq dawn it-toroq li jintużaw minn eluf ta' karozzi kuljum speċjalment fis-sajf?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jaħdem fuq it-Tender document biex eventwalment dan jiġi ppublikat għal dawn it-toroq.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12963 u jgħid kemm kien hemm persuni li kienu jokkupaw il-pożizzjoni ta' person of trust fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu, sena b'sena mit-8 ta Marzu 2013 sal-lum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tender: Framework agreement for the provision, maintenance and regular collection of open skips at various sites in Gozo
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender 'Framework agreement for the provision, maintenance and regular collection of open skips at various sites in Gozo. (CfT CA Unique ID: MGOZ/MPU T 32/2019)' li għalqet fis-17 ta' Ġunju 2019 u jgħid jekk din it-tender ġietx awarded u jekk le x'inhuma r-raġunijiet li din it-tender għadha ma ġietx awarded u meta se tiġi awarded?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjoni għal award tas-sejħa għall-offerti saret lura fit-2 ta’ Awwissu 2019, iżda, għal dik ir-rakkomandazzjoni, ġiet sottomessa oġġezzjoni mal-Bord tar-Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi (PCRB). Wara li l-PCRB kkonferma r-rakkomandazzjoni tal-bord tal-aġġudikazzjoni, din id-deċiżjoni sussegwentament ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Appell. Wara l-aħħar deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell, qed terġa’ ssir ri-evalwazzjoni tal-offerti.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti biex isir breakwater ġewwa Marsalforn? Jista' jgħid meta hu mistenni jibda x-xogħol fuq dan il-proġett li issa ilu mwiegħed snin u ssemma f'numru ta' budgets fl-aħħar ħames snin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadhom għaddejjin l-istudji neċessarji.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ manutenzjoni hemm ippjanat għal matul is-sajf 2020 għal kull skola f'kull raħal u belt ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hu maħsub li se tkun l-ispiża fuq kull skola, kemm-il tender ħarġet s’issa għal dawn ix-xogħlijiet, meta ħarġet, meta ġiet awarded u għal kemm prezz ġiet awarded?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li lista tax-xogħlijiet ta' manutenzjoni ppjanati sal-lum li jsiru fl-iskejjel f’Għawdex matul is-sajf 2020, inkluż stima tal-ispejjeż, qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ix-xogħol huwa maħsub li jsir minn ħaddiema tal-Ministeru u għalhekk ma nħarġux tenders.
Attachments:PQ 13721 - Skejjel f'Għawdex - xogħlijiet ippjanati għal matul is-sajf 2020.pdf
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12934, tista’ l-Ministru tindika fir-rigward tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, meta huwa maħsub li l-emendi proposti li għalihom qed tagħmel referenza f’dik it-tweġiba, ser jittressqu għal konsultazzjoni pubblika? Għalkemm wieħed japprezza d-diffikultajiet attwali minħabba l-pandemija tal-Coronavirus, imma tista' l-Ministru tikkonferma li suppost l-konformità ta’ Malta skont ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-UE 2017/2394 u kif qed jiġi nnotat ukoll, kellha ssir sas-17 ta’ Jannar 2020?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-emendi proposti għal-leġiżlazzjoni li taqa’ taħt l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtoritá ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandha tiġi ppreżentata fil-jiem li ġejjin.
Rigward l-emendi fil-leġiżlazzjoni li taqa’ taħt l-Awtoritá Maltija tat-Turiżmu dawn għadhom qed jiġu mħejjija. Nitlob lill-Onor. Interpellant japprezza l-fatt li, kif indikat ukoll fil-mistoqsija parlamentari, dan il-Ministeru inkluż iż-żewġ awtoritajiet imsemmija kienu fost l-aktar milqutin bil-pandemija u jinsabu impenjati ħafna minħabba ċ-ċirkustanzi li nqalgħu b’riżultat t’hekk.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12976, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan tal-Għar tal-Mixta fin-Nadur u l-inħawi tal-madwar u liema pjanta tkun tindika wkoll liema proprjetà hija privata, liema proprjetà hija pubblika u liema proprjetà hija pubblika però mwellija għand persuni privati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 12976, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub.
NSO – persuni mċaħħda materjalment li huma residenti f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13513 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għaċ-ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni mċaħħda materjalment b'mod sever huma residenti f'Għawdex u kemm minn dawk imċaħħda materjalment huma residenti fil-gżira ta' Għawdex? Jista' jgħid kif dawn jikkumparaw mar-reġjuni l-oħra ta' Malta?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lil-Onor. Interpellant, li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, mhux f’pozizzjoni li jagħti ċifra għal persuni f’Għawdex li huma mċaħħda materjalment u dawk imċaħħda materjalment b’mod sever, peress li n-numru ta’ persuni unweighted fis-sample li jaqaw taħt dawn iż-żewġ kategoriji huwa inqas minn 20 u għalhekk statistikament il-figuri ma jkunux ta’ min jorbot fuqhom.
Għawdex — Ir-Rabat – Pjazza Indipendenza – zebra crossing
Question
B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 13073 u 13536, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet kollha u jgħid b'mod ċar:
1. Jekk Triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex humiex toroq arterjali li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?
2. Jekk huma toroq arterjali, kif allura r-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari hawn fuq indikata, kienet biex tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat?
3. Skont il-Ministru għal Għawdex, min hu l-Ministru konċernat?
4. X’għamel il-Ministeru issa, wara li saritlu l-mistoqsija u jaf li f’dan il-post ċentrali f’Għawdex hemm zebra crossings li mhumiex skont il-liġi biex is-sitwazzjoni tiġi rranġata qabel jiġri xi inċident li jkun fatali? u
5. Meta jiġri inċident minħabba dawn in-nuqqasijiet, f’liema Ministeru jew dipartiment ser iwaħħal? Jaf li qed jipperikola li jkun hemm xi inċident fatali u sadanittant qed jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet u jgħid x'passi ittieħdu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari numri 12338, 13073, 13536.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-varjazzjonijiet li kien hemm fil-Proġett li sar mill-Ministeru għal Għawdex fuq ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza prinċipali tax-Xewkija? Jista' jagħti spjegazzjoni ta' kull varjazzjoni u min awtorizza l-istess varjazzjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-lista tal-varjazzjonijiet tinsab hawn taħt:
Numru tal-Varjazzjoni
Ammont (excl VAT)
Spjegazzjoni tal-varjazzjoni
1
Euro 34,872.00
Xogħol addizzjonali relatat mas-servizzi
2
Euro 58,076.96
Xogħol addizzjonali relatat ma bini ta’
service culverts
addizzjonali
3
Euro 328,128.29
Xogħol repettitiv u addizzjonali relatat ma’ bini ta’
service culverts
u
finishings
Total
Euro 421,077.25
Dawn il-varjazzjonijiet ġew ilkoll approvati mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12258 u jgħid kemm hemm ġibjuni tal-ilma tax-xorb f'Għawdex u fejn jinsabu? Jista' jgħid kemm jesa' kull ġibjun? Jista' jgħid meta saret manutenzjoni l-aħħar darba fuq kull ġibjun minn dawn? Jista' jispjega għaliex il-faċċata ta’ ċertu ġibjuni, bħala dak tan-Nadur, tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġibjuni tal-ilma tax-xorb ġewwa Għawdex huma sebgħa (7) u jinsabu fl-irħula tas-Sannat, Xagħra, Żebbuġ u Nadur. II-volum tal-ilma ta’ kull ġibjun huwa kif jidher hawn taħt :
Ċenċ 1- 0.75 Million Gals
Ċenċ 2- 0.25 Million Gals
Ċenċ 3- 4.587 Million Gals
Ċenċ 4- 5.569 Million Gals
Xagħra - 1.006 Million Gals
Żebbuġ - 0.25 Million Gals
Nadur - 0.25 Million Gals
Il-manutenzjoni fil-ġibjuni tinkludi prinċipalment it-tindif tal-akwati tal-ġibjun li dan isir madwar tliet darbiet fis-sena u manutenzjoni fuq il-valvi, pompi u pajpijiet skont il-bżonn.
Rigward il-ġibjun tan-Nadur, dan ingħata manutenzjoni strutturali minn barra għaxar snin ilu fil-parti fejn jinħażen l-ilma. Preżentement għaddejjin il-preparazzjonijiet meħtieġa biex isiru wkoll xogħolijiet fuq il-faċċata tal-propjetà.
Għaddejjin ukoll preparamenti ta’ studji sabiex jiġi evalwat ix-xogħol.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk attwalment hemmx xi vacancies fil-karigi tad-diversi diretturi ġenerali u diretturi f’ħdan id-diversi direttorati tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jekk hemm, tista’ telenka liema huma dawn il-karigi u għal kemm żmien ilhom vakanti?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament qed jiġu pproċessati sejħiet għall-applikazzjoni għall-pożizzjonijiet tad-Diretturi Ġenerali kollha u numru ta’ Diretturi.
Id-Diretturi Ġenerali u d-Diretturi baqgħu jokkupaw il-kariga u ħa jibqgħu jokkupawha sakemm jiġu maħtura mill-ġdid jew jinħattru Diretturi Ġenerali/Diretturi ġodda, skont l-eżitu tal-interviews. Dan b’eċċezjoni tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) li rtirat fit-13 ta’ Settembru, 2019, u d-Direttur (
Primary Manufacturing and Retail Markets
) fl-Uffiċju tal-Kompetizzjoni li ilha vakanti mill-31 ta’ Awwissu 2017 minħabba l-fatt li minkejja diversi sejħiet din il-kariga għadha ma ntlietx.
Għawdex – toroq li ma għandhomx servizz ta’ katusi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq ġewwa, Għawdex (raħal b'raħal) li għad m’għandhomx servizz ta’ katusi biex minnhom jgħaddi d-drenaġġ? Jista’ jindika wkoll xi pjanijiet u soluzzjonijiet għandu l-Gvern biex dan is-servizz jibda jingħata matul is-sena 2020 jew jekk le f'liema sena hu ppjanat li jibda jingħata dan is-servizz essenzjali triq bi triq?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tat-toroq ġewwa Għawdex li hemm djar residenzjali u li għadhom bla sistema tad-drenaġġ tinsab hawn taħt. Fill-maġġoranza tagħhom hemm problemi ta’ pendil negattiv. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel ħilitha sabiex jiġi pprovdut servizz fiż-żona ta’ Rinota ġewwa l-Munxar u fit-triq Stellini ġewwa x-Xagħra peress li m’hemmx problemi ta’ pendil. Dawn huma ppjanati għas-sena 2021.
Raħal
Toroq
Raħal
Toroq
Nadur
Qortin
Xagħra
Sqaq Ġorf
Zrajk
Stellini
Emigranti
Buskett
Rabat
San Leonardu
Daħlet Qorot
Munxar
Ta Rinota’ area
Xewkija
Gruwa
Gorġun
San Lawrenz
Parti minn Rokon
Lorenzo Haber
Kerċem
Għajn Tuta
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma saret mill-Youth Services Coordinator fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2020 kif ukoll matul l-aħħar sitt xhur tas-sena 2019? X'ħidma hemm ippjanata li ssir minn dan l-uffiċjal minn issa sal-aħħar tas-sena 2020? Jista' jipprovdi lista dettaljata tal-ħidma li saret u li hemm ippjanata fir-rigward?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret din is-sena, hija kontinwazzjoni tax-xogħol u r-riżultati miksubin matul is-sena 2019, apparti preparazzjoni għall-kumplament ta’ din is-sena u s-sena d-dieħla. Madankollu, il-ħidma ta’ din is-sena u s-sena d-dieħla jiddependu skont kemm se ddum tippersisti l-pandemija tal-Covid-19, li affettwat il-ħidma ta’ kulħadd.
Saret ħidma f’attivitajiet taż-żgħażagħ inkluż dawk kulturali, u laqgħat u networking ma’ organizzazzjonijiet Għawdxin, Maltin u kif ukoll barranin.
Fl-aħħar sitt xhur tas-sena 2019, il-Youth Service Coordinator kien impenjat fl-egħluq tal-proġetti mwettqa fix-xhur ta’ qabel li għalihom attendew bosta parteċipanti Għawdxin, kemm żgħażagħ, kif ukoll ħaddiema mill-Ministeru għal Għawdex. Fost dawn il-proġetti kien hemm E+ ‘Success’ u ‘Stand Against Drugs.’
Min-naħa l-oħra, il-Youth Service Coordinator applika b’suċċess għal diversi proġetti li kienu mistennija jitlestew sal-ewwel xhur tas-sena 2020, li huma E4C (Entrapreneurship for Change), Pathways to Empowerment in Gender-Based Violence Prevention u Making History Come Alive in Youth Work. Saru applikazzjonijiet, flimkien mal-partners Ewropej, għal tlett proġetti pero’ għadu qed jistenna risposta dwarhom mill-Aġenziji Nazzjonali rispettivi.
Għawdex — in-Nadur – proġett ta' Multi Modal Hub f’Ta' Xħajma
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12923, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinħarġu l-permessi meħtieġa u meta huwa ppjanat li jinħarġu l-permessi meħtieġa biex isir il-proġett ta' Multi Modal Hub f’Ta' Xħajma fin-Nadur Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkoncernat.
Tempji Puniċi tal-Wardija bejn Kerċem u San Lawrenz
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jara li t-Tempji Puniċi tal-Wardija, li jiġu bejn Kerċem u San Lawrenz jiġu mħarsa? Jista' jgħid jekk dan is-sit huwiex wieħed pubbliku u jekk iva, dan ġiex mgħoddi f'idejn persuni privati? Jista' jgħid ukoll jekk il-Ministeru tiegħu hux ser jieħu passi biex jassigura li dan is-sit storiku jiġi lura għand il-Gvern, dejjem jekk inhu f'idejn il-privat, u x'passi hemm ippjanati li jittieħdu biex jiġi assigurat li dan is-sit jiġi ppriservat u mħares?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Tempji Puniċi tal-Wardija huma tal-privat. Is-sid/sidien ta’ postijiet storiċi għandhom ir-responsabilità li jieħdu l-passi neċessarji biex dan il-wirt ikun protett u preservat.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk s’issa f’Malta hawnx xi fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati (qualified trust service providers) a tenur tal-finijiet tar-Regolament tal-UE Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji? Jekk hawn, jista’ jgħid kemm huma u liema huma?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fornaturi ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati (qualified trust service providers), a tenur tal-finijiet tar-Regolament tal-UE Nru 910/2014, dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji f’Malta huma tnejn:
- Malta Electronic Certification Services Ltd. (propjetà ta’ Identity Malta Agency), li toffri ċertifikati kwalifikati (
qualified certificates
) għal firem eletroniċi kwalifikati (
qualified electronic signatures
)
- eWitness Malta Ltd., li toffri servizzi ta’ preservazzjoni kwalifikati (
qualified preservation services
), għal firem eletroniċi kwalifikati (
qualified electronic signatures
), kif ukoll għal siġilli eletroniċi kwalifikati (
qualified
electronic seals
)
Ministeru għal Għawdex — safety audits ta' proġetti ta' toroq ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux isiru safety audits tal-proġetti ta' toroq ġodda li saru mill-Ministeru għal Għawdex? Għal liema toroq saru dawn l-audits? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-audits? Jista’ jpoġġi kopja ta' dawn is-Safety Audits fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn meħtieġ qed isiru studji ta’ safety audits marbutin ma’ proġetti ta' toroq ġodda. Ir-riżultati ta' dawn l-audits jipoġġew fuq il-mejda tal-Kamra ladarba jkunu definiti.
Peress li taħt il-Ministru għal Għawdex preċedenti, kien hemm pjan li jsir belveder ġdid ġewwa Triq iż-Żewwieqa fil-Qala Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid għadx hemm ħsieb li dan il-belveder isir? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, site plan fejn kien hemm ippjanat li jsir dan il-belveder, kopja tal-pjanti, min kien il-perit li għamel il-pjanti u li kien involut fuq dan il-belveder, u jekk dan il-belveder kienx ser isir fuq art pubblika jew inkella art privata? Jekk il-belveder kien ser isir fuq art privata, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex din l-art tiġi esproprjata?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandi, ma kienx hemm pjanti ta’ Belvedere ġdid. Madanakollu, il-Ministeru għal Għawdex qed jevalwa jistax isir Belvedere fuq art pubblika li tista’ tintuża għal dan l-iskop. Ta’ min ifakkar li f’din l-istess triq li saret fi żmien qasir b’aktar minn kilometru ta’ asphalt, diġa hemm il-Belvedere Anton Camilleri li kien ġie inawgurat f’Ġunju ta’ 2016, mis-Sindku u l-kunsilliera tal-Qala ta’ dak iż-żmien. Matul din it-triq se jitħawwlu ammont sostanzjali ta’ siġar u arbuxelli fil-ġimgħat li ġejjin kif ukoll ser jiġu restawrati l-ħitan tas-sejjieħ.
Peress li Artiklu 10 (1) tal-Avviż Legali 291 tal-2018 “Regolamenti tal-2018 dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq” jgħid li 'Għallinqas kull tliet snin, għandha ssir mill-Awtorità klassifikazzjoni ta’ sezzjonijiet tat-toroq b’rati għolja ta’ aċċidenti u klassifikazzjoni tas-sigurtà tan-netwerk tat-toroq, abbażi ta’ reviżjonijiet tal-operat tan-netwerk tat-toroq arterjali u distributorji', jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-klassifikazzjoni saritx mill-Ministeru għal Għawdex fuq it-toroq ġewwa Għawdex u jekk iva f'liema toroq? Jista’ jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport ippubblikat minn Transport Malta intitolat Ranking of High Accident Concentration Sections and Network Saftey Ranking, li jkopri s-snin 2016, 2017 u 2018, qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min isemmi li Triq l-Imgarr, fix-Xewkija, tagħmel parti mis-sezzjonijiet ta’ toroq b’rati għoljin ta’ inċidenti, b’total ta’ disa’ inċidenti li seħħew fl-2017.