Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender MGOZ/MPU/T37/2019 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt to the Ministry for Gozo li ħarġet fit-23 ta’ Lulju 2019? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħlijet saru, f’liema toroq u lokalitajiet saru x-xogħlijiet permezz ta' din it-tender u x'tip ta' xogħlijiet, f’liema toroq u lokalitajiet hemm ippjanati li jsiru fix-xhur li ġejjin u sal-aħħar tas-sena 2020 permezz ta' din it-tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onore. Interpellant li x-xogħlijiet li saru huma; rikostruzjoni ta’ parti min Triq San Gużepp fil-Qala, Triq iż-Żewwieqa bejn il-Qala u Għajnsielem u parti mit-Triq tal-Qaċċa fix-Xagħra. Ix-xogħol li jmiss għadu jrid jiġi definit skont il-prijoritajiet u l-urġenzi li jinqalgħu.
Tender 'CfT Title: IM015/2019 Tender for the project management services for the deep water quay project (phase 2)
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet li t-tender 'CfT Title: IM015/2019 Tender for the project management services for the deep water quay project (phase 2)' ġiet ikkanċellata f'dawn l-aħħar ġranet? Jista' jgħid x’inhuma l-passi li ser jieħu l-Ministeru tiegħu dwar din it-tender u jekk hux ser terġa’ tinħareġ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem fuq pjanijiet sabiex fis-snin li ġejjin, permezz ta’ proġetti differenti b’investiment li jaqbeż il-€200 miljun, tkompli ttejjeb il-kwalità u s-sostenibilità tal-Port il-Kbir.
Permezz ta’ dawn l-investimenti, l-aġenzija qed taħdem sabiex il-Port il-Kbir ikollu faċilitajiet aħjar għall-industriji differenti li jużawh għall-operat tagħhom. Fost oħrajn, qed jiġu ppjanati proġetti ta’ tħammil ta’ qiegħ il-baħar sabiex partijiet differenti tal-Port ikunu aktar aċċessibbli għal vapuri akbar, u sabiex jitneħħa materjal kontaminat li nġema’ f’qiegħ il-baħar matul is-snin. Proġett importanti ieħor huwa t-tisħiħ u tkabbir tal-mollijiet tax-Xatt ta’ Pinto u x-Xatt ta’ Lascaris, li jintużaw mill-industrija tal-cruise liners u vapuri oħra. Għaddejjin ukoll pjanijiet għall-bini ta’ moll ieħor fiż-żona ta’ Ras Ħanżir. Intervent ewlieni ieħor li qed ikun ippjanat huwa biex isiru strutturi taħt l-ilma li jtaffu l-qawwa tal-mewġ ħalli l-Port ikun aktar kenni.
Fl-istess waqt, għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għat-tieni fażi tal-proġett fix-Xatt l-Għassara tal-Għeneb (Deep Water Quay) sabiex ikompli jinbena mill-ġdid b’faċilitajiet aħjar għall-vapuri. Is-sejħa għall-offerti indikata fil-mistoqsija, u li nħarġet għal uħud mis-servizzi meħtieġa għal dan il-proġett, kellha titħassar minħabba li l-irħas offerta ma kinitx konformi mar-rekwiżiti mitluba filwaqt li l-prezzijiet offruti fis-sottomissjonijiet l-oħra kienu għoljin wisq meta mqabbla mal-istima oriġinali għal dan ix-xogħol. Infrastructure Malta għaddejja b’diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati sabiex tagħżel l-aħjar triq ‘il quddiem ħalli dan il-proċess t’akkwisti għas-servizzi meħtieġa għal dan il-proġett ikun jista’ jitkompla fiż-żmien li ġej.
Sadanittant, il-Gvern m’huwiex jaħseb biss fit-titjib tal-faċilitajiet ta’ dan il-port, iżda qed jaħdem sabiex inaqqas kemm jista’ jkun l-impatt tal-operat tiegħu fuq l-ambjent, fuq il-kwalità tal-arja u fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet tal-madwar. Fil-fatt, aktar kmieni din is-sena Infrastructure Malta ħabbret proġett ta’ €49.9 miljun biex il-vapuri tal-passiġġieri (cruise liners) u dawk li jġorru vetturi u nġenji oħra (Ro-Ro ships) jibdew jirċievu provvista tal-elettriku minn max-xatt minflok jużaw il-magni tagħhom, u b’hekk inaqqsu b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja li jikkaġunaw waqt li jkunu rmiġġjati fil-Port il-Kbir.
Il-Grand Harbour Clean Air Project jinkludi l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex twassal is-servizz tal-elettriku lill-vapuri tal-passiġġieri, u eventwalment bastimenti oħrajn, biex ikunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gass jew bil-heavy fuel oil. Minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt sabiex iħaddmu l-bqija tal-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port.
L-ewwel minn żewġ fażijiet ta’ dan il-proġett tinkludi investiment ta’ €37 miljun biex sal-2023 jkunu attrezzati b’din is-sistema (magħrufa bħala cold ironing) l-ħames mollijiet prinċipali li jintużaw mill-vapuri tal-passiġġieri. It-tieni fażi mbagħad se testendi l-proġetti għal żewġ mollijiet oħrajn, li jintużaw ukoll mill-bastimenti li jġorru vetturi u nġenji oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid fil-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa, fil-Promenade ta' Marsalforn kemm intużaw metri kubi ta' concrete ready-mix s'issa, kif ukoll min kejjel (jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-isem, il-kunjom u l-grad tal-individwu/individwi) u xi grad ta' ready-mix hu?, Jista' jgħid ukoll kemm-il test sar, min għamel dawn it-testijiet (jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-isem, il-kunjom u l-grad tal-individwu/individwi) u s'issa fiex kienu jikkonsistu dawn it-testijiet min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ġurnata, ħin tal-ġurnata u xahar saru u x'kien l-eżitu ta’ dawn it-testijiet kif ukoll jgħid ġewwa liema laboratorji saru dawn it-testijiet u jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kubaġġ ta’ konkos li ntuża fil-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa, fil-Promenade ta’ Marsalforn, huwa kif indikat fis-segwenti: ‘CBM 2 as per seires 1000’ – 213.25 metri kubi, ‘Grade C20 concrete’ – 171.61 metri kubi u ‘Grade C30 concrete’ – 687.30 metri kubi. Dan il-kejl sar mis-Sur Louis Portelli li huwa Quantity surveyor. It-testijiet saru min-naħa tal-kumpanija Solid Base u kopja tal-istess testijiet qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-kampjuni li ttieħdu f’ħames okkażjonijiet, nhar is-27 ta’ Frar, u nhar id-6, 9, 10 u 11 ta’ Marzu ta’ din is-sena.
Attachments:PQ 13952 - Marsalforn - proġett ta' riġenerazzjoni tal-Menqa.pdf
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kemm-il darba ħass il-ħtieġa li jiltaqa' mal-Gozo Regional Committee fi ħdan l-MCESD speċjalment wara li faqqgħet l-imxija tal-Covid-19? Jista' jgħid meta saru dawn il-laqgħat u min kien preżenti? Jista' jgħid min huma r-rappreżentanti tal-Ministeru għal Għawdex fuq dan il-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fi ħdan l-Kunsill Malti għall-Iżvillupp Ekonomiku u Soċjali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ltqajt mal-imsemmi Gozo Regional Committee fi ħdan l-MCESD ġewwa l-Ministeru għal Għawdex nhar is-27 ta’ Frar 2020 u minn dakinhar sal-lum, komplejt niltaqa’ b’mod frekwenti mal-istake holders kollha nvoluti fil-kontroll tal-imxija tal-COVID-19.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li l-permessi tal-Awtorità tal-Artijiet għas-sena 2020 jiġu waived għall-istabilimenti u operaturi kollha fil-qasam tat-turiżmu f'Għawdex u dan in vista tal-fatt li prattikament din is-sena dawn l-istabilimenti u operaturi mhux ser jaħdmu kif ukoll in vista tal-fatt li nofs l-ekonomija ta' Għawdex tiddependi fuq it-turiżmu (ferm aktar minn Malta) u jekk dan is-settur ma jerġax jieħu r-ruħ se jkun hemm problemi kbar fl-ekonomija Għawdxija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern nieda numru ta' skemi ta' appoġġ ekonomiku biex jipproteġi l-impjiegi, in-negozji u dawk li jaħdmu għal rashom. F'dan l-istadju l-Awtorità tal-Artijiet qiegħda tiddiskuti f’ħidma wiesa fi ħdan il-Gvern.
Għawdex — Ix-Xewkija - Triq il-Pitkalija - kisi ta' triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li Triq il-Pitkalija fix-Xewkija Għawdex ilha għal aktar minn erba' xhur b'kisja waħda ta' asfalt? Meta hi ppjanata li tingħata l-aħħar kisja ta' asfalt lil din it-triq u b'hekk tkun lesta minn kollox?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol se jitkompla la darba l-Enemalta ilestu x-xogħlijiet marbuta ma’ din it-triq.
Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar il-proġett ta' Multi Modal Hub ġewwa Ta' Xħajma fin-Nadur Għawdex u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-P.A. number ta' dan il-proġett kif ukoll l-istudji u dokumenti relatati mal-permess? Jista' jgħid jekk dan il-proġett hux iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u jekk iva kemm se jkun l-ammont ta' finanzjament minn fondi Ewropej?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej f’konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi flimkien ma’ Transport Malta biex l-applikazzjoni għall-permess tgħaddi mill-fażijiet li jmiss hekk kif stabbilit mill-istess policies li għandhom iż-żewġ awtoritajiet. In-numru tal-PA huwa PA 1606/19 u l-istudji u d-dokumenti kollha jinsabu fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan il-proġett huwa iffinanzjat minn Fondi Ewropej u l-ammont ta’ finanzjament huwa ta’ € 4,727,388.00.
Għawdex — applikazzjonijiet għal fabbriki tal-produzzjoni tal-mediċina tal-Cannabis
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'Għawdex hemmx applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew fabbriki tal-produzzjoni tal-mediċina tal-Cannabis f'żoni mhux industrijali? Jekk iva fejn qed jiġi propost li jinbnew u kemm hu l-ammont ta' applikazzjonijiet li hemm u f’liema lokalitajiet ġewwa Għawdex huma dawn l-applikazzjonijiet jew permessi li diġà nħarġu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks mgħandhomx applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew fabbriki tal-produzzjoni tal-mediċina tal-kannabis f’Għawdex. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-fabbriki tal-produzzjoni tal-mediċina tal-Kannabis mhumiex permessibbli f’żoni mhux industrijali.
MTA — liċenzji ta' stabilimenti u operaturi f'Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tikkunsidra li l-liċenzji tal-MTA għas-sena 2020 jiġu waived għall-istabilimenti u operaturi kollha f'Għawdex u dan in vista tal-fatt li prattikament din is-sena dawn l-istabilimenti u operaturi mhux ser jaħdmu kif ukoll in vista tal-fatt li nofs l-ekonomija ta' Għawdex tiddependi fuq it-turiżmu (ferm aktar minn Malta) u jekk dan is-settur ma jerġax jieħu r-ruħ ser ikun hemm problemi kbar fl-ekonomija Għawdxija
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru flimkien mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qegħdin kontinwament jissorveljaw is-sitwazzjoni, u huma sensittivi għat-tħassib tal-industrija f’dan il-mument diffiċli. Konxji ukoll mill-karatteristiċi u l-bżonnijiet partikolari tal-industrija Għawdxija. Il-Gvern kien dejjem proattiv biex jindirizza din l-isfida, u nassigurak li kwalunkwe azzjonijiet u deċiżjonijiet li qegħdin jittieħdu huma fl-aħjar interess tal-industrija sabiex jiġi assigurat appoġġ u protezzjoni adegwata għall-operaturi kollha.
Miżuri biex itaffu problemi fis-settur tat-turiżmu
Question
B'referenza għal Avviż legali 80 tal-2020, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed jiġu kkunsidrati xi miżuri oħra biex itaffu xi ftit mill-problemi li għaddej minnu dan is-settur minħabba il-marda tal-Coronavirus tenut kont tal-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn l-interessi u d-drittijiet tal-partijiet kollha milquta kemm dawk li jipprovdu s-servizzi inkwistjoni kif wkoll l-utenti tal-istess servizzi?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-obbligu ta’ rifużjoni ta’ pagamenti fi żmien erbatax-il ġurnata relatati ma’ pakketti tal-ivjaġġar li jiġu ikkanċellati minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji, joħroġ mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar (Direttiva 2015/2032), liema Direttiva ma kinitx intiża sabiex tindirizza sitwazzjoni simili għal dawk li kkawżat il-COVID-19, b’numru kbir ta kanċellamenti f’daqqa, madwar id-dinja kollha.
Il-Gvern għaraf mill-ewwel l-effett straordinarju li din is-sitwazzjoni se jkollha fuq is-settur u fuq il-konsumatur, kemm b’mod immedjat u kemm aktar fit-tul, u kien wieħed mill-ewwel Stati Membri li kellu l-kuraġġ jindirizza s-sitwazzjoni bil-pubblikazzjoni tal-Avviz Legali 80 tal-2020 fejn ġie estiż il-perjodu obbligatorju ta’ rifużjoni, li joħroġ mid-Direttiva, minn 14-il ġurnata għal 6 xhur.
Fl-20 ta’ April 2020, il-Gvern kiteb ukoll lill-Kummissjoni Ewropeja u talabha biex tintervjeni u tikkunsidra l-użu tal-
vouchers
għal żmien temporanju meta pakkett tal-ivjaġġar jiġi kkanċellat minħabba l-COVID-19. Jekk il-
voucher
ma jintużax f’dan il-perjodu, il-konsumatur jingħata l-flus lura. Il-Ministeru jemmen li b’din il-proposta jista’ jinħoloq bilanċ bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur u l-vijabbilta’ tas-settur tal-operaturi tal-ivvjaġġar. Il-pożizzjoni ta’ Malta rigward l-użu tal-
vouchers
kienet ukoll affermata waqt il-laqgħa tas-27 ta’ April 2020 bejn il-Ministri tat-Turiżmu tal-UE dwar l-implikazzjonijiet tal-COVID-19. Fit-talba tiegħu il-Gvern Malti qed jitlob ukoll għal interpretazzjoni ċara mill-KE u għal applikazzjoni uniformi ta’ din iċ-ċirkostanza madwar l-Istati Membri kollha sabiex ħadd ma jitpoġġa fi żvantaġġ.
Fuq livell nazzjonali, introduċejna wkoll proċeduri sabiex nassiguraw li l-
vouchers
li qed jinħarġu mill-operaturi ikunu koperti mil-Fond għall-Insolvenza. Għaddejja wkoll ħidma mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fuq kampanja informattiva li tippromwovi il-postponiment tal-ivjaġġar u mhux il-kanċellament, kemm f’dak li jirrigwarda t-turizmu lejn Malta u kif ukoll dak minn Malta. L-operaturi tal-ivjaġġar huma wkoll eliġibbli wkoll għall-inċentivi finanzjarji li ħareġ il-Gvern biex jindirizza l-effetti tal-COVID-19. Barra minn hekk, qiegħdin ukoll nikkonsultaw mal-partijiet interessati b’mod kontinwu biex inkomplu nindirizzaw is-sitwazzjoni b’mod li jħares kemm l-interessi tal-operaturi tal-ivjaġġar u kif ukoll dawk tal-konsumatur.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li flok tinbena blokka ta' appartamenti ġodda f'Taċ-Ċawla, peress li x-xogħol fuq din il-blokka għadu ma bediex u hemm diversi proprjetajiet privati li qed jitbatlu minħabba l-imxija tal-COVID-19, li flok jieħu spazju pubbliku u miftuħ u jibnih fi blokka appartamenti, jikri appartamenti li diġà huma mibnija mingħand il-privat biex jintu¿aw għal social housing?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti l-imsemmija blokka li ser tinbena, il-Gvern diġà qiegħed juża propritajiet tal-privat għall-iskop ta’ social housing.
NSO – persuni mċaħħda materjalment li huma residenti f’Għawdex
Question
B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 13700, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jagħmel studju speċifiku dwar il-persuni li huma mċaħħda materjalment u dawk imċaħħda materjalment b'mod sever li jgħixu f'Għawdex biex ikun hemm stampa aħjar ta' x’inhi s-sitwazzjoni fil-g¿ira ta' Għawdex?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qiegħed jistudja metodi kif itejjeb il-metodoloġija, b’tali mod li jkun jista’ jaqbad aktar nies li jaqgħu taħt dawn iż-żewġ kategoriji fuq bażi reġjonali.
B’referenza għar-reġistrazzjoni ta' medded ta' art fin-Nadur u r-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 13405, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proċess ta' kjarifika li skont hu kien għaddej mill-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet hux lest? Jekk iva jista' jgħid x'kienu l-konklużjonijiet ta' dan il-proċess ta' kjarifika u jpoġġi kopja tal-konklużjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, kif jispjega li għaddew diversi ġimgħat u dan il-proċess għadu ma tlestiex? Meta hu maħsub li jitlesta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet għadha għaddejja bi proċess ta’ kjarifika dwar dak imsemmi mill-Onor. Interpellant.
Għawdex — paroċċi u istituzzjonijiet tal-knisja - għajnuna
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-knisja f'Għawdex se jingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu matul is-sena 2020? Jista' jgħid f'kull każ kemm ser jkun l-ammont jew għajnuna oħra li gie miftiehem li jingħataw jew li diġà ngħataw lil kull parroċċa u għal liema skop ser jingħataw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Gozo Channel Operations Limited — tender għal Marine Oil Gas
Question
Jista' l-Ministru jaġġorna dwar it-tender li ħarġet fl-1 ta' Ottubru 2019, Framework Contract for the Supply and Delivery of Marine Gas Oil DMA according to ISO 8217 to Gozo Channel (Operations) Limited - CT2196/2019? Jista' jgħid jekk din it-tender ġietx awarded u jekk le x'inhuma r-raġunijiet li din l-imsemmija tender għadha ma ġietx awarded? Meta hemm ħsieb li din l-imsemmija tender tiġi awarded? Sadanittant mingħand min qed jinxtara l-Marine Oil Gas lil Gozo Channel (Operations) Limited u b'liema prezz u kundizzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġie awarded lil Falzon Fuels Services Limited. Kien tressaq appell minn Cassar Fuel Limited quddiem il-Public Contracts Review Board, li min-naħa tiegħu kkonferma l-award mogħti. Madankollu, dan il-bidder reġa’ appella, din id-darba quddiem il-Qorti tal-Appell, liema appell għadu pendenti. Dan it-tender ikun jista’ jiġi definittivament konċess meta jkun hemm id-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Appell.
Sadanitant, id-Dipartiment tal-Kuntratti approva x-xiri tal-marine gas oil qed isir minn għand Cassar Fuel Limited li kellu l-orħos quotation fit-tender. Il-prezz per metric tonne u kundizzjonijiet oħra relattivi għal dan l-arranġament, huma regolati bl-istess mod kif riżultanti mit-tender document.
Jista’ l-Ministru jgħid, xi proġetti saru ġewwa l-gżira ta' Għawdex mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, fejn saru, u fiex kienu jikkonsistu u kemm kienet in-nefqa sena b'sena mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mill-entitajiet, id-dettalji mitluba qiegħdin jiġu annessi hawn taħt kif murija fit-tabella segwenti;
Dipartiment / Entita' / Agenzija:
Minn Marzu 2013 (
sena b'sena
) - xi proġetti saru ġewwa l-gżira ta' Għawdex? S
emmuhom wieħed wieħed
Fejn saru dawn il-proġetti? (post)
Fiex kienu jikkonsistu - ftit dettalji tax-xogħlijiet li saru
Nefqa (Ammont €)
Infrastructure Malta
2018
Xlendi
Bini mill-ġdid tal-parti ta’ barra tal-moll li tkissret bil-maltemp u bini mil-ġdid tal-wiċċ kollu tal-istruttura. Provdut ukoll aċċess għal kulhadd ghal fuq il-moll min-naħa tal-art.
€163,338.51 exc. VAT
Infrastructure Malta
2019/2020
Mġarr ix-Xini
Bini mill-ġdid tal-passaġġ fil-ġenb tax-xtajta u bini mill-ġdid tal-pjattaforma li hemm fl-istess daħla.
Il-proġett għadu għaddej
Infrastructure Malta
2019/2020
Port tal-Imġarr
Bini mill-ġdid tal-mollijiet fil-port, tħammil u twaħħil ta’ pontuni ġodda.
Il-proġett għadu għaddej
MTIP - WID
2018 - Arti fi Spazji Pubbliċi
Għajnsielem
Proġett ta' arti bl-isem 'Reflections and Connections' magħmul minn Mary Portelli
30,000.00
MTIP - WID
2019 - Arti fi Spazji Pubbliċi
Xagħra
Proġett ta' arti bl-isem 'Ħaġarna' magħmul minn Victor Agius
30,000.00
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – xiri ta’ Bulk Oxygen Tanks
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew installati Bulk Oxygen Tanks minn Stewart Health Care jew mill-Gvern ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista' jgħid fejn ġew installati dawn it-tankijiet u meta ġew installati? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża u min ħallas għal din l-ispiża? Kemm hi l-kapaċità ta' kull wieħed minn dawn it-tankijiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi żewġ bulk oxygen cylinders b’kapaċita’ li tammonta għal total ta’ 13,000L ser ikunu installati sal-aħħar ta’ Mejju 2020. Dawn it-tankijiet ser jiġu installati biswit l-Oxygen plant eżistenti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Xewkija Għawdex – toroq ippjanati ġewwa l-Industrial Estate
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq hemm ippjanati li jiġu mibnija ġewwa l-Industrial Estate fix-Xewkija Għawdex matul is-sena 2020 mill-Ministeru tiegħu jew mill-Malta Industrial Parks u kemm hi mistennija li tkun in-nefqa fuq dawn it-toroq?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant liu x-xogħolijiet fit-toroq antiċipati għall-2020 huma dawk relatati ma ’Triq il- Qlugh, ix-Xewkija. Dawn ix-xogħlijiet tqassmu f'koordinazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex f'isem l-MIP u inħarġet offerta bin-numru ta’ referenza CT 2075/2019.
Għawdex – applikazzjonijiet għall-barrieri tal-kantun
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm applikazzjonijiet pendenti li jinkludu dawk li għadhom fil-proċess ta’ screening, biex jinfetħu barrieri ġodda tal-kantun (soft stone quarry) ġewwa Għawdex? F’liema xahar u sena saru dawn l-applikazzjonijiet u jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan ta’ kull fejn hemm xi waħda minn dawn l-applikazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandhiex applikazzjonijiet pendenti għall-ftuħ ta’ barrieri godda tal-kantun gewwa Ghawdex. Infurmat ukoll li l-Awtorità ġabret din l-informazzjoni mis-sistema tal-Informatika tagħha li allura hija dipendenti li meta tkun saret l-applikazzjoni tkun intużat il-kelma quarry jew barriera għax it-tiftix elettroniku sar fuq dan il-kliem preċiż
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12976 issa li hu stabbilit li l-Għar tal-Mixta huwa proprjetà pubblika, jista' l-Ministru jara li dan l-Għar u t-triq li twassal għalih jittieħdu lura mingħand min hu mwelli stante li dan huwa ġawhra naturali u attrazzjoni ewlenija għat-turisti f'Għawdex u ma għandux jibqa’ f'idejn il-privat? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru għal Għawdex fuq din il-ġawhra naturali li ritratti tagħha jintużaw f'ħafna reklamar ta' pajjiżna?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li l-Għar tal-Mixta jifforma parti min art akbar li hija proprjeta’ pubblika, mikrija lill-terzi. Sabiex tiġi itterminata l-kirja tal-parti fejn hemm l-imsemmi għar u t-triq li twassal għalih, l-Awtorita' teħtieġ talba tal-Ministeru kkoncernat.