B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13702, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari kollha kemm hi u jgħid min fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex awtorizza dawn il-varjazzjonijiet ta' mijiet ta' eluf ta' euro fil-proġett li sar mill-Miniseru għal Għawdex fuq ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza prinċipali tax-Xewkija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-varjazzjonijiet ġew iċertifikati mill-Perit responsabbli mill-Proġett u approvata skont il-Public Procurement Regulations.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-varjazzjonijiet li kien hemm fil-Proġett li sar mill-Ministeru għal Għawdex ta' bini ta' Dar tal-Anzjani ġewwa Għajnsielem, Għawdex? Jista' jagħti spjegazzjoni ta' kull varjazzjoni li saret, min approva dawn il-varjazzjonijiet u min awtorizza l-istess varjazzjoni? Jista' jagħti data meta din id-Dar tal-Anzjani għandha tilqa' fiha l-ewwel anzjani peress li x-xogħol fuq din id-dar issa ilu għaddej aktar minn ħames snin? Jista' jgħid kemm-il parkeġġ ser jkollha din id-dar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13708, jista' l-Ministru jgħid xi studji għaddejjin bħalissa fuq il-breakwater ta' Marsalforn? Jista' jgħid min qed jagħmel dawn l-istudji u kif intgħażlu? JIsta' jgħid xi studji ġew konklużi s'issa u filwaqt li jgħid min għamilhom u kemm tħallas tagħhom, jpoġġi kopja tal-istess studji konklużi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudji mistennija jħarsu lejn studji simili li saru fil-passat biex ikun jista’ jiġi żviluppat ftehim aħjar tal-kundizzjonijiet tas-sit, jiġi żviluppat disinn tal-pjan preferut biex ikunu jistgħu jitħejjew stimi tax-xogħlijiet, tinġabar biżżejjed informazzjoni biex jiġi żviluppat Project Description Statement u Environmental Impact Assessment, u biex isir ukoll optimisation tal-pjan tal-breakwater skont l-immudellar matematiku tal-mewġ u tal-bajja.
L-istudji qegħdin isiru mill-kumpanija Royal Haskoning DHV u s’issa tħallsu s-somma ta’ € 50,450.00.
MCCAA – direttivi (UE) 2019/770 u (UE) 2019/771 — implimentazzjoni
Question
B’referenza għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 10387 u 10388 tista’ l-Ministru tgħid jekk issa ttieħdux xi passi biex jiġu implimentati d-Direttivi (UE) 2019/770 u (UE) 2019/771 liema direttivi huma marbuta mill-viċin mal-ħarsien tad-drittijiet tal-Konsumatur, u f’dan il-kuntest jekk hux maħsub li ssir konsultazzjoni pubblika dwar l-implimentazzjoni tagħhom u jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) hux se jkollha xi rwol fit-tħaddim tal-liġijiet li eventwalment jimplimentaw dawn id-Direttivi?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament it-traspożizzjoni ta’ dawn iż-żewġ Direttivi qed issir mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA flimkien ma’ konsultazzjoni mal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, liema traspożizzjoni ser tinkludi emendi fl-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur fit-Taqsima X (Bejgħ ta’ oġġetti lill-konsumaturi) u Avviż Legali ġdid. Għaldaqstant, it-tħaddim ta’ dawn iż-żewġ direttivi ħa jkunu jaqgħu taħt dan l-Uffiċċju. Nikkonferma wkoll li hemm il-ħsieb li ssir konsultazzjoni pubblika.
Ministeru għal Għawdex – Wild Bird Regulation Unit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha mwaqqfa s-sezzjoni tal-Wild Bird Regulation Unit (WBRU) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? X’inhuma x-xogħlijiet ta’ din is-sezzjoni, taħt liema Dipartiment/sezzjoni taqa’ din is-sezzjoni, kemm hemm ħaddiema jaħdmu f’din is-sezzjoni u kif intgħażlu biex jaħdmu f’din is-sezzjoni, x’inhu l-grad tagħhom u x’tip ta’ xogħlijiet jagħmlu, fejn jinsabu l-uffiċini ta’ din is-sezzjoni? Kemm hemm ippjanati li jiddaħħlu aktar ħaddiema fil-ġimgħat li ġejjin f’din is-sezzjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
It-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) twaqqfet f’Mejju tal-2013, bl-iskop fost l-oħrajn ikun li tiġi implimentata politika ta’ kaċċa sostenibbli. Sa minn Jannar li għadda, din it-Taqsima taqa taħt il-protafoll tal-Uffiċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex.
Mal-WBRU bħalissa hemm jaħdmu 22 impjegat, li 12 minnhom jaħdmu fl-uffiċju Malta u 11 fl-uffiċju ta’ Għawdex. Nofs l-impjegati tat-Taqsima ġew magħżula wara sejħa għal applikazzjonijiet, filwaqt li l-oħrajn ġew trasferiti minn dipartimenti/aġenziji oħra.
L-impjegati kollha li jaħdmu fis-settur tal-policy huma ggradwati fil-bioloġija u xjenza, inkluż il-Kap tat-Taqsima, li huwa ggradwat bħala conservation biologist b’Masters Degree mill-Università ta’ Londra.
Ix-xogħol tal-impjegati fit-Taqsima jinkludi, fost oħrajn, rapporti dwar derogi u dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-għasafar, preparazzjoni ta’ abbozzi legali u konsultazzjoni pubblika, koordinazzjoni ta’ tenders, servizz ta’ customer care, pariri tekniċi lil diversi awtoritajiet, laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea, spezzjonijiet mal-Pulizija li jinkludi servizz ta’ on-call, seduti fil-Qrati f’Malta u Għawdex u servizz ta’ segretarjat għall-funzjonijiet tal-Kumitat Ornis.
Dan apparti proċeduri relatati mal-ħruġ tal-liċenzji tal-kaċċa tal-għasafar u l-fenek selvaġġ, l-insib, l-ibbalzmar, il-falkunerija u l-bird-ringing u għajnuna finanzjarja lill-organizazzjonijiet non-governattivi għal proġetti relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi extra dawk il-lokalitajiet li huma meqjusa bħala żoni turistiċi jew għandhom żoni turistiċi fihom għal dan il-għan, lokalità b'lokalità għas-sena 2019? Jista' jgħid għas-sena 2020 kull lokalità kemm ser tingħata fondi extra għal dan l-iskop?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li:
1. Għas-sena finanzjarja 2019, ingħatat is-somma ta’ € 140,000 lil-lokalitajiet illi għandhom influss partikolari fil-lokalità tagħhom minħabba li:
a. ġew ikkunsidrati bħala ¿oni kummerċjali jew turistiċi; u
b. hemm inqas minn 5% tkabbir fl-allokazzjoni finanzjarja.
2. Għas-sena finanzjarja 2020, ingħatat is-somma ta’ € 133,000 lil-lokalitajiet li għandhom influss partikolari fil-lokalità tagħhom minħabba li:
a. ġew ikkunsidrati bħala ¿oni turistiċi; u
b. ma għandhomx għajnuniet ta’ fondi ulterjuri.
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur – proċedimenti ġudizzjarji
Question
Minn mindu daħlu fis-seħħ l-emendi li saru tramite l-Att XVI tal-2019 sal-lum, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il proċediment ġudizzjarju sar mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12(5) tal-Kap. 378? F’kull każ dwar liema materjal kien jittratta r-rikors magħmul mid-Direttur Ġenerali quddiem il-Qorti Ċivili? Minn mindu daħlu fis-seħħ l-emendi li saru tramite l-Att XVI tal-2019 sal-lum, tista’ l-Ministru tgħid kemm il-lment saru minn xi entità kwalifikata lid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12B(1) tal-Kap. 378? U jekk saru, fir-rigward ta’ liema servizzi u/jew prodotturi saru u liema kienu l-entitajiet kwalifikati li għamlu l-ilmenti? Minn mindu daħlu fis-seħħ l-emendi li saru tramite l-Att XVI tal-2019 sal-lum, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rikors sar mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12E tal-Kap. 378 għall-ħrug ta’ miżuri intermedji mill-Qorti? F’kull każ dwar liema materjal kien jittratta r-rikors magħmul mid-Direttur Ġenerali quddiem il-Qorti Ċivili f’dan ir-rigward?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara d-dħul fis-seħħ tal-Att VI tal-2019 fid-29 ta’ Lulju 2019, filwaqt li sa issa ma ġewx istitwiti proċeduri ġudizzjarji skont l-artikolu 12(5) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u lanqas saru ilmenti skont l-artikolu 12B (1) tal-imsemmi Att, kien ġie ppreżentat rikors għall-ħruġ ta’ miżuri intermedji skont l-artikolu 12E tal-istess Att fir-rigward ta’ operatur li jagħti servizz ta’ kiri ta’ vetturi.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' investiment infrastrutturali u xogħol ta' restawr sar u kemm kienet in-nefqa għal kull xogħol li sar fit-tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex sena b'sena u xahar b'xahar minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Peress li t-triq prinċipali (Sannat Road) ġewwa r-raħal ta’ Sannat Għawdex f’dawn l-aħħar ġranet ingħalqet kompletament għat-traffiku, biex ikun jista’ jitkompla x-xogħol fuqha, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kuntrattur responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet, attwax it-traffic management fl-entratura tat-triq kif ukoll madwar il-lokalità u dan kif rikjest minnu fit-tender? Jekk iva, x’kienu dawn il-miżuri li attwa l-kuntrattur fl-entratura tat-triq kif ukoll madwar il-lokalità ta’ Sannat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li kemm fid-daħla tat-triq kif ukoll fiċ-ċentru tar-raħal hemm sinjali tat-traffiku u diversion lejn il-Munxar.
Saru wkoll double yellow lines temporanji fi Triq il-Kbira sabiex it-traffiku jkun aktar mexxej.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir ix-xogħol fuq parti mill-ħajt ta’ lqugħ li ċeda fit-triq li tagħti għall-Bajja ta’ Daħlet Qorrot fin-Nadur? Jista’ l-Ministru jara li dan ix-xogħol isir malajr kemm jista’ jkun u qabel jibda l-istaġun tas-sajf peress li hemm periklu serju li per konsegwenza tiegħu jista’ jsir xi inċident fatali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir rapport tekniku mil-Perit.
Tender CfT Title: CT3245/2018 — Delivery and Commissioning of Six (6) Fully Electric Powered Buses for the Ministry for Gozo including Energy Efficient Monitors
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex fil-25 ta’ Novembru 2018 CfT Title: CT3245/2018 - Delivery and Commissioning of Six (6) Fully Electric Powered Buses for the Ministry for Gozo including Energy Efficient Monitors u jgħid jekk din it-tender ġietx awarded u jekk dawn il-buses inxtrawx, humiex qed jintużaw, u fejn qed jinżammu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender - CT3245/2018 - Delivery and Commissioning of Six (6) Fully Electric Powered Buses for the Ministry for Gozo including Energy Efficient Monitors - ġie awarded f’April 2019 u bħalissa qiegħed fil-fażi ta’ stennija għall-konsenja.
Coronavirus – persuni li rriżultaw pożittivi u ma kellhomx sintomi
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm s’issa minn dawk li rriżultaw li huma pożittivi għall-marda tal-Coronavirus, ma kellhom l-ebda sintomi? F’dawn il-każijiet, xi proċedura qed tiġi segwita mill-Awtoritajiet tas-Saħħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 20 fil-mija tal-każijiet pożittivi li kellna ma wrew l-ebda sintomi. Dawn l-istess individwi qegħdin isegwu l-istess proċeduri tal- pożittivi li tinkludi li jibqgħu f’isolazzjoni għal erbatax-il ġurnata. Qabel jitħallew joħorġu, jerġa’ jsirilhom t-test. Meta dawn jittestaw negattiv, jiġu rilaxxati fil-komunita’ dakinhar li joħroġ ir-riżultat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar biex inkera l-vapur Nikolaos mill-kumpanija Gozo Channel? Jista' jgħid mill-ġurnata minn meta nkera l-ewwel darba sal-lum kemm kien l-ammont li l-Gozo Channel ħallset għall-kirja ta' dan il-vapur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12574.
Jista' l-Ministru jgħid, minn meta bdiet l-imxija tal-COVID-19 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il multa nħarġet għal dawk il-persuni li f'Għawdex inqabdu mill-Pulizija fi gruppi ta' iżjed minn tliet persuni? Jista' jgħid kemm-il persuna nqabdet qed tikser l-kwarantina f'Għawdex? Jista' jgħid kemm-il stabbiliment f'Għawdex instab miftuħ u ġie mmultat għaliex kien miftuħ u kien qed jikser il-liġi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi sat-30 ta’ April, f’Għawdex kien hemm tmienja u għoxrin (28) persuna li ġew immultati minħabba li kienu fi gruppi ta’ aktar minn tlieta u żewġ (2) persuni li ġew immultati minħabba li kissru l-kwarantina. Kien hemm stabbiliment wieħed li nstab miftuħ u ġie mmultat għaliex kien qed jikser l-liġi.
Ir-Rabat Għawdex – Pjazza Indipendenza – zebra crossing
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13701, jista' l-Ministru jara, permezz tal-awtorità regolatorja Transport Malta li ż-zebra crossing li hemm fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, Għawdex tkun konformi mal-liġi, standards u regolamenti tat-trasport u sinjali tat-traffiku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-resurfacing fi Pjazza Indipendenza sar mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex u għaldaqstant huwa l-istess Kunsill li għandu jara li dawn z-zebra crossings għandhom jkunu konformi mal-liġi, standards u regolamenti ta’ transport.
Transport Malta ser tkun qed tagħti struzzjonijiet lil Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex sabiex immedjatament jiġi attwat dak kollhu meħtieġ.
In vista tal-fatt li fl-aħħar ġimgħat f'iżjed minn okkażjoni waħda, sar vandaliżmu fuq siġar fid-Dwejra f'Għawdex, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jinqabad min għamel dan il-vandaliżmu? Jista' jgħid jekk il-Pulizija elevawx filmati ta' CCTV mill-inħawi u mit-triq li twassal għad-Dwejra? Jista' jgħid x'passi qed jittieħdu biex tiġi provduta aktar sigurtà lil dan is-sit ta' Natura 2000?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjoni għadha għaddejja. Ir-rondi f’ din l-area żdidu sabiex jiġu evitati inċidenti oħra ta’ dan it-tip.
B'referenza għar-risposta mogħtija mill-Ministru għall-Ambjent għall-mistoqsija parlamentari 13616, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinħarġu l-permessi meħtieġa u meta huwa ppjanat li jinħarġu l-permessi meħtieġa biex isir il-proġett ta' Multi Modal Hub f’Ta' Xħajma fin-Nadur Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej f’konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi flimkien ma’ Transport Malta biex l-applikazzjoni tgħaddi mill-fażijiet li jmiss hekk kif stabbilit mill-istess policies li għandhom iż-żewġ awtoritajiet.
Stabilimenti u operaturu fil-qasam turistiku f'Għawdex — liċenzji ta' pools
Question
Jista' l-Ministru jikkunsidra li l-liċenzji tal-pools għas-sena 2020 jiġu waived għall-istabilimenti u operaturi kollha fil-qasam tat-turiżmu f'Għawdex u dan in vista tal-fatt li prattikament din is-sena dawn l-istabilimenti u operaturi mhux ser jaħdmu kif ukoll in vista tal-fatt li nofs l-ekonomija ta' Għawdex tiddependi fuq it-turiżmu (ferm aktar minn Malta) u jekk dan is-settur ma jerġax jieħu r-ruħ se jkun hemm problemi kbar fl-ekonomija Għawdxija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma l-Gvern diġa ħa ċertu miżuri, din tista’ tiġi studjata skont l-evoluzzjoni tal-kriżi preżenti.
Jista' l-Ministru jaġġorna dwar ir-restawr tal-Fanal tal-Ġordan u jgħid x'għad fadal issir biex dan il-proġett jitlesta minn kollox peress li ilu iktar minn sentejn għaddej ix-xogħol fuqu? Jista' jgħid f'liema xahar u sena hu ppjanat li jitlesta minn kollox, kif ukoll minn se jkun qed jamministra dan il-bini meta jkun lest ir-restawr u għal liema skop se jintuża? Il-Kunsill Lokali tal-Għasri se jkun involut fl-amministrazzjoni ta' dan il-fanal?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ restawr fil-Fanal tal-Ġordan wasal fil-fażi finali tiegħu, wara li dan l-aħħar ġiet restawrata u armata mill-ġdid il-kamra tal-lanterna. Qed isir ukoll xogħol minn kuntratturi privati fuq sistemi ġodda tad-dawl u oħrajn. Il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem ukoll biex jiġi konsolidat is-sies fuq l-aħħar parti tat-triq, minħabba l-ġeoloġija tal-post
Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads in Various Localities in Malta — xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tender IM009/2019 Tender For The Construction And Resurfacing Of Residential Roads In Various Localities In Malta li kienet maqsuma fuq sitt lottijiet, jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq li nbeda xogħol fuqhom minn kull lott s'issa? Jista' jgħid ukoll it-toroq li tlesta ix-xogħol fuqhom minn kull lott s'issa, u kif ukoll it-toroq minn kull lott li se jinbeda ix-xogħol fuqhom fil-ġimghat li ġejjin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Is-sena li għaddiet Infrastructure Malta bniet mill-ġdid aktar minn 130 triq residenzjali f’għadd ta’ lokalitajiet differenti. Waqt li eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn il-130 triq diġà qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom, bħalissa għaddejin xogħlijiet f’ħafna toroq residenzjali oħra. Uħud minnhom dalwaqt ikunu lesti. Hemm ikkuntrattati wkoll il-bini mill-ġdid ta’ 150 triq oħra għax-xhur li ġejjin.
Mit-toroq li qed issir referenza għalihom tlestew Triq ir-Rand f’Ħaż-Zabbar, Triq Madre Tereża u Triq Riħ tal-Barriera fl-Imġarr, Triq Dun Gulio Muscat u Triq id-9 t' April f’Ħal Luqa, Sqaq il-Mejda fil-Qrendi u Triq il-Magħtab fin-Naxxar.
Inbdew ukoll u għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq il-Wied fl-Iklin, Triq Ugo Mifsud u Triq Hanibal Preca f’Ħal Lija, Triq Santa Monika f’Tal-Pietà, Triq G Despott u Triq San Franġisk f’San Ġwann, Triq il-Blata l-Kaħla f’Santa Venera, Triq il-Kunċizzjoni l-Isla, Trejqet Francesco Chircop, Triq il-Kapuċċini u Triq il-Ġir fil-Kalkara, Triq Ħaż-Żabbar fix-Xgħajra, Triq Francis X Attard f’Ħaż-Żabbar, Triq il-Faqqus u Triq Bugħarbiel fiż-Żejtun, Triq il-Pellegrinaġġ f’Bormla, Triq Razzett l-Aħmar u Triq Michael Fsadni fl-Imtarfa, Triq Rużar Briffa fil-Mosta, Triq Martin Luther King f’Pembroke, Triq Luigi Preziosi f’San Pawl il-Baħar, Triq it-Tomna u Triq ir-Ratal fis-Swieqi, Triq id-Dejqa, Triq Joseph Pace u Triq Santa Katerina fil-Gudja, Triq Ċensu Bugeja fil-Ħamrun, Triq San Ġwann f’Ħal Safi, Triq iż-Żnuber f’Santa Luċija, Triq il-Ħali f’Ħaż-Żebbuġ u side road fi Triq il-Wied fiz-Żurrieq, Triq il-Bzulija u Triq il-Mużbieh f’Birżebbuġa.
It-toroq l-oħrajn li se jibda x-xogħol fihom fiż-żmien li ġej huma Triq Ta’ Żwejt f’San Ġwann, Triq il-Marsa fil-Marsa, Triq il-Wied f’Raħal Ġdid, Triq l-Ispnott, Triq l-Iskola u Triq il-Fortizza tal-Grazzja fix-Xgħajra, Triq in-Naħla f’Ħaż-Żabbar, Sqaq Barċllona fiż-Żurrieq, Sqaq il-Ħofra f’Ħal Għargħur, Xagħra tal-Knisa fl-Imġarr, Triq Madre Tereża Spinelli fil-Mosta, Triq San Patrizju, Triq Pelagio Mifsud, Triq Guzeppi Letard, Triq Odurec Grima u Triq Patri Serafin Zarb f’Pembroke, Triq l-Iskultura fir-Rabat, Triq Ġużeppi D'Arena, Triq tal-Qattus, Triq G Hernandez u Triq l-Ewwel ta' Jannar f’Ħal Għaxaq, bejn Triq Joseph Gravina u Triq Ħal Għaxaq fil-Gudja, Triq Gorg Martin fl-Imqabba, triq ġdida fi Triq Andrew Cunningham f’San Pawl il-Baħar, Triq Sant'Anna fil-Qrendi, Triq Ġużepp Delia u Triq it-Tiġrija fis-Siġġiewi, Triq il-Midra Bubaqra fiż-Żurrieq.
Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta.