Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ippjanati li jsiru decking u railings ġodda fil-bajjiet f'Għawdex għas-sajf 2020 u f’liema bajjiet se jsiru u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża fuq dan ix-xogħol li diġà sar jew għad irid isir din is-sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Il-Fontana Għawdex — Triq Mons Mikiel F Buttigieg - xogħlijiet fuq triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir ix-xogħol fuq Triq Mons Mikiel F Buttigieg fil-Fontana, Għawdex peress li parti sostanzjali minn din it-triq għadha sal-lum bla wiċċ? Jista' jgħid jekk ix-xogħol fuq din it-triq hux se jsir sal-aħħar tas-sena 2020 u jekk inħarġitx tender sabiex isir dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’din it-triq huwa maħsub li jsir.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien l-ammont ta' demm li nġabar mil-Bank tad-Demm f'Għawdex kull sena mill-2011 sal-lum? Jista' jgħid matul is-sena 2020 kemm-il darba opera l-Bank tad-Demm f'Għawdex u kemm kien l-ammont ta' persuni li marru jagħtu d-demm kull darba li fetaħ f'Għawdex? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan jibda jiftaħ kuljum flok darba kull 15-il gurnata biex jkun aktar aċċessibbli u jkun aktar komdu għal min irid jagħti d-demm f'Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt.
Blood Donations From Gozo
Year
Callers
Donations
2011
1669
1520
2012
1776
1541
2013
1854
1627
2014
2070
1684
2015
2161
1716
2016
2187
1798
2017
1903
1602
2018
1786
1444
2019
1604
1326
2020 (till end of May)
617
501
*Callers-Nies li ġew biex jagħtu d-demm.
Ninfurmah ukoll illi n-NBTS minn żmien għal żmien jagħmlu analiżi fil-gżira Għawdxija u jekk ikun hemm il-ħtieġa aktar il-quddiem, il-Bank tad-demm jiġi kkunsidrat li jinfetaħ aktar ta’spiss.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11353 u dan fl-ambitu tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol sar fir-rigward tal-emendi li għalihom saret referenza f’dik it-tweġiba? Tista’ tgħid f’dan ir-rigward jekk hemmx il-ħsieb li ssir xi konsultazzjoni pubblika dwar l-emendi li qed jiġu ppreparati jew għandhom jiġu ppreparati, u jekk iva meta u kif hu maħsub li ser jsir tali konsultazzjoni pubblika?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fuq it-traspozizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1 fil-liġi Maltija huwa fi stadju avvanzat. Għal dan il-għan l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kellu wkoll diversi komunikazzjonjiet kemm mal-Kummissjoni Ewropeja u kemm mal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. La darba l-abbozzi jkunu ffinalizzati, l-għan huwa li ssir konsultazzjoni pubblika.
Ipproċessar ta’ prodotti Għawdxin – investiment minn Fondi Ewropej f’azjendi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment minn Fondi Ewropej f’azjendi agrikoli tal-ipproċessar ta’ prodotti Għawdxin fl-2019? Jista’ jgħid x’persentaġġ kien dan l-ammont mill-ammont ta’ fondi Ewropej li l-Ministeru tiegħu nefaq matul is-sena 2019?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ipproċessar ta’ prodotti lokali huwa ffinanzjat mill-Miżura 4.2 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali ta’ Malta 2014-2020, skond is-sejħiet pubbliċi li toħroġ l-Awtorità ta’ Ġestjoni fi ħdan il-Ministeru għall Affarijiet Barranin u Ewropej. Taħt din il-miżura jien infurmat li ġew kuntrattati proġetti li qed isiru ġewwa Għawdex b’total allokat għal dawn il-proġetti ta’ €765,481. F’dawn is-sejħiet ma ssirx distinzjoni bejn prodotti li jitkabbru fi gżira jew oħra iżda dawn huma kollha meqjusin bħala prodotti Maltin u lokali, u l-operaturi m’humiex ristretti jew imxekklin f’dan is-sens fl-operat tagħhom. Din il-miżura taħdem fuq bażi ta’ rimborż u fis-sena msemmija ma saret ebda nefqa fuq dawn il-proġetti.
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn fl-iskema “Wines of Distinction” ma saritx promozzjoni fuq DOK Gozo distinta minn promozzjoni fuq DOK Malta sabiex il-bdiewa Għawdxin jibbenefikaw mill-unika skema ta’ kwalità reġistrata mal-Unjoni Ewropea li tirrikonoxxi d-distinzjoni tat-territorju ta' Għawdex minn dak tal-gżira ta' Malta?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2017 u 2019, saret ħidma mid-Direttorat għall-Agrikoltura sabiex jitqajjem apprezzament għall-inbejjed kollha prodotti lokalment li jaqaw taħt l-iskemi ta' kwalità DOK 'Malta', DOK 'Gozo' u IĠT 'Maltese Islands'. Il-Kampanja saret b’mod ħolistiku sabiex tkun tista’ tiġi eżaltata d-diversita’ tal-inbejjed li jiġu prodotti f’dawn il-Gżejjer tagħna.
Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-Ministeru tiegħu qed jagħżel illi fl-iskema ta' prodotti ta' kwalità, il-prodott agrikolu tal-bdiewa u raħħala Għawdxin mhux jingħata importanza speċifika u distinta bħal dik ta' DOK Gozo fl-inbid?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ‘Prodotti ta’ Kwalita’ hija skema fformulata fuq il-Liġi Sussidjarja 427.90, fejn l-iskema tiċċertifika l-prodotti li jilħqu standards ta’ Kwalita’ superjuri minn dawk l-istandards li huma mandatorji. Għalhekk din l-iskema mhiex marbuta mat-territorji kif hija marbuta l-iskema DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands tal-Inbid.
Jista' l-Ministru jispjega kif is-sajjieda Għawdxin huma mistennija li jvaraw l-inġenji tagħhom fil-baħar meta s-slipway tal-Imġarr u tal-Menqa f'Marsalforn, huma t-tnejn magħluqin minħabba xogħol li għaddej fil-qrib?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċerna peress li slipways kif ukoll xogħolijiet, ma jaqgħux taħt il-Ministeru tiegħi.
Tender Trenching and Pipelaying for the Second Class Water (New Water) Distribution Network in Gozo — Water Services Corporation - CT3085/2019 (CfT CA Unique ID: CT3085/2019)
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender Trenching and Pipelaying for the Second Class Water (New Water) Distribution Network in Gozo - Water Services Corporation - CT3085/2019 (CfT CA Unique ID: CT3085/2019) u jgħid x'inhuma r-raġunijiet li din l-imsemmija tender għadha ma ġietx awarded u f’liema xahar u sena hu ppjanat li tiġi awarded din l-imsemmija tender? Liema xogħlijiet huma mistennija li jsiru b'din it-tender? U kemm huwa stmat li jkun il-valur ta' dan ix-xogħol?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmija offerta tinsab għand id-Dipartiment tal-Kuntratti (DOC) għar-reviżjoni mill-GCC għalhekk għadu fl-istadju ta’ evalwazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid dwar SkolaSajf f'Għawdex:
a. meta mistennija tibda;
b. f'liema skejjel ser tinżamm f'Għawdex; u
c. kemm applikaw tfal Għawdxin biex jattendu SkolaSjf s'issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li Skolasajf ser tibda fl-1 ta’ Lulju u ser tkun imqassma kif ġej:
- l-1 ta’ Lulju jibdew Year 4 ‘il fuq
- it-2 ta’ Lulju jibdew Year 1 sa Year 3
- it-3 ta’ Lulju jibdew Kinder 1 u Kinder 2
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, infurmat li f’dan l-istadju, peress li l-applikazzjonijiet għadhom miftuħin, l-FES għad trid tiddeċiedi liema ċentri ser jiftħu.
Infurmat ukoll li sal-lum applikaw 278 tifel u tifla fi SkolaSajf f'Għawdex.
Għawdex — Għajnsielem - Ix-Xatt l-Aħmar - tneħħija ta' ġebel
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitneħħa l-ġebel li waqa' fix-Xatt l-Aħmar f'Għajnsielem, Għawdex? Jista' jgħid kif dan il-ġebel ilu li waqa' minn Novembru li għadda u issa beda l-istaġun tal-għawm u għadu ma tneħħiex? Jista' jara li dan jitneħħa fi żmien qasir peress li dan il-ġebel qed jagħlaq parti mill-bajja inkluż qed jagħlaq numru ta' boathouses?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ssotometta applikazzjoni mal-ERA bin-numru NP/0222/20.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fis-sitwazzjoni preżenti ġewx addottati kundizzjonijiet u guidelines għall-ħaddiema li jaħdmu fl-uffiċċini tal-Gvern u awtoritajiet tiegħu? Jista’ jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni permessibbli f’kull għaxar metri kwadri f’kull uffiċċju tal-Gvern? Jista’ jgħid x’passi qed jittieħdu fuq dawk l-uffiċċini tal-Gvern jew entitajiet tiegħu li ma għandhomx tieqa għal barra jew li għandhom biss tieqa għall-bitħa li hija msaqqfa? Jista’ jgħid ingħatawx struzzjonijiet fuq użu ta’ ACs u fannijiet f’dawn l-uffiċċini? Il-Gvern ser ikun qed jipprovdi maskri, visors u sanitizers fl-uffiċċini tiegħu lill-ħaddiema tiegħu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi rigward guidance for offices and workspaces wieħed jista’ jkollu aċċess għal kwalunkwe informazzjoni permezz tal-website uffiċjali https://deputyprimeminister.gov.mt/ u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
COVID-19 – anzjani li ma ttieħdux fil-hotel fir-Rabat Għawdex
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’ser isir minn dawk l-anzjani li ma ttieħdux lejn il-hotel fiċ-Ċentru tar-Rabat meta ngħalqet ir-Residenza Sant' Anna biex jekk ikun hemm bżonn tintuża għall-pazjenti bil-COVID-19? Jista' jgħid għaliex dawn l-anzjani qegħdin jinżammu fil-male u female wards tal-Isptar Ġenerali u fejn hu maħsub li ser jittieħdu? Ma jaħsibx li dawn l-anzjani ma għandhomx jinżammu fil-parti tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fejn il-pazjenti jinbidlu l-ħin kollu u fejn hemm pazjenti b'diversi forom ta' kundizzjonijiet differenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-anzjani li attwalment qegħdin jokkupaw soddod fis-swali akuti ser jinstabilhom post f’parti minn dik li qabel kienet ir-Residenza Sant Anna. Ninfurmah ukoll illi fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun qed tinħareġ sejħa għall-offerti pubblika għal-akkomodazzjoni ta’ dawn il-pazjenti.
Bdiewa reġistrati f’Għawdex – bejgħ ta’ prodotti agrikoli fil-pitkalija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta’ prodotti agrikoli mibjugħ fil-pitkalija minn bdiewa reġistrati f’Għawdex fis-sena 2013 u kemm kien il-valur tal-prodott agrikolu mibjugħ fil-pitkalija mill-istess bdiewa Għawdxin fis-sena 2019?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli mill-pitkalija minn bdiewa rreġistrati f’Għawdex huwa hekk kif ġej:
2013 €1,658,797
2019 €1,692,943
Raħħala reġistrati f’Għawdex – produzzjoni ta’ laħam tal-majjal
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni ta’ laħam tal-majjal minn raħħala reġistrati f'Għawdex fis-sena 2013 u kemm kienet l-istess produzzjoni ta’ laħam tal-majjal minn raħħala reġistrati f'Għawdex fis-sena 2019?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-produzzjoni ta’ laħam tal-majjal minn raħħala rreġistrati f'Għawdex fis-sena 2013 kienet ta’ 474,664.40 kg u l-istess produzzjoni ta’ laħam tal-majjal minn raħħala rreġistrati f'Għawdex fis-sena 2019 kienet ta’ 292,960.90 kg.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14178, fejn il-Ministru wieġeb li minn 68 parkeġġ li hemm fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat Għawdex, 28 minnhom huma parkeġġi riservati, jista’ l-Ministru jgħid:
1) jekk għalih li f'din it-triq prinċipali ta' Għawdex li kważi nofs il-parkeġġi huma riservati, huwiex aċċettabbli? u
2) fir-risposta tiegħu indika li hemm parkeġġ riservat għall-Ministeru. Kif jispjega li hemm parkeġġ riservat għall-Ministeru, meta l-Ministeru għal Għawdex jinsab fi Pjazza San Franġisk?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li d-29 parkeġġ riservat li hemm fi Triq ir-Repubblika ġew kollha assenjati skond l-policies ta’ Transport Malta u li dawn ilhom hemm ghal snin twal. (mil-amministrazzjoni preċedenti qabel 2013)
Riċentament ġie assenjat parkeġġ riservat lil Ministeru ta’ l-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali in vista li nfetah uffiċċju ta’ l-istess Ministeru fil-viċin u mhux lil Ministeru għal Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess u meta ġew sottomessi l-applikazzjonijiet u d-dokumenti meħtieġa, biex ikun jista’ jibda x-xogħol ta’ emerġenza ġewwa Triq it-Torri ta’ Kenuna fin-Nadur Għawdex, u meta hu mistenni li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħti l-clearance biex ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi rigward l-aspetti ambjentali, fis-6 ta’ April, 2020, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Rizorsi ħarġet l-awtorizzazzjoni tagħha bil-kundizzjonijiet ambjentali rilevanti sabiex ikun jista’ jingħalaq il-każ mil-lat ambjentali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'kull parti tar-reġistru f'Malta u Għawdex fl-aħħar ta' Mejju 2020? Jista' jgħid minn dawn, kemm kienu qed jirreġistraw f'Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Malta u Għawdex sa l-aħħar t’April 2020 (li huma l-aħħar ċifri ppublikati) fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-registru kien ta’ 3,979 persuna. Minn dawn, 3,719-il persuna kienu qed jirreġistraw fuq l-ewwel parti tar-reġistru, filwaqt li 260 persuna kienu qed jirreġistraw fuq it-tieni parti tar-reġistru.
Sa l-aħħar t’April 2020, in-numru ta’ Għawdxin li kienu qed jirreġistraw kien ta’ 306 persuna li minnhom 284 kienu fuq l-ewwel parti tar-reġistru filwaqt li 22 kienu fuq it-tieni parti tar-reġistru.