Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #17273 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta’ Riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intużaw metri kubi ta' concrete ready-mix, kif ukoll min kejjel (jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra isem, kunjom u grad tal-individwu/individwi) u xi grad ta' ready-mix hu, fil-Proġett ta’ Riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk ġewwa r-Rabat Għawdex? Jista' jgħid kemm-il test sar, min għamel dawn it-testijiet (jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra isem, kunjom u grad tal-individwu/individwi) u fiex kienu jikkonsistu dawn it-testijiet min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex s'issa u f’liema ġurnata, ħin tal-ġurnata u xahar saru u x'kien l-eżitu ta’ dawn it-testijiet kif ukoll jgħid ġewwa liema laboratorji saru dawn it-testijiet u jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ntużaw 1420m3 ta’ concrete fi Pjazza San Franġisk, C20 u C25. Ix-xogħol qed jiġi mkejjel mil-Perit tal-Ministeru għal Għawdex. Intant qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tat-testijiet.

Librerija Pubblika u l-Arkivji Pubbliċi ta’ Għawdex — Aċċessibilità

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14721 li ngħatat fil-18 ta' Mejju 2020, jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar biex il-Librerija Pubblika u l-Arkivji Pubbliċi ta' Għawdex isiru iktar aċċessibbli peress li bħalissa dawn mhux aċċessibbli kemm għall-anzjani kif ukoll għall-persuni b’diżabilità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 13 PQ #17263 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Għawdex — nies li jaħdmu bi qligħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu bi qligħ f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-2013 sal-aħħar ta' Ottubru 2020, klassifikati taħt irġiel u nisa, full-time u part-time, jaħdmu għal rashom u impjegati ma' ħaddieħor fis-settur pubbliku, maqsuma f'dipartimenti tal-gvern u organizzazzjonijiet parastatali u fis-settur privat taħt id-diversi oqsma ta' produzzjoni diretti u dawk ta' servizzi tas-suq? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema f'Għawdex li kellhom xogħol part-time minbarra x-xogħol full-time tagħhom fl-aħħar ta' kull sena mill-2013 sal-aħħar ta' Ottubru 2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli kif ġej: Tabella A turi kemm kien hemm persuni jaħdmu f’Għawdex fuq bażi full-time u part-time bħala xogħol ewlieni tagħhom, fl-aħħar ta' kull sena minn Diċembru 2013 sal-aħħar ta' Jannar 2020, maqsuma f’irġiel u nisa, jaħdmu għal rashom u impjegati ma' ħaddieħor fis-settur privat, jaħdmu f'dipartimenti tal-gvern u organizzazzjonijiet parastatali, taħt id-diversi oqsma ta' produzzjoni diretti u dawk ta' servizzi tas-suq. Tabella B tindika n-numru ta' ħaddiema Għawdxin li kellhom xogħol part-time minbarra x-xogħol full-time tagħhom. L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Jannar 2020.
Leg 13 PQ #17264 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Nomina ta' persuni għal karigi elenkati fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap. 595

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid mill-2018 s’issa, kemm-il nomina ta’ persuni għal karigi kif elenkati fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap. 595 tressqu għal kunsiderazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi skont l-artikolu 38 tal-Kap. 595? F’kull każ x’kienet l-kariga li għaliha l-persuna kienet nominata u x’kien l-eżitu? Jista’ jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata li l-lista tal-karigi msemmija fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap. 595 tiġix estiża wkoll għall-membri tal-bordijiet tat-tmexxija tal-entitajiet pubbliċi elenkati fl-istess skeda?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-ebda kariga milli tinsab imsemija fit-tieni taqsima tal-Ħames Skeda ta’ Kap 595 ma taqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Għad-diskussjoni dwar jekk din il-ligi tistax tigi estiża wkoll għal karigi oħra, l-Interpellant għandu jirreferi għad-diskussjoni ta’ meta tressaq l-abbozz ta’ liġi.
Leg 13 PQ #17265 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ftehim mal-Kurja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari 15598 kollha kemm hi u jgħid kemm-il ftehim għandu l-Ministeru għal Għawdex mal-Kurja ta' Għawdex u oħrajn ġodda li kien hemm f'dawn l-aħħar xhur? Jista' jgħid xi jkopri kull ftehim? Jista' jgħid kemm hu l-ħlas totali li sar s’issa fuq kull ftehim? Jista' jpoġġi kopja ta' kull ftehim li hemm bejn il-Gvern u l-Kurja ta' Għawdex fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 15598.
Leg 13 PQ #17266 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Skemi u proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa u x'jonqos isir fuq kull kors, skema u proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020? Jista' jagħti t-timeframes bid-data sa meta għandu jitlesta x-xogħol li jonqos isir? Kemm kienet l-istima oriġinali u kemm hija mistennija li tkun l-ispiża issa? Fejn hemm differenza bejn l-istima oriġinali u dik riveduta, x'inhi r-raġuni għad-differenza?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 illi huma preżentement għaddejjin u għadhom ma tlestewx huma dawk skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed nelenka ukoll ir-raġunijiet għad-differenzi bejn l-istima oriġinali u dik riveduta, fejn hu l-każ.
Leg 13 PQ #17267 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kuntratti għall-asfaltar ta’ toroq residenzjali u toroq arterjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratti ngħataw mit-8 ta' Marzu 2013 sat-3 ta' Ġunju 2017 għall-asfaltar ta' toroq residenzjali u toroq arterjali? Min ħadhom u kemm hu l-valur ta' kull kuntratt? Kien hemm xi varjazzjoni fil-prezz tal-kuntratt wara li beda x-xogħol? Jekk kien hemm, x'inhu l-valur il-ġdid? Xi ħlasijiet saru fuq kull triq? Fadal xi kontijiet pendenti? Jista’ jgħid għal kull kuntratt jew direct order sarux quantity surveyor reports jew quality control tests u jekk iva jpoġġihom kollha fuq il-Mejda tal-Kamra, kif ukoll f' kull każ jgħid min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol li sar fit-toroq residenzjali u arterjali?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar tmien snin saru numru rekord ta’ toroq f’Għawdex, dan għal kuntrarju ta’ li sar taħt amministrazzjoni preċedenti. Għalhekk din l-informazzjoni teħtieġ xogħol massiċċ u li tieħu enerġija u ħin siewi lill-uffiċjali ta’ dan il-Ministeru. Għalhekk, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema Triq qed jirreferi.

Tender Trenching and Pipelaying for the Second Class Water (New Water) Distribution Network in Gozo — Water Services Corporation

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender “Trenching and Pipelaying for the Second Class Water (New Water) Distribution Network in Gozo - Water Services Corporation - CT3085/2019” u jgħid f’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol li huma ppjanati b'din l-imsemmija tender?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol ta’ dan it-tender mistenni jibda matul is-sena 2021.

Implimentazzjoni ta’ Direttiva – emendi

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11353 u 15104, jista' l-Ministru jgħid liema xogħol sar minn mindu twieġbet il-mistoqsija parlamentari 15104, b'mod partikolari jista' jgħid jekk saritx il-konsultazzjoni pubblika li għaliha hemm referenza fit-tweġiba, u jekk le, meta se ssir din il-konsultazzjoni pubblika u liema forma se tieħu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-emendi għall-Att dwar il-Kompetizzjoni u għall-Att dwar l-Awtorita` ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll ir-Regolamenti dwar l-Immunita` mill-Penali u t-Tnaqqis tal-Penali f’Investigazzjonijiet dwar Kartelli u r-Regolamenti dwar l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tressqu għall-konsultazzjoni pubblika onlajn li fetħet fit-2 ta’ Ottubru u għalqet fit-30 ta’ Ottubru. Il-konsultazzjoni pubblika kif ukoll ir-rapport finali rigward il-konsultazzjoni pubblika jistgħu jiġu aċċessati minn fuq il-link segwenti: https://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MTCP/Pages/Consultations/NationalimplementationoftheECNDirective20191intoMalteseCompetitionlawandotherproposedamendmentstotheCo.aspx Kopja tal-iscreenshot tal-link imsemmi qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCCAA — indipendenza fit-tmexxija

Question

Fl-ambitu tal-artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2019/1, tista' l-Ministru tgħid x'passi qed jitqiesu biex tkun garantita l-indipendenza tat-tmexxija tal-MCCAA u li min hu responsabbli għat-tmexxija jintgħażel abbażi ta' proċeduri trasparenti u ċari?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li b’referenza għall-artiklu 4 tad-Direttiva 2019/1, il-kariga li għaliha jirreferixxi dan l-artiklu hi dik tad-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, l-indipendenza ta’ min diġa’ hija garantita bid-dispożizzjonjiet preżenti fl-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, cioè l-artikoli 7(3), 11(1)(d) u 12(2) sa (4) tal-imsemmi Att. Din l-indipendenza tad-Direttur Ġenerali u tal-Uffiċċju ser tkompli tissaħħaħ billi ser jiġu trasposti u implimentati fil-liġi Maltija id-dispożizzjonjiet preżenti fl-artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2019/1 u dan kif huwa evidenti fl-abbozz ta’ liġi li ġie ippreżentat għall-konsultazzjoni pubblika. Fil-fatt l-Artiklu 13A tal-Abbozz jispeċifika fost affarijiet oħrajn li d-Direttur Ġenerali għandu jwettaq dmiru b’mod indipendenti minn influwenza politika u ma jieħux struzzjonijiet mill-Gvern u jastjeni milli jieħu kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli mat-twettieq ta’ dmirijietu. Rigward il-ħatra tat-tmexxija tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, huwa kkunsidrat li l-liġijiet nazzjonali diġa’ jipprovdu għall-proċedura ċara u transparenti, permezz ta’ dispożizzjonjiet preżenti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-Att dwar is-servizz ta’ impjieg u taħriġ u l-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
Leg 13 PQ #17259 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Impegati full-time u part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar 2020 sal-aħħar ta' Ottubru 2020 kemm kien in-numru totali ta' persuni f'impjieg full-time fl-aħħar ta' kull xahar u kemm kien in-numru totali ta' persuni f'impjieg part-time fl-aħħar ta' kull xahar? Kemm minn dawn kienu ċittadini Maltin u kemm kienu dawk li ma kellhomx ċittadinanza Maltija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni barranin u Maltin jaħdmu f’Malta u Għawdex fuq bażi full-time u part-time sal-aħħar ta’ Jannar 2020 (l-aħħar ċifra ppubblikata) huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Jannar 2020 Barranin Maltin Total Full-time 63,572 164,032 227,604 Part-time 5,675 28,838 34,513 Total 69,247 192,870 262,117
Leg 13 PQ #17260 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur u l-Qala — billboards - permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-billboards li tpoġġew mill-Ministeru għal Għawdex xi xhur ilu ġewwa Triq iż-Żewwieq fil-Qala Għawdex u fil-parti ta' isfel ta' Triq l-Imġarr fin-Nadur, li ilha iktar min sentejn magħluqa, biex jirreklamaw xogħol li sar u li qed issir mill-Ministeru għal Għawdex għandhomx il-permessi meħtieġa tal-Awtorità tal-Ippjanar u entitajiet oħra kompetenti u jekk iva jpoġġi kopja ta' dawn il-permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn il-billboards qegħdin skont is-Subsidiary Legislation 552.28.

Persuni li ttrasferew il-Karta tal-Identità minn Malta għal Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni li ttrasferew ir-residenza u l-Karta tal-Identità tagħhom minn Malta għal Għawdex xahar b'xahar, mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #17262 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — items of expenditure

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa s'issa taħt kull item of expenditure għal din is-sena sew kapitali kif ukoll rikorrenti tal-Ministeru tiegħu? Kemm hu l-ammont kommess għan-nefqa taħt kull item u li s'issa għadu ma tħallasx? Saru xi trasferimenti ta' fondi minn item għal ieħor u jekk iva kemm kien dan l-ammont?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #17180 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra Għawdex – Triq Ta’ Ġorf — xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li saru ftit tax-xhur ilu mill-Ministeru għal Għawdex fuq parti minn Triq Ta' Ġorf ġewwa x-Xagħra Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva minn min saru, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għad fadal xi xogħlijiet minuri li jridu jitlestew qabel joħorġu ċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa. Ix-xogħlijiet qed jiġu sorveljati minn Uffiċjali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #17181 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Permessi maħruġa lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Albaniża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Albaniża biex jiġu jaħdmu fil-Gżejjer Maltin, xahar b'xahar minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa u l-etajiet tagħhom u għal kemm żmien ingħataw permess biex ikunu jistgħu jaħdmu Malta u Ghawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni tinkludi biss permessi lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Albaniza maħruġa minn Jobsplus.
Leg 13 PQ #17182 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema bil-Contract for Service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema bil-Contract for Service fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid taħt liema Direttorat jiffurmaw parti dawn il-ħaddiema, kif ukoll jgħid x'inhu xogħolhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 10896.

Torri tal-Qbajjar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16998, 16592 u 15475 li oriġinarjament saru lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġew riferuti lilu u jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħu fuq it-Torri tal-Qbajjar li jinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf? Ma jaħsibx il-Ministru li għandha ssir xi ħaġa immedjata biex dan il-bini storiku ma jiġġarrafx?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet għaddejja b’diskussjonijiet interni biex b’mod effettiv tikkonkludi proċessi legali pendenti rigward dan is-sit.
Leg 13 PQ #17253 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo NGOs Association — għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar tliet snin x'għajnuna finanzjarja ngħatat lill-Assoċjazzjonijiet tal-Għaqdiet Non Governattivi f'Għawdex (Gozo NGOs Association)? Jista' jgħid f'kull każ, x'kien l-iskop tal-għajnuna li ngħatat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Marzu 2020, l-Għaqda Gozo NGOs Association kellha ittela attività Celebrating Harmony in Diversity, pero’ l-istess attivita’ kellha titħassar akkawża tar-restrizzjonijiet ta’ saħħa li ġew implimentati minħabba l-pandemija li għaddejjin minna.
Leg 13 PQ #17254 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — flus mgħoddija mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern permezz ta' entitajiet tiegħu xi flus għadda, li ma kienx ħlas għall-biljetti tal-vapur lill-Gozo Channel jew kumpanija tagħha? Jista' jgħid f'kull każ, x'kien l-iskop u għaliex għaddew dawn il-flus mill-Gvern Ċentrali jew entità tiegħu lil Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-flus li rċeviet il-Gozo Channel mill-Gvern f’dawn l-aħħar ħames snin kienu prinċipalment dawk dovuti lill-Gozo Channel taħt il-Kuntratt ta’ Konċessjoni Pubblika għat-transport bejn Malta u Għawdex u l-emendi li saru taħt l-istess kuntratt, liema kuntratt u emendi kienu approvati mill-iState Aid Monitoring Board.