Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #17869 Sitting 415 2021-01-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MFSA – allokazzjoni tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif l-allokazzjoni tal-Gvern (vot 6847) għall-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) għas-sena 2020 kien €13.6 miljun u fil-fatt intefqu €28,875,000 - ferm aktar mid-doppju? Jista' jgħid għaliex intalbet din iż-żieda fil-vot kif jirriżulta mill-Estimi Supplimentari għas-sena 2020? Jista' jgħid x'kienu l-ispejjeż extra li għamlet l-MFSA matul is-sena 2020 li ma kinux maħsuba fil-budget kif approvat minn din il-Kamra għas-sena 2020? Jista' jgħid issa kif għas-sena 2021 il-budget approvat għall-MFSA minn naħa tal-Gvern huwa dak ta' €16-il miljun (vot 6847) u ċjoè 12-il miljun inqas minn dak li kellha bżonn l-MFSA mingħand il-Gvern għas-sena 2020? Dan ifisser li l-MFSA ser tnaqqas l-ispiża tagħha u jekk iva kif u minn fejn ser tnaqqas? Jew ifisser li l-MFSA ser iżżid id-dħul tagħha permezz ta' fees ġodda jew żieda fil-fees tagħha? Jekk iva liema fees hu maħsub li jidħlu ġodda u liema fees hu maħsub li jiżdiedu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiza rikorrenti tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta fis-sena 2019 kienet ta’ €27.5 miljuni, filwaqt li l-ispiza kapitali fl-istess perjodu kienet ta’ €1.9 miljuni. L-ispiza rikorrenti tal-Awtorità fis-sena 2020 hi stmata li ser tkun €29 miljun, filwaqt li l-ispejjez kapitali jilħqu €1.4 miljuni. Importanti li wieħed jinnota d-distinzjoni bejn is-sussidju tal-Gvern lill-Awtorità, li oriġinarjament kien €13.6 miljun, u n-nefqa totali tal-istess Awtorità. Is-sussidju tal-Gvern jingħata lill-Awtorità biex tkopri d-differenza bejn id-dħul tal-Awtorità u l-istima tan-nefqa totali tal-Awtorità. L-ispiza rikorrenti għas-sena 2020 tinkludi spejjez straordinarji ta’ €3.9M relatati mas-Satabank minħabba l-fatt li l-Awtorità kienet ingaġġat ‘Persuna Kompetenti’ biex tieħu ħsieb l-operat ta’ dan il-bank, kif kien jirrikjedi li tagħmel. Spejjez addizjonali ta’ €1.72M kienu relatati maz-zieda fir-rizorsi umani u servizzi professjonali relatati ma’ ‘Regulatory support’ u ‘Due Diligence’ hekk kif l-Awtorità kompliet timplimenta l-pjan strateġiku tagħha u l-pjan relatat mal-implimentazzjoni tar-rakomandazzjonijiet tal-Moneyval. Intalbu wkoll €1.4M biex l-Awtorità tirrifondi dħul tar-Registry of Companies (ROC) li baqa’ jidher fuq il-kotba tal-Awtorità għal ftit xhur wara li din ta’ l-aħħar saret il-Malta Business Registry (MBR) u nqatgħet bħala entità għaliha fl-istess sena. It-talba mill-Awtorità għall-ispejjez rikorrenti fis-sena 2020 kienet ta’ €13.98M, li minnhom ġew approvati €13.6M. Din id-differenza ta’ €380K, flimkien mal-aġġustamenti li kien hemm bzonn kif spjegat hawn fuq, irrizulta fi bzonn ta' fondi addizzjonali ta' €10.52M għall-ispejjez rikorrenti biex ikun jista’ jitmexxa l-operat kollu tal-Awtorità fis-sena 2020. Wara li kkunsidrat l-andament tal-proġetti u investimenti neċessarji, anki fl-isfond tal-pandemija, l-Awtorità għamlet talba lill-Gvern għall-€3.35M biex tkopri l-spejjez kapitali, biex b’hekk t-talba addizzjonali finali tar-revizjoni tal-estimi għas-sena 2020 telgħet għal €15.275M, li jinkludu wkoll l-ammont dovut mill-Awtorità lill-Malta Business Registry. Sussegwentament, l-Awtorità rċeviet €7.284M. €4M supplimentari għall-operat dirett u €3.284M biex tkopri l-ispejjez tal-'Persuna Kompetenti' biex tieħu ħsieb l-operat ta' SataBank. Infiq fuq spejjez kapitali għas-sena 2020 fil-biċċa l-kbira tiegħu ġie trasferit għas-sena 2021. Għalhekk, wara din ir-rikonċiljazzjoni, l-Awtorità ziedet ir-reviżjoni tal-estimi għas-sussidju neċessarju għas-sena 2020 minn €13.6M għal €20.88M, b’differenza totali ta' €7.284M li ġejja primarjament mill-infieq straordinarju relatat mal-bank Satabank , u minn nuqqas ta' €4.52M fid-dħul oriġinarjament previst li jiġi ġġenerat fis-sena 2020. Is-somma ta’ €16-il miljun mhix in-nefqa totali tal-Awtorità, izda s-sussidju approvat mill-Gvern, kif meħtieġ sabiex l-Awtorità topera u timplimenta l-proġetti meħtieġa. Fis-sena 2021, l-ispiza ser tizdied bejn wieħed u ieħor b'€5M meta mqabbla mal-ispiza tas-sena 2020 (minn €29M għal €34M), bl-investiment ippjanat fit-teknoloġija, u minħabba z-zieda fir-rizorsi umani li saret fis-sena 2020 bħala parti mill-pjan strateġiku tal-Awtorità. It-talba mill-Awtorità li r-rizultat f’€16M approvati mill-Gvern, kienet saret fiz-zmien meta l-Awtorità kienet qiegħda tieħu f’kunsiderazzjoni zieda fid-dħul tagħha minn naħa ta’ revizjoni tal-mizati. Għalkemm sar progress kbir mill-awtoritajiet tas-saħħa fil-ġlieda kontra l-pandemija, l-Awtorità qed timxi b’kawtela fuq l-introduzzjoni ta’ mizati ġodda, hekk kif l-ekonomija tkompli tirpilja. Madanakollu, l-Awtorità għandha obbligu li tkompli tinvesti, u ttejjeb l-mod kif tesegwixxi x-xogħol supervizorju tagħha, kif mistenni minnha, inkluz mill-istituzzjonijiet Ewropej. Jista’ jagħti l-kaz, allura, li matul is-sena 2021, l-Awtorità tagħmel talba lill-Gvern għal fondi supplimentari, biex b’hekk tkun tista tkompli bl-operat tagħha.

REWS – deċiżjoni regolatorja u konsultazzjoni pubblika maħruġa fis-settur tas-servizzi tal-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-2015 s’issa, sena b’sena, kemm-il deċiżjoni regolatorja ħareġ ir-REWS fir-rigward tas-settur tas-servizzi tal-ilma? Kemm minn dawn id-deċiżjonijiet kienu kontestati u f’kull każ, x’kien l-eżitu tal-kontestazzjoni? Tista’ tgħid mill-2015 s’issa kemm-il konsultazzjoni pubblika nħarġet mir-REWS fir-rgiward tas-settur tas-servizzi tal-ilma? F’kull każ, x’kien is-suġġett, meta nħarġet il-konsultazzjoni u jekk din kinitx tittratta dwar xi implimentazzjoni ta’ xi rekwiżit tal-UE u jekk iva, liema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), fil-każ tas-settur tal-Ilma, ma kellux deċiżjonijiet regolatorji x'jieħu fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2019. Fl-2018 ir-REWS ħadet deċiżjoni waħda fuq l-istess settur imsemmi rigward “Regolamenti dwar il-Proċeduri għad-Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet” li ma ġietx ikkontestata. Fl-2020 ir-REWS ħadet żewġ deċiżjonijiet oħra; fuq l-ewwel każ ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni, waqt li fit-tieni każ il-kontestazzjoni għadha kemm bdiet u għalhekk għadha għaddejja quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva. Fir-rigward tal-konsultazzjoni pubbliċi tas-settur tal-ilma, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) ma ħareg l-ebda konsultazzjoni pubblika mill-2015 s’issa.
Leg 13 PQ #17876 Sitting 415 2021-01-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Estimi Supplimentari għas-sena 2020 – Ministeru għall-Finanzi: Investment — Equity Acquisition

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex kien hemm il-ħtieġa li jiġu vvutati 26,980,000 Euro iżjed minn dak approvat fl-estimi għas-sena 2020 taħt il-Vot 7235 "Investment - Equity Acquisition'? Jista' jgħid fiex intefqu s-36,890,000 Euro taħt dan il-Vot u jagħti breakdown ta' kull nefqa li saret taħt dan il-vot?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-somma ta’ €36,980,000 ivvuttata taħt Item 7235 Investment Equity Acquisition permezz ta’ l-Ewwel u t-Tieni Atti ta’ Approprjazzjoni għall-2020 tikkonsisti f’ dan li ġej:- · €10.0 miljuni għall-Bank Malti għall-I¿vilupp · €13.02 miljuni għall-IP Holding · €13.96 miljuni għall-Mekkanizmu Ewropew ta’ Stabbiltà Fil-kaz tal-Mekkanizmu Ewropew ta’ Stabbilta’, filwaqt li l-ammont kien ġie vvutat oriġinarjament taħt item ieħor, cioe’ Item 5644 EFSF / ESM Credit Line Facility fil-Vot Rikurrenti tat- Tezor , dan l-ammont ġie trasferit għal taħt Item 7235 Investment Equity Acquisition sabiex jirrifletti n-natura tan-nefqa b’mod aktar idoneju. Minħabba f’dan, l-ammont oriġinarjament ivvutat taħt Item 5644 EFSF / ESM Credit Line Facility allura ser jibqa ma jintefaqx.
Leg 13 PQ #17807 Sitting 414 2021-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Rabat Għawdex – Skola sekondarja – car park u ground

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-car park tal-karozzi li jinsab taħt l-Iskola Sekondarja u l-ground tal-istess skola ġewwa r-Rabat Għawdex, għadux taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u jekk iva x'inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar xhur tqabdet kumpanija tas-sigurtà permezz ta' direct order mill-Ministeru għal Għawdex biex tagħmel xogħol ta' sigurtà f'dan l-imsemmi car-park?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-car park tal-iskola sekondarja hi taħt l-MFED.
Leg 13 PQ #17808 Sitting 414 2021-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Għawdex – Skejjel Primarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm skejjel primarji f'Għawdex, kemm dawk tal-Gvern, kemm dawk tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti u fejn jinsabu? Tista' tgħid kemm kien hemm studenti f'kull skola fl-aħħar ta' Ottubru 2020 u kemm minn dawn kienu ta' nazzjonalità barranija? Tista' tgħid kemm kien in-numru ta' għalliema f'kull skola primarja kif ukoll in-numru ta' LSAs f'kull skola?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif muri fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — qabdiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: 1) kemm-il serqa ġiet rappurtata f'Għawdex fis-sena 2020? 2) kemm-il persuna nqabdet bid-droga ta' kull tip f'Għawdex fis-sena 2020? 3) kemm-il ġlieda ġiet rappurtata f'Għawdex matul is-sena 2020? 4) kemm-il persuna taħt l-età nqabdet f'postijiet tad-divertiment f'Għawdex fejn ma jistgħux jidħlu persuni taħt is-sittax-il sena matul is-sena 2020? 5) kemm-il persuna f'Għawdex inqabdet tpejjep f'postijiet pubbliċi fejn ma jistax isir tipjip fis-sena 2020?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mill-informazzjoni miġbura mill-Pulizija, l-ammont ta' każi kif elenkati mill-Onorevoli Interpellant li seħħew ġewwa Għawdex mill-ewwel tas-sena 2020 sal-aħħar ta’ Dicembru 2020, kienu kif jidher fit-tabella hawn taħt: Dettalji 2020 1. Ammont ta’ serq li ġie rappurtat f'Għawdex (sa Novembru) 185 2. Numru ta’ persuni li nqabdu bid-droga ta' kull tip f'Għawdex 5 3. Ammont ta’ kazi ta’ ġlied li ġie rappurtat f'Għawdex 71 4. Numru ta’ persuni taħt l-età li nqabdu f'postijiet tad-divertiment f'Għawdex Nil 5. Numru ta’ persuni li nqabdu jpejjpu f'postijiet pubbliċi f'Għawdex Nil

Għawdex – AFM – investiment infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ investiment infrastrutturali sar fil-Barracks tal-Forzi Armati (AFM) fin-Nadur u f'postijiet oħra li għandha l-AFM ġewwa Għawdex matul is-sena 2020 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża xahar b'xahar u x’proġetti infrastrutturali hemm ippjanati minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena u matul is-sena 2021 fis-siti tal-Forzi Armati f'Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2020 minbarra xogħlijiet ta' manutenzjoni, inbidlitx l-għamara, tlestiex il-fence tal-perimetru u tkabbarx il-helipad?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Is-sena li għaddiet saru diversi xogħlijiet bil-għan li jitjieb l-ambjent fil-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta, kemm fin-Nadur kif ukoll fl-Imġarr. Fost oħrajn inbidlu ħitan tas-sejjieħ, issebħu uffiċini, saru dwal ġodda, tjieb is-servizz tal-internet u twaħħal apparat li jtejjeb l-arja, fost oħrajn. Kienet installata wkoll għamara ġdida. Fuq dawn ix-xogħolijiet, fl-Imġarr u l-Qortin, intefqu madwar €19,000. Din is-sena se jsir xogħol fuq ir-refurbishment tal-Guard room, iktar xogħol fuq il-fence kif ukoll jitkompla t-tisbieħ u t-tiswijiet neċċesarji fil-bini kollu tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Għawdex. Dwar il-helipad għaddej studju dwar il-vijabbiltà u xiri ta’ dawl speċifiku għal u¿u f’inistalazzjonijiet simili biex issa jsiru wkoll l-applikazzjonijiet mal-awtorità tal-ippjanar.
Leg 13 PQ #17811 Sitting 414 2021-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xogħol infrastrutturali u ta’ restawr tal-Akwedott tar-Rabat Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid x'tip ta’ xogħol infrastrutturali u ta' restawr sar matul is-sena 2020 u kemm kienet l-ispiża tal-proġett ta’ restawr tal-Akwedott tar-Rabat, Għawdex, li kien imħabbar fil-Baġit tas-sena 2017? Jista’ jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2020 saru l-istudji ġeoloġiċi u li għadhom ma sarux ħlasijiet. Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew sa Marzu 2023.

Għawdex — Rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan l-AFM

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12317, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid fiex waslu u jekk ġewx konklużi t-taħdidiet bejn il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Ministeru għal Għawdex għar-rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan l-AFM ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 17812, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li t-taħdidiet dwar ir-rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan il-FAM ġewwa Għawdex għadhom għaddejjin bil-għan li tinstab l-aħjar soluzzjoni.

Implimentazzjoni tar-regolament tal-Unjoni Ewropea 2017/2394

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslu l-miżuri leġiżlattivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri a tenur tar-Regolament tal-UE 2017/2394 u dan ukoll fir-rigward tad-direttivi u regolamenti kollha msemmija fl-anness tal-istess Regolament, dan tenut kont tal-fatt li dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar tal-2020?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-emendi proposti għall-leġiżlazzjoni li taqa’ taħt l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandhom jitressqu quddiem il-Parlament dalwaqt minħabba li kien hemm bżonn ta’ xi emendi ulterjuri abbażi tal-konsultazzjoni. Fil-każ tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur l-emendi proposti għall-leġiżlazzjoni li jaqgħu taħt l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur japplikaw ukoll għall-Kunsill.

Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2018/1972

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE 2018/1972 tenut kont tal-fatt li l-implimentazzjoni tagħha trid isir sal-21 ta’ Diċembru 2020?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qiegħed ikun iffinalizzat id-dokument li ser jkun qigeħed jiġi ppubblikat għal konsultazzjoni.
Leg 13 PQ #17791 Sitting 413 2021-01-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – Vjaġġi ta’ merkanzija minn Għawdex għall-Belt u lura

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-Gozo Channel jerġa’ jibda l-vjaġġi tal-merkanzija mill-Imġarr Għawdex għall-Belt Valletta u lura, liema vjaġġi twaqqfu tliet snin ilu u dakinhar il-Gvern permezz tal-Ministeru għal Għawdex kien qal li dawn twaqqfu temporanjament u kellhom jibdew fi żmien qasir? Jista' jgħid meta hu maħsub li jerġa’ jibda dan is-servizz bejn Malta u Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija qiegħda tistudja fuq kif inhu l-aħjar mezz li din isir.

Binjiet skedati f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-binjiet kollha skedati f'Għawdex mill-Awtorità tal-Ippjanar, lokalità b'lokalità? Jista' jindika l-kategorija ta’ skedar għal kull proprjetà? Jista' jindika wkoll liema minn dawn il-binjiet jappartjenu lill-Gvern?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskedar tal-bini jiġi kkunsidrat biss il-meritu storiku-arkitettoniku tal-binja u allura ma ssirx distinzjoni jekk hiex proprjetà tal-Gvern jew privata jew ta’ xi entitajiet oħra.
Leg 13 PQ #17805 Sitting 413 2021-01-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – widien rijabilitati

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 10029 u 11828, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-widien li kienu se jiġu mnaddfa u jiġu rijabilitati fis-sena 2019 li kienu Wied il-Għasri; Ta’ Kittina, Marsalforn u l-Wied tal-Grazzja ġewx imnaddfa u rijabilitati kollha kemm huma u jekk le x'inhuma r-raġunijet li ma ġewx imnaddfa u rijabilitati issa li qegħdin fl-aħħar ġranet tas-sena 2020? X'tenders għat-tindif ta' dawn il-widien diġà ħarġu u ġew awarded?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħiet għall-offerti għat-tindif tal-widien imsemmija ser ikunu jistgħu jitlestew meta jinkisbu l-permessi mill-ERA għat-tindif tal-widien li huma iffinanzjati minn fondi Ewropej. B’hekk is-sejħiet għall-offerti jkunu jistgħu jkopru tindif ta’ iktar minn wied wieħed.
Leg 13 PQ #17806 Sitting 413 2021-01-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Skema tal-ħaddiema tal-komunità

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni fl-iskema tal-ħaddiema tal-komunità? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu minn Għawdex u kemm minn Malta? Jista' jgħid x'inhuma r-rekwiżiti biex wieħed ikun jista' jiġi ingaġġat f'din l-iskema? Kemm hu l-perjodu minimu li wieħed irid ikun ilu jirreġistra biex jiġi ingaġġat f'din l-iskema? X'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom u x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu? Jista’ jgħid kemm hemm ippjanati li jiddaħħlu ħaddiema tal-komunità fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 1,034 persuna fl-iskema tal-ħaddiema tal-komunità, 735 minn Malta u 299 minn Għawdex. Ir-rekwiżiti biex wieħed ikun jista' jiġi ingaġġat f'din l-iskema huma: - persuni li kienu fl-iskema qabel it-twaqqif tal- Community Work Scheme Foundation ; - persuni vulnerabbli. Il-ħinijiet tax-xogħol ivarjaw minn full-time, part-time u reduced hours. It- tip ta’ xogħol li qed jagħmlu jiddependi fuq il-ħiliet tal-individwu mqabbla mal-esiġenzi tal-entità kkonċernata jiġifieri skont jekk humiex impjegati mal-Kunsilli Lokali, għaqdiet volontarji (NGOs) jew ma’ skejjel pubbliċi. L-iżjed xogħlijiet komuni huma dawn imsemmija hawn taħt: - Cleaner - Maintenance - Handyman - Receptionist - Clerk - Home Assistant - Rubble Wall Builder - Driver Sal-15 ta’ Diċembru m’hemmx applikazzjonijiet pendenti u għalhekk m’hemmx informazzjoni kemm hemm ippjanati li jiddaħħlu ħaddiema tal-komunità fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin.
Leg 13 PQ #17739 Sitting 412 2020-12-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Triq li twassal għall-bajja ta’ Daħlet Qorrot – xogħol

Question

B' referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16337, li ġiet imwieġba fis-6 ta' Ottubru 2020, fejn intqal fit-tweġiba li 'l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jieħu ħsieb li din it-triq issir' jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li ser isir ix-xogħol fit-triq li twassal għall-Bajja ta’ Daħlet Qorrot f’Għawdex u preċiżament f’dik il-parti tat-triq fejn qed iċedi? Jista’ jara li dan ix-xogħol isir qabel jiġri xi inċident li jkollu konsegwenzi serji? Jista’ jgħid ukoll mill-aħħar mistoqsijiet li saru diversi xhur ilu dwar din it-triq sal-lum, x’sar mill-Ministeru tiegħu biex din il-problema tiġi indirizzata qabel ikun tard?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser jsiru x-xogħlijiet neċessarji fiż-żmien li ġej.
Leg 13 PQ #17740 Sitting 412 2020-12-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Senior Foreman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fis-Servizz Pubbliku li ngħataw il-promozzjoni ta' Senior Foreman mal-Ministeru għal Għawdex sena b'sena u xahar b'xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid fil-ġimgħat li ġejjin kemm hemm ippjanati skont il-Capacity Building (HR Plan) approvat għas-sena 2020, li jingħataw promozzjonijiet internament mal-Ministeru għal Għawdex ta' Senior Foreman?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mid-data ndikata kien hemm disa persuni li ngħataw il-promozzjoni ta’ Senior Foreman. Tnejn minnhom ingħataw il-promozzjoni fl-2018, wieħed ingħata l-promozzjoni fl-2019, filwaqt li l-bqija ngħataw il-promozzjoni matul din is-sena. Bħalisssa għaddej proċess ta’ selezzjoni ta’ żewġ sejħiet oħra ta’ Senior Foreman.
Leg 13 PQ #17741 Sitting 412 2020-12-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — items of expenditure

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17262 u jgħid kemm hi n-nefqa s'issa taħt kull item of expenditure għal din is-sena sew kapitali kif ukoll rikorrenti tal-Ministeru tiegħu? Kemm hu l-ammont kommess għan-nefqa taħt kull item u li s'issa għadu ma tħallasx? Saru xi trasferimenti ta' fondi minn item għal ieħor u jekk iva kemm kien dan l-ammont?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Iż-Żebbuġ – Belveder – Triq Santa Marija – tender għal xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16591 li ngħatat fl-10 ta' Ottubru 2020 rigward 'ix-xogħlijiet li qed jagħmel il-Kunsill taż-Żebbuġ fil-Belveder li jinsab fi Triq Santa Marija gewwa Marsalforn' fejn intqal fit-tweġiba li 'x-xogħol beda iżda minħabba raġunijiet oħra ta’ urġenza l-kuntrattur ma kompliex ix-xogħol b’mod regolari. Hu ppjanat li x-xogħol se jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin' u li 'x-xogħlijiet għandhom jitlestew sal-aħħar ta' Diċembru 2020', jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet oħra ta' emerġenza li l-kuntrattur ma komplix ix-xogħlijiet b'mod regolari? Jista’ jgħid jekk tkomplewx ix-xogħlijiet infrastrutturali f'dawn l-aħħar ġimgħat u x'sar fil-konkret? Jista’ jgħid jekk ix-xogħljiet humiex ħa jitlestew sal-aħħar ta' Diċembru 2020?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #17743 Sitting 412 2020-12-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra Għawdex – Għar ta’ Calypso — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin? Jista’, in vista li żewġ Ministru ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li daqt jerġa’ jinfetaħ, jgħid jekk tħejjewx id-disinni biex tiġi sottomessa applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk tlestew id-disinni u saret l-applikazzjoni. jista' jpoġġi n-numru tal-applikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-disinji għal dan il-proġett tlestew u ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġu evalwati. It-tracking number ta` din l-applikazzjoni huwa 244119.